Il-Fliegu ta’ Kemmuna

Kitba ta’ Alex Camilleri. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara 8(2005) Nru 29. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Daħlet Ix-Xmajjar

Bejn il-Ponta tal-Aħrax u l-irdum Ta’ Prexxa f’Kemmuna għandna l-bokka tal-fliegu. Minn hawn ‘il quddiem, il-kosta tibqa’ dejjem baxxa sat-tarf l-ieħor tal-fliegu bi dritt il-Ponta taċ-Ċirkewwa, u hija magħmula minn sensiela ta’ daħliet u ramliet kennin, b’ħarriġiet baxxi ta’ art li jifirduhom minn xulxin. L-ewwel bajja, Daħlet ix-Xmajjar, tinsab sewwasew malli ddur mal-Ponta ta’ l-Aħrax u hija l-unika waħda li ma fihiex ramel, aktarx minħabba li esposta wisq. Din tista’ tgħid li hija wkoll l-aktar qala mbiegħda miċ-ċentri abitati u kellha karattru pittoresk differenti għal kollox mir-ramliet iffullati tal-Armier; hawn kont tħossok maqtugħ mid-dinja f’rokna mwarrba fejn kont tiltaqa’ biss ma’ xi sajjied jew tnejn li jmorru għall-kwiet jistadu bil-qasba. Iżda għal bosta snin, il-blat tax-xatt (Il-Plaj) u l-art biswitu (Tax-Xmajjar) tħallew jintużaw bħala miżbla, u fi żminijet ferm aktar reċenti l-ambjent kompla jitgħarraq peress li saħansitra tala’ xi bini u twittiet l-art ukoll. Jaqbdek il-biki tara post bħal dan jitlef għal kollox kull ħjiel tal-identità ħelwa li kellu. Għall-kompletezza nsemmu wkoll Il-Bieb tal-Għar, għar artifiċjali żgħir iżda li jidher sew f’ġenb il-bajja taħt it-Torri l-Abjad, u Il-Qabar, laqam mogħti lil parti mix-xatt ta’ faċċata, jiġifieri aktar lejn Il-Ponta ta’ l-Aħrax.

It-Torri L-Abjad

Mill-punent ta’ Daħlet ix-Xmajjar toħroġ ponta kbira magħrufa bħala Il-Ponta tax-Xmajjar jew Il-Ponta tat-Torri, peress li fuq il-qucċċata baxxa tagħha jispikka It-Torri l-Abjad  (jew It-Torri tal-Aħrax), wieħed mit-tlettax-il torri li kien bena l-Gran Mastru De Redin fl-1658. Aktar tard fi żmien il-Kavallieri stess (1714-16) kien ġie mdawwar b’batterija għall-kanuni li wkoll għadha hemm sal-lum; għandha għamla ta’ nofs ċirku u hija mgħammra b’foss. Din kienet biss waħda minn għadd ġmielu ta’ fortifikazzjonijiet li nbnew mill-Kavallieri fis-seklu XVIII biex jiddefendu x-xtut tal-Aħrax. Mill-Ponta tax-Xmajjar tibqa’ ħierġa Is-Sikka tat-Torri li tinżel għal xejn għal xejn għal ġol-fliegu

Sewwasew wara t-Torri l-Abjad tinsab Ir-Ramla tat-Torri, fl-antik magħrufa wkoll bħala Ramlet il-Birrun. Dwar l-ewwel isem ma tantx hemm fiex titfixkel, iżda xi ngħidu għat-tieni wieħed? Il-birrun (Ammophila littoralis) huwa tip ta’ ħaxix li jikber fir-ramel u li b’għeruqu jorbot u jistabbilizza r-ramel tant li jgħin biex jiffurmaw għaram (sand dunes) imdaqqsin fuq in-naħa ta’ wara tar-ramliet. Tabilħaqq, fir-Ramla tat-Torri għadek sa llum tara l-fdalijiet ta’ l-aktar għaram importanti tal-gżira ta’ Malta, li madankollu huma ferm iżgħar mill-għaram tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex minħabba għadd ta’ fatturi fosthom in-nuqqas ta’ ħarsien mill-ħafna problemi ambjentali li jeżistu fl-inħawi. Ta’ min igħid ukoll li l-birrun innifsu nqered għal kollox mill-gżejjer Maltin wara li r-ramliet kollha fil-limiti tal-Mellieħa “tnaddfu” mill-“ħaxix ħażin” fis-sittinijet u s-sebgħinijiet. Darba, waħda xiħa mill-Mellieħa kienet irrakkuntatli li l-birrun li kien igħix f’din ir-ramla mhux biss kien kotran iżda kien ukoll jinħasad u jinħadem biex minnu jsiru l-qfief. Meta xi snin ilu rajt din ix-xitla għall-ewwel darba (fl-Italja u fit-Tuneżija, peress li f’Malta armajn Alla m’għamilha) stajt nifhem kemm iz-zkuk irqaq tagħha, għalkemm jixxejru mar-riħ, huma tassew b’saħħithom. F’din ir-ramla, kien jeżisti wkoll It-Torri ta’ Lavier, ridott ta’ żmien il-Kavallieri (1715-16) li minnu m’għadu jidher xejn. Minfloku llum hemm ruxxmata gabubi ħodor (suppost remissi għad-dgħajjes, iżda fil-fatt villeġġjaturi magħmulin minn kull tip ta’ materjal) li nbnew bla permessi matul is-snin tant li ħonqu din il-bajja sabiħa. Illum meta ssemmi r-Ramla tat-Torri aktar tiftakar fil-kruha tal-bini milli fis-sbuħija tal-baħar!

It-Torri ta’ Lavier, jew il-Trunċiera ta’ Louvier.

Jekk inkomplu nduru max-xatt, nilmħu Is-Sur tal-Aħrax, sur baxx iżda estensiv li nbena għall-ħabta tal-1761 biex idawwar il-ħarrieġa ta’ art biswit ir-Ramla tat-Torri. Warajh hemm bħal wied ċkejken b’għadd ta’ egħlieqi żgħar, imsejħin Ta’ Frawla (mil-laqam tal-familja li taħdimhom). Il-plajja taħt is-sur fiha wkoll xi tliet għerien żgħar fil-baħar, li wieħed minnhom igħidulu L-Għar tal-Għasafar. U b’hekk wasalna fil-Qala tal-Għożlien, magħrufa aktar bħala L-Armier. Din il-bajja fiha żewġ xtajtiet imrammla, u fil-fatt, il-kelma “armier” mhix għajr taħsira ta’ “armiel” (il-plural miksur ta’ “ramla”). U jidher li l-verżjoni oriġinali għadha ħajja wkoll, għax ġieli għadek tisma’ min igħid “morna l-Armiel” minflok “morna l-Armier”. Illum, biex dawn iż-żewġ ramliet jingħarfu minn xulxin, spiss jintużaw il-kelmiet “Armier” u “Little Armier”, iżda jidher li qabel ma daħlet din l-użanza, kienu jissejħu Ir-Ramla tas-Simar (l-akbar waħda, lejn il-punent) u Ir-Ramla tal-Għożlien (iżgħar minnha, u eqreb lejn is-Sur ta’ l-Aħrax). Is-simar huwa xitla ippuntata li tikber fil-widien jew agħdajjar salmastri, u li kultant għadu jikber hawn; l-istess bħalma għedna għall-birrun, fi bnadi oħrajn ta’ Malta anke dan kien jintiseġ biex isiru l-qfief jew nases. Sewwasew bejn iż-żewġ ramliet, jinsab It-Torri tal-Armier (jew It-Torri tal-Għożlien), ridott ieħor ta’ l-1715-16 li għadu sħiħ iżda żdingat u fil-periklu li jiġġarraf. U wara r-ridott hemm Il-Barriera ta’ l-Aħrax, magħrufa wkoll bħala Il-Barriera tal-Knisja għax fis-Seklu XIX minnha nqata’ l-ġebel biex inbniet il-knisja parrokkjali tal-Mellieħa; l-inħawi tal-madwar ukoll jissejħu Tal-Barrieri.

 

Il-Palazz L-Aħmar

Lejn il-punent ta’ l-Armier, l-art terġa’ toħroġ ‘il barra ġol-fliegu bħala lsien twil u baxx magħruf bħala Il-Qortin it-Twil (ismu miegħu) jew Il-Qortin ta’ Makka. Il-ftit egħlieqi baxxi t’hawnhekk ukoll iġibu l-isem Ta’ Makka; dan kultant narawh miktub fuq il-mapep bħala “Ta’ Maċċa”, aktarx bi żball wara li l-ewwel inkitbu b’ortografija Taljana (“Ta Macca”) u mbagħad inqalbu lura għall-Malti. Hawnhekk għadha wieqfa sa llum waħda mill-isbaħ batteriji ta’ |mien il-Kavallieri (1714-16), magħrufa b’għadd ta’ ismijiet, fosthom Torri Vendome, Torri ta’ Makka u It-Torri tal-Qortin it-Twil. L-isem “Vendome” ġej minn kunjom il-Franċiż Philippe de Vendôsme, li kien stinka biex isiru dawn il-fortifikazzjonijiet ta’ max-xtut bħala parti minn pjan ambizzjuż li, iżda, ma tantx kien effettiv fid-difiża tal-Gżejjer Maltin kontra l-invażjoni Franċiża fl-1798. Il-Qortin it-Twil ta wkoll ismu lil Ramlet il-Qortin, xtajta mrammla li tinsab fuq ix-xaqliba l-oħra tiegħu. Ġieli tissejjaħ ukoll Ir-Ramla ta’ Kejli, Ir-Ramla ta’ Tawta u Ir-Ramla ta’ Tawtar; f’nofsha jinsab ridott ieħor antik (1715-16) magħruf bħala It-Torri ta’ Skalor jew It-Trunċiera.; kultant jidher imniżżel bħala “Torre Eskalar” (“Skalor” aktarx li hija taħsira ta’ dan l-isem) “jew “Torre Taudar”. B’xorti ħażina, anke din ir-ramla tgħarrqet mhux ftit minħabba l-bini ta’ għadd ġmielu ta’ kmamar u gabubi.

Il-Batterija ta’ Vendome jew kif inhi magħrufa wkoll, It-Torri tal-Qortin

Wara r-Ramla tal-Qortin, induru mal-Ponta tal-Bir u naslu fir-Ramla tal-Bir. Din ir-ramla żgħira, maqrusa bejn żewġ lukandi kbar, ukoll għandha ridott f’nofsha (It-Torri tal-Bir , mibni fl-1715-16 bħall-oħrajn ta’ pariġġu), għalkemm qiegħed fi stat ħażin ħafna. L-inħawi ta’ madwaru aqta’ x’jisimhom…… Tal-Bir ! Minn hawn ngħaddu maġenb Il-Moll tal-Marfa, li kien jitrakka miegħu l-vapur t’Għawdex qabel ma tlesta moll akbar fil-Ponta taċ-Ċirkewwa fl-1977; illum jintuża l-aktar mil-laneċ għal Kemmuna. Ftit ‘il bogħod, fuq il-blat mal-plajja tal-Marfa, hemm daħla ċkejkna tal-baħar fejn għadu jidher taraġ maqtugħ fil-blat u fejn il-blat ukoll kien ġie illixxat; skond ritratti qodma jidher li minn hawn kienu jimbarkaw id-dgħajjes għal Għawdex (servizz li kien magħruf bħala “Il-Mogħdija”) qabel ma fis-seklu għoxrin inbena l-moll modern li semmejna. Aktarx li dan wassal għall-isem magħruf ta’ Il-Marfa (nom mimmat li bil-Malti qadim jew bl-Għarbi jfisser port jew moll). Hawnhekk stess, fi żmien il-Kavallieri kienet inbniet batterija mdaqqsa għall-kanuni, sabiħa u b’għamla tipika ta’ nofs tond, li tissejjaħ It-Torri tas-Sgħajtar (1714-16). Għadha hemm sa llum, għalkemm fi żmien l-Ingliżi sarula xi bidliet billi ġiet inkorporata f’lukanda ta’ dak iż-żmien; dan il-bini kbir jinsab sewwasew fejn it-triq ewlenija tofroq fi tnejn u jissejjaħ Il-Palazz tal-Marfa jew Il-Palazz l-Aħmar.

Il-Port taċ-Ċirkewwa

Minn hawn, il-blat baxx jibqa’ jdur lejn ramla oħra ċkejkna, Ir-Ramla ta’ Wied Musa, moħbija taħt pont fejn it-triq ewlenija li tieħu mill-Marfa għaċ-Ċirkewwa taqsam wied imdaqqas li jġib l-istess isem (Wied Musa). Ftit ‘il bogħod hemm Il-Palazz iż-Żgħir, bini ieħor qadim għamla ta’ torri li tista’ tgħid issa qiegħed bieb ma’ bieb ma’ l-impjant kbir tar-reverse osmosis. Anke minn hawn ‘il quddiem, il-plajja tibqa’ pjuttost l-istess, għajr għal roqgħa żgħira msejħa Tal-Fuli, fejn hemm sensiela ta’ daħliet ċkejknin bi xtajtiet cagħkijin jew ramlin; waħda minn dawn id-daħliet illum hija xtajta privata ta’ lukanda oħra li hemm fil-qrib. Imbagħad fit-tarf nett tal-fliegu hemm il-“port” artifiċjali li llum kulħadd jafu bħala “Iċ-Ċirkewwa”; dan kien sar għall-vapuri t’Għawdex bejn l-1974 u l-1976 u ħa post dak iżgħar ta’ bejn il-Marfa u r-Ramla tal-Bir. Kif jidher sew minn ritratti qodma, l-ilqugħ għoli li jkennen il-moll taċ-Ċirkewwa inbena fuq L-Iskoll tal-Marfa (jew Il-Blata), skoll baxx iżda mdaqqas li kien jinsab maqtugħ ‘il barra fil-baħar eżatt mal-bokka tal-fliegu bi dritt L-Irqieqa ta’ Kemmuna. Parti sew minn dan l-iskoll għadha tidher taħt il-fanal għoli li hemm matul l-istess ilqugħ. Il-Ponta taċ-Ċirkewwa nnifisha tidher bħala medda ta’ blat baxx wara l-parkeġġ ewlieni tal-port u hija mfittxija ħafna mis-sajjieda tal-qasba; din il-ponta ġieli kienet tissejjaħ ukoll Il-Ponta tal-Marfa. Hawn forsi naraw xi ftit tal-konfużjoni bejn l-ismijiet “Marfa” u “Ċirkewwa”. Għaliex? Jidher li qabel ma nbena l-port il-ġdid, il-plajja twila li tħares lejn il-fliegu (bl-iskoll b’kollox) kienet titqies bħala parti mill-Marfa, filwaqt li ċ-Ċirkewwa (isimha magħha) propjament kienet tirreferi għall-bajja kbira u tonda qisha ċirku bi ġnub għoljin li hemm wara l-lukanda u tħares lejn il-baħar miftuħ. Din il-bajja llum narawha indikata fit-tabelli u l-mapep bħala “Paradise Bay” (isem kummerċjali), iżda x-xjuħ Melliħin jafuha bħala Il-Qala taċ-Ċirkewwa, Il-Port taċ-Ċirkewwa jew inkella sempliċement Iċ-Ċirkewwa. Billi l-ponta kienet tifred il-Marfa miċ-Ċirkewwa, kellha rabta magħhom it-tnejn. Iżda minn mindu sar il-port il-ġdid, in-nies bdiet tassoċja dejjem aktar l-isem “Ċirkewwa” miegħu u l-isem “Marfa” ma’ l-inħawi tal-moll il-qadim, u b’hekk bdiet tintilef it-tifsira oriġinali.

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri