Jew KORPUSANT:

Ir-relikwi, jew aħjar il-fdalijiet tal-ġisem tal-qaddis li jkun meqjum l-aktar fil-knejjes, norm. f’xi kappella jew artal laterali tal-knisja. Eż. ta’ dan hu l-korpsant ta’ Santa Ewfemja li l-Ordni ta’ San Ġwann ġab miegħu minn Rodi. Lejn nofs is-seklu sbatax il-Katidral tal-Imdina kien akkwista żewġ korpsanti, dawk ta’ Santa Fawstina u ta’ Santa Agata. Imbagħad fis-seklu tmintax kienu bosta dawk il-knejjes li raw kif għamlu u ġabu, il-korpsanti ta’ qaddisin oħrajn l-aktar mill-Italja,. Xi wħud minn dawn kienu jkunu fdalijiet ta’ xi skeletri li jkunu nstabu f’xi katakombi, x’aktarx f’Ruma. Ħafna kienu malajr jemmnu li dan l-għadam kien ta’ xi qaddis li miet martri waqt il-persekuzzjoni Rumana. B’kollox fil-gżejjer Maltin jinsabu mat-tnejn u tletin korpsant. Ftit huma dawk il-korpsanti magħrufa u popolari, anzi dawn huma pjuttost kważi anonimi u injorati. Fost il-korpsanti l-aktar meqjuma hemm dak ta’ Santa Liberata li jinsab fil-knisja tal-Kapuċċini fil-Kalkara. Tant hu hekk li il-knisja hi magħrufa hekk anki jekk il-Kapuċċini kienu ddedikawha  lil Santa Barbara. Korpsant ieħor magħruf hu dak ta’ San Valentinu, li hemm fuq l-artal ta’ San Mikiel fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan. Dan kienet issirlu festa għalih fl-14 ta’ Frar. L-aktar korpsant riċenti u li hu meqjum hu dak tal-uniku qaddis Malti, San Ġorġ Preca, miżmum fil-kappella tal-Madonna Mirakoluża, fil-knisja tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.), il-Blata l-Bajda. Ara: TRANSULAZZJONI. Ara wkoll: ‘Santa Liberata and the Bearded Female Crucifix’ ta’ Giovanni Bonello, Histories of Malta, Confusions and Conclusions, pp. 39-54. Ara wkoll: Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta, Guido Lanfranco, pp. 50, 51. Ara wkoll: http://www.stgeorge.org.mt, News & Events – Monday, November 17, 2008.