L-irdumijiet tal-punent

Kitba ta’ Alex Camilleri. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara 8(2005) Nru 29. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Ir-Ramla taċ-Ċirkewwa

Hekk kif iddur mal-Ponta taċ-Ċirkewwa, titfaċċa kosta differenti għal kollox minn dik ta’ mal-fliegu u mill-ewwel tintlemaħ Il-Qala taċ-Ċirkewwa bil-blat għoli li jdawwarha. Qrib il-ponta hemm Iċ-Ċirkewwa ta’ Ġewwa, fejn fl-1990 kien inbena moll ieħor kbir taħt l-aktar parti baxxa tal-irdum; dan sar flok ieħor eqdem u jintuża l-aktar meta l-baħar qawwi mill-grigal ma jħallix il-vapuri jitrakkaw faċċata l-fliegu. Qrib dan il-moll, l-irdum jaqta’ dritt għal ġol-baħar u jissejjaħ L-Irdum l-Abjad minħabba l-kulur tal-ġebla tas-sekonda li ssawru; wieħed xiħ mill-Mellieħa kien semmieli wkoll għar (L-Għar l-Abjad) li jinsab hawn, iżda dan qatt ma rnexxieli nsibu. Aktar ‘il ġewwa, l-irdum ikompli jogħla u jibdel ismu: L-Irdum taċ-Ċirkewwa; taħtu hemm talut wieqaf tat-tafal, miksi b’tirxien kbar u żgħar li tqaċċtu mill-irdum u waqgħu ‘l isfel għal ma’ xatt il-baħar. U sewwasew taħt l-Irdum taċ-Ċirkewwa hemm ukoll Ir-Ramla taċ-Ċirkewwa, xtajta ramlija tassew pittoreska li qegħda tinħataf u tinbela’ taħt it-tkabbir bla rażan ta’ stabbiliment li suppost kien beda bħala gabbana żgħira.

Ta’ Qassisu

Ftit ‘il bogħod lejn il-punent, l-irdum joħroġ mill-bajja sewwasew fil-Ponta ta’ Xriek, u jibda jisporġi mill-ewwel għal fuq il-baħar miftuħ. Minn hawn ‘il quddiem jibda Rdum il-Qawwi, li jieħu bixra tassew salvaġġa— għoli u b’labirint ta’tirxien enormi taħtu, tant li hemm saħansitra fejn tintilef fl-ispazji dojoq u fondi ta’ bejniethom. Fost l-akbar minn dawn il-blatiet maqtugħin hemm Iċ-Ċatta u Ir-Raff (aktarx it-tnejn li huma msemmijin hekk minħabba l-quċċata ċatta tagħhom), filwaqt li anke uħud mill-ħniedaq fondi ta’ bejniethom għandhom l-ismijiet tagħhom, ngħidu aħna Il-Ħarq tal-Ħamiem u Il-Ħarq taċ-Ċatta. Taħt parti mill-irdum, hemm ukoll bħal daħla tal-baħar li fil-mapep tintwera bħala Ta’ Qassisu. Hawn naraw arkata naturali minquxa mill-baħar (Il-Ħnejja) u munzell ta’ blat ħamrani (aktarx tip ta’ depożitu Kwaternarju) li jgħidulu Il-Borġ l-Aħmar. Bejniethom hemm wesgħa żgħira (Il-Qatgħa ta’ Marzu) b’xi kmamar tas-sajjieda qalb il-blatiet għoljin. Fl-istess parti ta’ Rdum il-Qawwi hemm ukoll erba’ mnieżel, jiġifieri mogħdijiet aktarx weqfin mnejn tista’ tinżel mill-art għolja ta’ fuq l-irdum għal taħtu. L-ewwel fost dawn huwa Il-Minżel ta’ Ruman jew Il-Minżel tar-Rixtellu,  li jintlaħaq minn ġo bieb f’xifer l-irdum imsejjaħ L-Arkata (magħmul minn ġebliet kbar tal-qawwi; il-fdalijiet taċ-ċappetti juru li qabel kien jingħalaq b’rixtellu tal-ħadid) li mbagħad tagħti għal taraġ qadim li jinżel mal-irdum. Qribu hemm Il-Minżel ta’ Ġaħa (taraġ dritt ġo foss fond maqtugħ fl-irdum) u mbagħad Il-Minżel ta’ Piswella (taraġ imserrep maqtugħ fil-blat max-xifer); bejniethom hemm il-fetħa ta’ minżel ieħor li m’għadux jeżisti, aktarx minħabba li ġġarraf il-blat ta’ taħtu. Fl-aħħarnett, hemm Il-Minżel l-Abjad, li mhux ħlief passaġġ dejjaq li jinżel minn ġo xaqq f’parti baxxa tal-irdum; matulu tiltaqa’ ma’ Għajn Tuta, nixxiegħa naturali li tferra’ l-ilma tagħha (permezz ta’ kanali qodma) għal ġo ġiebja żgħira. Qalb ix-xagħri qrib il-Minżel tar-Rixtellu hemm ukoll Il-Latnija, ħofra kbira qisha borma fonda xi erba’ sulari; minkejja isimha (li jfisser barriera jew bir kbir taħt l-art), din hija l-fdal ta’ għar kbir sfrundat, l-istess bħall-Maqluba li tinsab ħdejn Il-Qrendi fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Il-Minżel ta’ Rixtellu

Fit-tarf ta’ Rdum il-Qawwi, l-irdum idur dawra sew u jibda jħares lejn in-nofsinhar minflok lejn il-majjistral. It-tirxien jonqsu kważi għal kollox ukoll, u minflokhom jitfaċċa għal darb’ oħra talut wieqaf ta’ tafal mikxuf, bi plajja ċatta tal-franka u taż-żonqor taħtu. L-irdum issa jibda jissejjaħ Irdum il-Qammieħ, u t-tarf fejn jiltaqgħu dawn iż-żewġ irdumijiet huwa Ras il-Qammieħ; fuqhom togħla l-quċċata ta’ Ġebel Qammieħ. Taħt Ras il-Qmmieħ tixref ukoll blata tawwalija tal-franka qisha xabla kbira mal-livell tal-baħar, li tibqa’ ħierġa għal xejn għal xejn għal taħt l-ilma bħala sikka twila mhux ftit. Din tissejjaħ Il-Ponta tal-Qammieħ jew Il-Blata tal-Qammieħ, filwaqt li s-sikka nnifisha igħidulha Is-Sikka tal-Qawwi peress li Is-Sikka tal-Qammieħ qegħda kemmxejn aktar lejn ix-xlokk u toħroġ sewwasew minn taħt Irdum il-Qammieħ. Il-plajja taħt Irdum il-Qammieħ fiha wkoll xi żewġt għerien fil-baħar, fosthom Għar Ħamiema. Hemm ukoll il-fdal ta’ remissa qadima (L-Għar tal-Għasri) u l-iskal tagħha (Il-Miġbed), it-tnejn li huma maqtugħin fil-blat; ilhom għexieren ta’ snin abbandunati u waqa’ l-blat għal ġo fihom. Aktar ‘il fuq fl-irdum, ‘il bogħod mill-baħar, jinsabu xi oqbra antiki u xi mġiebaħ qodma tan-naħal; aktarx li L-Għar ta’ Ġulju huwa wieħed minnhom.

Ras il-Qammieħ

Il-Ponta tal-Qammieħ

Irdum il-Qammieħ jintemm ħesrem fil-Ħarq tan-Niġes, ħondoq wieqaf u spettakolari li jixbaħ mhux ftit lix-Xaqqa ta’ ħdejn Għar Lapsi fil-lbiċ ta’ Malta. U, l-istess bħax-Xaqqa, Il-Ħarq tan-Niġes huwa xaqq (fault) ewlieni li matulu seħħ ċaqliq ġeoloġiku kbir matul iż-żmenijiet. Tabilħaqq, kien l-istess ċaqliq tettoniku li fuq naħa għolla ‘l-Aħrax (inkluż Irdum il-Qammieħ) ‘il fuq filwaqt li fuq in-naħa l-oħra niżżel l-artijiet ta’ bejn il-Mellieħa u l-Aħrax (ngħidu aħna Iċ-Ċumnija, Il-Wied tal-Qammieħ u L-Għadira) għal mal-livell tal-baħar. Bejniethom inqarsu blokok iżgħar ta’ art, bħalma huwa Ġebel Imbark (sies wieqaf bejn Il-Ħarq tan-Niġes u ċ-Ċumnija). Ta’ min igħid ukoll li artijiet oħra madwarhom sfaw saħansitra mgħaddsa taħt il-baħar, u għaldaqstant mill-istess artijiet baxxi li semmejna tħalla biss għonq dejjaq (isthmus) li wassal biex l-Aħrax ħa l-forma ta’ denb kif nafuh illum. Iċ-Ċumnija ħadet isimha bl-istess mod bħall-Minfes li hemm fil-Ponta tal-Aħrax, billi kien hemm għar bis-saqaf mitqub mnejn il-raxx fin tal-baħar qawwi mill-punent u mill-lbiċ kien itir fil-għoli qisu duħħân. Minkejja li dan sfronda, il-forma tonda tiegħu għadha tingħaraf sew imnaqqra fil-blat tax-xatt. Min jaf kemm kienet sabiħa l-kosta mimlija għerien madwar iċ-Ċumnija fl-imgħoddi… imma llum żgur li jkollok seba’ mitt sena biex taħrab ‘il bogħod minnha: bokka ewlenija tad-dranaġġ b’miżbla kbira fuqha! U għal xi żmien tant kienet dejjem taqbad u ddaħħan li kien hemm saħansitra min kien beda jaħseb li din kienet ir-raġuni għala ssejħet ċumnija.

L-intern

Il-ġewwieni tal-Aħrax huwa huwa magħmul minn medda tawwalija ta’ art għolja faċċata l-Mellieħa (donnha sinsla li taqsam il-peniżola minn tulha, u li twassal minn Ġebel Qammieħ fil-lbiċ sal-Madonna tal-Aħrax fil-grigal), imxaqilba fuq ġenbha sa ma tinżel għal xejn għal xejn lejn il-Fliegu ta’ Kemmuna. Fil-fatt, din l-għamla mżerżqa tal-art tixbaħ xi ftit lil dik ta’ Kemmuna (għad li s-“sinsla” li iddeskrivejna fl-Aħrax hija, tista’ tgħid, ħaġa sħiħa u m’hix maqtugħa f’serje ta’ ħotob), u l-istess bħal f’Kemmuna, minn qalb ix-xagħriet fil-għoli jinżlu għadd ta’ widien baxxi li jibqgħu neżlin min-nofsinhar lejn it-tramuntana sa ma jiżbokkaw fir-ramliet li diġà semmejna. Fl-inħawi ta’ bejn il-Qammieħ u ċ-Ċirkewwa, l-art immejla b’pendil qawwi tissejjaħ Id-Dahar, li bil-Mellieħi tinstema’ “daħar” (jiġifieri bl-“h” tinħass wkoll).

Rdum il-Qawwi

L-Aħrax tal-Mellieħa huwa magħruf sew għall-meded kbar tax-xagħri (art bil-blat fil-wiċċ u bi rqajja’ baxxi ta’ ħamrija aktarx ħamra fejn jibker is-sagħtar u xtieli oħra bħalu) li jagħtuh dehra ta’ kampanja miftuħa, mirjieħa u salvaġġa. Min jaf jekk l-isem tal-post tnissilx minn din il-bixra ħarxa iżda daqstant ieħor karatteristika? Ix-xagħriet infushom għandhom ismijiethom ukoll: Ix-Xagħra tar-Rabti (fil-bidu tat-triq li mit-Telgħa tal-Aħrax twassal għall-Irdum tal-Madonna), żewġ postijiet imsejħin Ix-Xagħra (waħda fuq l-Irdum taċ-Ċirkewwa u l-oħra fuq Il-Wied ta’ Msid), Ix-Xagħra tar-Ratal (qrib tar-Ramla tat-Torri), u Ix-Xagħra tal-Marfa (ħdejn Il-Palazz tal-Marfa). Ma’ dawn nistgħu nżidu l-artijiet kbar li fit-tiswir t’isimhom isegwu tifsila aktarx sistematika, bħallikieku kienu taqsimiet aktar formali: L-Aħrax ta’ Ġewwa (l-artijiet ta’ fuq Irdum il-~mar), L-Aħrax tal-Għajn (fuq l-irdum taċ-Ċirkewwa), L-Aħrax tal-Bir (l-inħawi tal-Latnija), kif ukoll L-Aħrax tal-Madonna u L-Aħrax tar-Ramal li diġà ltqajna magħhom matul id-dawra max-xtut. Insomma, bil-mod il-mod anke dawn l-ambjenti qed jisfaw dejjem aktar vittma ta’ żvilupp rgħib u insensittiv, li la jagħti każ tas-sbuħija tal-pajsaġġ u wisq inqas tal-ekoloġija tal-post. Bl-iskuża ta’ riklamazzjoni mgħaġġla għall-agrikoltura, irqajja’ kbar li dari niftakarhom xagħriet mill-isbaħ miksijin kollhom sagħtar illum intradmu taħt min jaf kemm-il vjeġġ terrapien, biex saru egħlieqi ta’ kafkaf li lanqas biss isegwu l-forma naturali tal-art u għaldaqstant mill-ġenb jidhru qishom verżjoni żgħira tal-miżbla tal-Magħtab! U waħda mill-artijiet li twittiet (biswit it-triq ewlenija li mit-Telgħa ta’ l-Aħrax twassal għall-Marfa) kellha saħansitra fdal preistoriku ta’ żmien l-Imnajdra u l-Ġgantija. M’hemmx xi ngħidu, dan inkines b’kollox u ntilef għal dejjem… il-gaffa m’għandhiex skrupli!

Il-Latnija

Jekk nitfgħu ħarsitna fuq il-widien, u nibdew mil-lvant għall-punent, insibu Il-Wied tar-Ratal (aktarx imsemmi hekk għal xi laqam ta’ persuna), li jiftaħ għal ġor-Ramla tat-Torri. Imbagħad imiss il-widien baxxi li jiżbokkaw fiż-żewġ ramliet tal-Qala tal-Għożlien; wieħed minnhom igħidulu Il-Wied tal-Armier: Warajh jiġi Il-Wied ta’ Tutti, wied twil li jisqi Ramlet il-Qortin u li jġib l-istess isem bħall-artijiet ta’ madwar it-Torri ta’ Skalor (Ta’ Tutti). Għal ġor-Ramla tal-Bir jiftħu kemm Il-Wied ta’ Msid (jew Il-Wied tal-Merħla), li huwa wied kemmxejn kbir li jibda minn bejn ir-Razzett tat-Trux u t-Torri l-Aħmar, kif ukoll wied ieħor iżgħar iżda miżgħud bil-qasab li jinżel mix-Xagħra tar-Rabti. Ta’ min igħid illi l-Wied ta’ Msid u l-inħawi ta’ madwaru (Ta’ Msid, Il-Ħotba u Ix-Xagħra) illum saru ħerba sħiħa, billi l-irdim bla rażan u t-twittija tal-art mhux biss difnu l-ambjent tax-xagħri, iżda  saħansitra ħarbtu l-forma naturali tal-wied u ksew parti minnu. Wied ieħor kbir huwa Wied Musa, li għandu wkoll widien oħra iżgħar (qatt ma rnexxieli niskopri isimhom) li jferrgħu għal ġo fih; dan il-wied ta ismu mhux biss lill-artijiet ta’ madwaru (Ta’ Wied Musa) iżda wkoll lir-Ramla ta’ Wied Musa, li tinsab fil-bokka tiegħu. Anke Il-Wied taċ-Ċirkewwa, li jsawwab ilmijietu minn fuq l-irdum għal ġor-Ramla taċ-Ċirkewwa, għandu l-friegħi tiegħu: Il-Wied ta’ Ħażina, Il-Wied tas-Sajjettun u Il-Wied ta’ Grezzju — ilkoll widien ċkejknin u bi qlib tassew qawwi, marbutin ma’ ismijiet jew laqmijiet ta’ persuni. U fl-aħħarnett hemm Il-Wied tal-Parsott, jew Il-Wied tal-Baqra, wied żgħir li fih għajn tal- ilma u li mid-Dahar jasal sax-xifer ta’ Rdum il-Qawwi; l-ewwel isem jidher li għandu x’jaqsam mas-siġar kbar tal-parsott li jikbru fil-wied, filwaqt li “il-baqra” kien raġel mibni b’saffejn, famuż madwar il-Mellieħa ta’ l-imgħoddi. Mal-lista ta’ widien nistgħu nżidu l-artijiet Tax-Xmajjar, mnejn l-ilmijiet tax-xita jċarċru għal ġol-baħar tant li aktarx taw l-isem lill-inħawi; fil-post jidher biss ħjiel ta’ miġra baxxa aktar milli wied, iżda Daħlet ix-Xmajjar innifisha aktarx hija wied antik li llum jinsab mgħarraq taħt il-baħar.

It-Torri L-Aħmar

Minkejja li partijiet imdaqqsin mill-widien li semmejna fihom ir-raba’ maħdum… (l-aktar fuq l-art l-aktar kennija qrib ir-ramliet), ftit huma l-imkejjen fl-Aħrax tal-Mellieħa li ismijiethom ġejjin minn prodotti tar-raba’ jew dettalji agrikoli oħra. Fost dawn insemmu Għajn Tuta  (diġà ltqajna magħha, fi Rdum il-Qawwi), Tal-Bajtar (bejn ir-Ramla tal-Bir u l-Wied ta’ Tutti), Għar Baqrât (għar imdaqqas bejn It-Telgħa ta’ l-Aħrax u Ix-Xewkija, li dwaru hemm ukoll xi leġġenda lokali), u Is-Sieqja l-Bajda (qrib ix-xatt, aktarx lejn l-Armier). Ħallejt barra l-postijiet imsemmijin għall-parsott minħabba li dawn is-siġar tal-frott jikbru salvaġġi mal-irdumijiet fl-istess inħawi. Ismijiet oħrajn li għandhom rabta mal-biedja huma dawk tal-ftit irziezet qodma: Ir-Razzett tat-Trux (ftit ‘il bogħod mit-Torri l-Aħmar, sewwasew fir-ras tal-Wied tal-Merħla), Ir-Razzett ta’ Pori (fl-Aħrax ta’ Ġewwa) u Ir-Razzett ta’ Xuxien (lejn il-Madonna tal-Aħrax). Imxerrda madwar l-Aħrax tal-Mellieħa hemm ukoll kwantità ta’ strutturi qodma mibnijin b’tant sengħa mill-ġebel tas-sejjiegħ, fosthom numru mdaqqas ta’ giren antiki (ngħidu aħna fix-Xagħra tar-Rabti u mal-Wied tal-Baqra), imġiebaħ fejn kienu jitrabbew in-naħal (ħdejn it-Torri l-Aħmar u fi Rdum il-Qammieħ), u ħitan tas-sejjiegħ. U qalb l-egħlieqi mkennija madwar l-Armier u l-Marfa naraw ukoll swieqi u kanali tal-ġebel, li jwasslu l-ilma għal ġo ġwiebi qodma mibnijin b’ġebel kbir tal-qawwi li mid-dehra tiegħu jidher li aktarx inqata’ mill-Aħrax stess jew għallinqas minn xi band’oħra fil-Mellieħa. Hemm ukoll kappella ċkejkna li ftit jafu biha: il-kappella tal-Madonna tal-Karmnu, imlaqqma Ta’ Qorqa, mistura f’wieħed mis-sqaqien li mit-triq tal-Marfa jagħti għal ġol-Wied tal-Merħla.

U ma ninsewx It-Torri l-Aħmar, torri kbir u prominenti li nbena mill-Gran Mastru Lascaris fl-1648 mhux biss għall-ħarsien ta’ l-inħawi iżda wkoll (flimkien mat-Torri ta’ Kemmuna) bħala stazzjon ta’ komunikazzjoni bejn l-Imdina u Għawdex, u kien inżebagħ aħmar appuntu biex jidher aħjar. Minn hawn ħa l-isem li kulħadd baqa’ jafu bih, minkejja li uffiċċjalment kien jismu “Forte Sant’Agata”. U l-istess isem ingħata anke lill-artijiet ta’ madwaru: Tat-Torri l-Aħmar. Aktar lejn in-nofsinhar, l-art tinżel f’daqqa f’sensiela ta’ ħbula mtarrġin (Is-Sdieri) sa ma tasal fil-Wied tal-Qammieħ. Dan il-wied qasir u wiesa’ jaqsam l-għonq ta’ art ta’ bejn Iċ-Ċumnija u L-Għadira, u jiżbokka fir-Ramla tal-Mellieħa. Hawnhekk ħriġna mill-Aħrax tal-Mellieħa, u għaldaqstant nitilgħu lura mit-Telgħa ta’ l-Aħrax u naslu sa salib it-toroq f’Il-Portella, fejn ma’ din it-triq jiltaqgħu t-toroq li jagħtu għall-Madonna tal-Aħrax u t-Torri l-Aħmar. Biswit it-Telgħa ta’ l-Aħrax hemm It-Taflija, żurżieqa ta’ tafal għeri, u skond kitbiet qodma x’imkien ‘l hawn jinsab ukoll Għar it-Taflija.

Fl-aħħarnett insemmu toponimi oħrajn li ftit hemm xi tgħid dwarhom għajr li aktarx huma l-ismijiet jew laqmijiet ta’ sidien l-art jew ta’ gabillotti: Il-Qatgħa ta’ Pleġġ, Ta’ Fonsa, u Ta’ Damma. Ilkoll jinsabu bejn l-Armier u L-Aħrax ta’ Ġewwa.

Taħt Irdum il-Qammieħ

Egħluq

F’dan l-artiklu ippruvajt nagħti tagħrif kemm jista’ jkun sħiħ dwar l-Aħrax tal-Mellieħa, l-ambjent tiegħu u laqmijietu. Ma jfissirx li m’hemmx aktar tagħrif x’jinġabar. Anzi, naf żgur b’xi toponomi oħrajn li jidhru f’kitbiet qodma (fosthom dawk ta’ Ġan Franġisk Abela u Pietru Pawl Castagna), li s’issa għadni ma sibtx irkaptu ta’ fejn jinsabu eżatt. Ngħidu aħna, Għar is-Sefa u Għar is-Sebħa (aktarx x’imkien fuq l-art lejn il-Qammieħ), Gwiedet ir-Rum u s-Sieqja l-Bajda (aktarx ħdejn l-Armier u r-Ramla tat-Torri), kif ukoll Rdum Borsa u Għar Bittiewes (fil-baħar, aktarx fil-viċinanzi ta’ Rdum il-Qammieħ). Nittama biss li sakemm insibuhom ma tkunx laħqet missithom l-istess xorti li sabu rqajja’ oħra li llum jinsabu midfuna, jekk mhux ukoll mitħuna, taħt l-irdim jew taħt il-bini. Jien u nikteb dan l-artiklu bdew igħaddu minn quddiem għajnejja l-memorji sbieħ tal-ambjent miftuħ u ħieles kif niftakru dari, u ma stajtx ma nħossx swied il-qalb hekk kif bdejt inxebbaħhom ma’ uħud mill-ġrieħi koroh li mis-sebgħinijiet ‘il hawn xterdu b’pass mgħaġġel u ħonqu meded imdaqqsin mill-kampanja, minkejja l-avvanzi kollha li (skond ma jingħad fil-mezzi tax-xandir) qed isiru fil-qasam tal-edukazzjoni ambjentali.

Fl-aħħarnett, ma nixtieqx ninsa niżżi ħajr lil kull min għenni nikseb dan it-tagħrif, u mill-ġdid nistieden lil kull min għandu xi informazzjoni oħra interessanti biex jaqsamha magħna wkoll.

Riferenzi

  1. Abela, Gio. Francesco (1647): Della Descrittione di Malta Isola nel Mare Siciliano con le sue Antichità ed Altre Notitie (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1984).
  2. Aquilina, Joseph (1987): Maltese-English Dictionary. Midsea Books Ltd.
  3. Anonima (bla data): Piano dell’isola del Gozzo, Commino e parte dell’isola di Malta (mappa qadima fl-arkivju nazzjonali t’Għawdex).
  4. Bartholomew Malta & Gozo Holiday Map (bla data). HarperCollins Publishers (ISBN 0-7028-3538-2).
  5. Bezzina, J. (1991). The Gozo-Malta Ferry Service. Gaulitana 10. Publikazzjonijiet Buġelli.
  6. Castagna, Pietro Paolo (1866): Lis Storia ta Malta Bil Gzejer Tahha (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1985).
  7. Evans, John D. (1971). The Prehistoric antiquities of the Maltese Islands: A Survey. Athlone Press.
  8. Hyde, H.P.T. (1955). The Geology of the Maltese Islands with special reference to Water Supply and the possibilities of Oil.
  9. Hydrographic Office (1992). Mediterranean Sea, Maltese Islands: Channels between Malta and Ghawdex (Gozo). Map scale 1: 25,000. Admiralty Charts and Publications.
  10. Records tad-Dipartiment ta’ l-Artijiet (avviżi dwar esproprijazzjoni ta’ art fl-Irdum taċ-Ċirkewwa u fir-Ramla tal-Mellieħa)
  11. Spiteri, Stephen C. (1994). Fortresses of the Cross. Heritage Interpretation Services.
  12. Zammit, Temi (1930). Stone Circle at Mellieha. Museum Annual Reports 1929-1930. Appendix A: Archaeological Section (Prehistoric Period).

 

Komunikazzjonijiet personali:

  1. Arthur Abela (mill-Mellieħa), 2002
  2. Charles Vella (mill-Mellieħa), 1997
  3. David Muscat (mill-Mellieħa), 1995
  4. Ernest Vella (mill-Mellieħa), 1995
  5. Ġanni Debono (mill-Mellieħa), 1995
  6. Joe Felice (nassab fl-inħawi ta’ Is-Sdieri), 1997
  7. Steve Borg (komunikazzjoni indiretta, jikkwota nies mill-Mellieħa), 2002
  8. Bdiewa (anonimi) f’dawn il-lokalitajiet fl-Aħrax: Il-Wied taċ-Ċirkewwa (fl-1992); Il-Wied tal-Qammieħ (1994); L-Għadira (1994); Ramlet il-Qortin (1994); Il-Wied ta’ Tutti (1994); L-Aħrax tal-Għajn (1994); Ta’ Msid (1994-95); Ta’ Frawla, biswit ir-Ramla tat-Torri (1995). Bdiewa (anonimi) f’lokalitajiet Melliħin oħrajn: Il-Wied tax-Xaqrani (1994).

Sajjieda (anonimi) f’dawn il-lokalitajiet: Ir-Ramla ta’ Wied Musa (1995); u Il-Latnija (1999)

(c) Alex Camilleri