Ir-Randan.  KWAREŻIMAL  1. Kors ta’ prietki tar-Randan. Kienet tissejjaħ hekk ukoll il-prietka li kienet issir fir-Randan fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt. 2. Tip ta’ ħelu li jittiekel fir-Randan, magħmul minn lewż mitħun u mħallat mad-dqiq, ftit qxur tal-kannella (Is. xj. cinamonum) u ftit ilma żahar. Wara li jissajjar fil-forn il-ħelu jiżdidlu l-għasel u xi ftit pistaċċjo. Dan il-ħelu kont tista’ tieklu fir-Randan mingħajr ma tikser l-astinenza għaliex ir-riċetta tal-kwareżimal la għandha xaħmijiet u lanqas bajd jew ħalib. Ara: SAWM U ASTINENZA. Etim. Tal. Quaresima. Lat. quadrigesima – M. erbgħin jum qabel l-Għid. Sp. cuaresma.

KWAREŻIMALIST     Il-predikatur tal-prietki tar-Randan. Bosta drabi l-kwareżimalisti kienu jkunu barranin, l-aktar patrijiet Taljani, u kienu jinġiebu apposta Malta għal dan iż-żmien biex jagħmlu l-prietka tagħhom f’diversi knejjes. Ganado, fil-ktieb tiegħu Rajt Malta Tinbidel, it-Tieni Ktieb (p. 105), isemmi żewġ kwareżimalisti ta’ żmienu li kienu magħrufa sew. Dawn kienu Padre Somigli u Padre Balestieri. Dan tal-aħħar kien tant famuż illi meta kien jipprietka f’Napli kienu jmorru eluf kbar ta’ nies biex jisimgħuh.