Marda ikkawżata mill-bakterja vibrio cholera. L-isem Cholera morbus ingħata fl-1704, għall-marda li fl-Indja kienet u għadha tfiġġ u xi minn daqqiet tilħaq proporzjonijiet epidemiċi. Din il-marda laħqet lil Malta kemm-il darba, matul is-seklu dsatax. Is-sors ta’ dan il-mikrobu hu l-ilma, jew l-ikel infettat. Is-sintomu l-aktar evidenti ta’ din il-marda hi dijarea qawwija u uġigħ ta’ żaqq. Din l-infezzjoni tikkawża nixfa minn ġewwa fi ftit sigħat. Jekk il-fluwidi li jonqsu fil-ġisem ma jkunux mogħtija lura, il-pazjent imut fi ftit żmien. Il-marda nfirxet għall-ewwel darba lejn il-Mediterran fis-seklu dsatax, l-aktar bejn l-1816 u l-1826, x’aktarx meta kaxkruha magħhom mill-Indja il-baħrin u s-suldati Ingliżi. Il-fejqan minn din il-marda kien diffiċli, u l-unika mediċina għaliha kienet xarba b’taħlita ta’ ħxejjex mediċinali, biex ittaffi l-uġigħ, iżda li ma tfejjaqx. F’Malta, il-kolera infexxet f’epidemija f’dawn id-dati:

1837 (kienu mietu f’Malta 809, u f’Għawdex 366)
1854 (kienu mietu total ta’ 348 ruħ)
1865 (kienu mietu 1,873 ruħ)
1867 (kienu mietu 400 ruħ)
1877 (kienu mietu 440 ruħ)
1887. (Ma għandix statistika tal-imwiet f’din is-sena.)