Nismagħhom jgħidu li meta tkun żagħżugħ ħsiebek dejjem fil-ġejjieni. Għall-kuntrarju, meta tixjieħ, aktarx tedha taħseb fuq l-imgħoddi. Naħseb li dan hu kollu minnu. Ngħid għalija, li issa qbiżt is-sittin sewwa, mhux  l-ewwel darba li nistenbaħ kmieni u sakemm isir il-ħin biex ninżel minn soddti, ħsibijieti jmorru fuq kemm tibdil seħħ madwari minn meta kont nitrabba ma’ djul ommi.

Kitba ta’ Anton Attard. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol. 7 (2003), Nru 27.

Kemm bliet ġodda telgħu madwarna. Kemm djar qodma twaqqgħu biex telgħu oħrajn flokhom. Kemm toroq twessgħu jew saru  ġodda biex  it-traffiku, li  żdied bil-bosta, ikun jista’ jgħaddi minghajr xkiel.

Iżda mal-medda tas-snin, ma nbidlux dawn biss. Inbidel ukoll il-mod kif konna ngħixu, u aktar u aktar kif konna nitkellmu meta konna tfal aħna, daqs ħamsin jew sittin sena ilu u xi ftit inqas ukoll.  Ġegħelni naħseb aktar fuq dan il-bieraħ, meta omm  żagħżugħa għaddiet minn quddiemi flimkien ma’ wliedha; żewġt itfal żgħar qliel daqs ix-xjaten, jiġru u jaqbżu quddiemha  qishom għandhom il-molol..    “ltla”  fuq  il-bankina”.  qalet  l-omm  lil  wieħed   minnhom.   “M’intix  tara dik  il-car   ġejja  b’dak l-ispeed?”  “Ghax irrid nara t-toys li hemm fil-vetrina tal-ħanut”,  wiegeb wieħed minnhom.  “Jekk tisimgħu  minni u toqogħdu kwieti, some day this week, nara nixtrilkomx xi ħaġa”, wieġbet  l-omm, biex  forsi  tqegħedhom bi kwiethom.  “Jiena  doggie  rrid”, għajjat  iż-żghir”.  “U jien horsie  bħal dak irrid”, qabeż  il-kbir, waqt  li wrieha  n-naħa  l-oħra  tat-triq,  mnejn  kien għaddej  raġel b’żiemel  il-ġmiel tiegħu.

Minn kif dawn tkellmu bejniethom, intbaħt x’qabża hemm minn kif kienu jkellmuna dawk ikbar minna u kif konna nwieġbu aħna, meta konna żgħar. Ma kinux jgħiduIna car,  iżda paqqa.  L-istess  l-horsie.  Fost ħafna mit-tfal żgħar, illum, l-horsie ħa post it-tuttu.  L-istess il-kelb. Illum sar doggie. Meta konna żgħar aħna, mhux wuwwu kien?

B’kemm kliem, li llum ftit għadek tisimgħu, kienu jfissduna bih dawk li rabbewna. Kien kliem mirqum b’ċertu għaqal, b’mhux aktar minn żewġ sillabi, biex ikun eħfef meta  jiġi biex jitlissen miż-żgħar. Fl-istess ħin, fih kienet tinħass ċerta ħlewwa u għożża. Kemm tifkiriet ta’ tfuliti għaddew minn quddiemi jien u nġib quddiem għajnejja l-mod li bih kellmuna x-xjuħ tagħna fi ċkuniti.

Dawk li qabżu s-sittin, bħali jiftakru l-biċċa l-kbira tat-toroq tagħna mingħajr asfalt, mimlijin trab, li kienu jinksew bit-tjun ma kull ħalba xita li kienet tagħmel. Ftakart kemm aħna t-tfal kien ikollna xalata nċafalsu fl-ilma u nċappsu ‘I xulxin bit-tajn. Mhux  l-ewwel darba li, minħabba f’hekk, lil ommi tellajthomlha sal-ponta ta’ mneħirha.  Wara l-battikata li kont intiha biex tfarfarni kif tista’ mit-tajn, kienet iddur fuq it-tarbija li kien ikollha fin-nieqa, issa tibki għax sabet ruhha waħidha, u tgħidilha: “Rajtu ja mingħul, kif ħammeġ il-bobba (libsa) u għamel il-bambu (żarbun) għasra?  Mhux bħall-vavi (tfal  zgħar) bravi, lì qagħdu kwieti ħdejn il-mamma tagħhom. Hux veru ruħi?  Issa lilek biss nieħu barbar (passiġġata), għax biex jiġi magħna, issa jkolli nitlef iż-imien biex nagħmillu ċuffa (naħslu). Din issa nħalluha għal qabel imur ininni.” (jorqod).

Naħseb li t-tfal għadhom xorta, bħalma kont jiena fi tfuliti. Xi daqqiet kont ìnkun f’aptiti u naħtaf u nmaxtar kull ma jtuni u, drabi  oħra, anqas inkun irrid inħares lejn il-platt. Kemm żiegħlu bina biex inpappu n-nejna (nieklu l-minestra) jew nieħdu I-kukka (l-bajda), għax inkella ma jtuniex ċejċa (ħelu)!

Ngħid għalija, meta ma kienx ikolli aptit niekol erħi lil ziti (li baqgħet xebba, biex minflok b’uliedha, titħabat b’ulied ħuha) tbeżżagħni li nimrad bid-debbulizzi  u jkollu jiġi n-nunu  (it-tabib) u bil-labra, jaghmilli I-mimmi (iweġġagħni) fil-patata, għax ikolli  bżonn it-titqib biex itini s-sustanzi tant ta’ ħtieġa biex nikber b’saħħti.

Imma wara li faqqgħet il-gwerra, marilna ċ-cajt kollu li kellna. Min jaf kemm bkejna u tlabna xi biċċa pappa (ħobz) biex nitrejqu. U kien ikolli xorti jekk magħha ommi kienet iżżerżaqli xi bicċa ġuġu (ġobon). Illum nagħraf x’riedu jfissru l-kbar meta spiss kont nismagħhom jgħidu li z-zizu (laħam) kienu nsew x’togħma fih. L-istess il-ħalib. Dan tista’ tgħid li kien għeb għal kollox. Ommi ma baqgħetx tistenna lir-raħħal, li kien jgħaddi mit-triq tagħna, b’xi beqqa jew gedida (mogħża  jew  nagħġa) u bi ftit soldi jimlilek tazza ħalib sħun kollu ragħwa,li kien jinżillek għasel, għalkemm wara ntebħu li kien qed imarradna bid-deni rqiq.

Aħjar ninsew iż-żminijiet koroh tal-gwerra u mmorru lejn oħrajn aħjar. Qed inġib quddiem għajnejja x’lublieba kien ikolli biex induq xi ftit  inbid li ommi kienet tpoġġi  fuq il-mejda meta magħna kien ikun mistieden jiekol xi ħadd mhux tas-soltu, bħal wieħed minn niesha jew xi ħadd min-naħa ta’ missieri. Min jaf kemm ġebbidtha minn djulha biex tferragħli naqra. Iżda hi b’ħarsa mqita, kienet tghidli: “Il-bimbi (imbid) mhux tajjeb għat-tfal” u tissokta ssaħħan il-ħalib biex tagħmel il-gugu (x’tixrob), biex oħti iżgħar minni tagħmel bumbu għax għalkemm kienet tfarfret xi ftit, baqgħet tixrob mill-flixkun bil-gażaża.

Għadni niftakar qisu l-bieraħ. Bil-ħlewwa kollha kienet tgħidilha: “Żomm  il-flixkun sewwa, għax jekk twaqqgbu, nagħmillek qeqqe (ntik daqqtejn), fuq il-wejda (idek) ċkejkuna li għandek”.

Billi fost ħuti jiena kont l-ikbar wieħed, tista’ tgħid li rajt lil bosta minnhom jitrabbew.  Ma domtx ma tgħallimt li t-trabi ma jdumux ma jibdew iċiċċu beqqi (joqogħdu bilqiegħda) u ftit wara jibdew jimxu imbe (jimxu minn bilqiegħda jew għarkobbtejhom billi jgħinu b’idejhom). Meta mbagħad iqumu fuq riglejhom, billi dawn ma jkunux sodi, ommi spiss kienet tiggustahom meta tgħid li għamlu buppa (waqgħu). Mhux l-ewwel darba li meta jissudaw xi ftit, jibdew jiġru wara xulxin u jagħmlu bumma (jaħbtu ma’ xulxin) u jtellgħu xi gundalla.  Wara, erħi  ‘I ommi tidlikhielhom bil-butir, għax kif  kienu jgħidu, jagħmel tajjeb biex tinżlilhom.

Jien u ħuti tgħidx kemm konna nħobbu I-annimali. Ħija ż-żgħir, kien għadu nitfa meta  kien jagħmel bikja għax ikun irid il-puli, meta dak li kien joqgħod faċċata tagħna, l-għasfur li kellu f’gaġġa  żgħira, kien joħorġu għax-xemx. Oħti l-oħra, minkejja li kienet għadha żghira ħafna, dejjem b’xi girfa fuq idejha. Meta ommi kienet tistaqsiha  biex għamlitha kienet  tweġibha: “Il-pejxu (qattus), meta ġebbidtu minn denbu”.

Ma’ ommi għand tal-laħam, il-biċċa I-kbira nhar ta’  Sibt jew lejlet xi festa, tgħidx  kemm kont niddejjaq narah joqtol xi muċċu (fenek) jew xi ziza (tiġieġa).  Dawn kienu jnewwluhomlu nisa oħrajn, meta jkunu għażlu l-ismen jew l-isbaħ, wara li jkunu qallbu ta’ taħt fuq iż-żrameċ, bċieċen, tiġieġ u x’naf jien, li kien  ikun hemm f’gaġġa mdaqqsa fir-rokna tal-ħanut.

Illum, aħna bħalhom qlibna kollox ta’ taħt fuq iżda mhux biex nagħżlu l-isbaħ imma biex nagħżlu dak li m’huwiex tagħna. Kliem ċkunitna, għal bosta, sar qisu kliem Ii jbaxxi. Biex, mingħalihom, juru kemm huma għorrief, kliem barrani jaraw kif jgħawwġuh u jdawwruh  biex jinqdew bih minflok dak li bih kellmuna u fissduna  x-xjuħ tagħna. Dan, minkejja li biex ilissnuh, tgħidx kemm iridu jgħawwġu ħalqhom u jissugraw li jigdmu xufftejhom.