Tagħrif miġbur mingħand Salvina Bugeja, ta’ Luqa, mara ta’ 93 sena minn Marsaxlokk, f’Ottubru 2011.

Kitba ta’ Karmenu Pace. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 10(2012) Nru 1.

Sa ftit snin ilu, min ikun bi ħsiebu jmur għal xi sajda bil-qasba kien ibakkar biex imur jixtri l-gambli minn Marsaxlokk; jew kien jaħseb biex imur jixtrihom minn filgħaxija.  Il-gambli kienu jinbiegħu bil-kejla, bħalma kien jinbiegħ il-kappar, u kejla kienet tiswa xi nofs lira.  Skont Salvina, l-gambli kienu wkoll jinbiegħu bil-pinta u bit-terz (kejl tal-inbid). Il-pinta u t-terz kienu jkunu bottijiet tal-landa.  Pinta tiġi nofs kejla, allura kienet tiswa ħames xelini.  It-terz fih żewġ pinet, allura kien jiswa daqs kejla.  Kien hemm ukoll minn kien ibiegħhom bil-ħafna tal-id (kemm taħfen b’idek il-waħda).  Il-gambli kienu jitqiegħdu f’xi borża magħmula mid-drapp tax-xkora jew tal-flanella; jew f’xi kalzetta mxarrba biex jibqgħu frsiki u, jekk jista’ jkun, jibqgħu ħajjin.

Jekk ikollhom il-frisk, il-gambli jistgħu jibqgħu ħajjin għal xi sigħat  Jekk il-gamblu jkun ħaj, jew ta’ lanqas frisk, laħmu jkun sod, u jżomm aktar meta tilliskah mas-sunnara.  Jekk ikun qadim, laħmu jirtab u jitherra aktar malajr fl-ilma.

Marsaxlokk kien hemm diversi familji magħrufa li jagħmlu l-gambli.  Fosthom insemmu lil Ġanna u Rużar Tal-Pesis, Manwela Tal-Koj, Żara Taċ-Ċiniż, Kiti ta’ Ġanni Tal-Iljott, Mari’ Tal-iSkiper, Żara Tal-Ispajċ, Karmnu Tal-Ispijd, it-Taljana, Peppa Ta’ Zolli, u Tal-Melħ.  Wieħed jinnota li tneħħi lil Karmnu, l-ismijiet l-oħra huma tan-nisa, għax in-nisa l-aktar li kienu jagħmlu l-gambli.  L-irġiel kienu jkunu aktarx jistadu fuq il-baħar, jew isewwu x-xbieki fuq l-art.

Dawk li jbiegħu il-gambli kienu jdendlu xi barrada mal-faċċata tad-dar tagħhom, biex min jiġi biex jixtri, jkun jaf fejn għandu jħabbat.  Jew inkella kienu jmorru huma stess b’tal-Linja lejn Birkirkara jew il-Mosta.   Kienu jġorru l-gambli fi xkora ġewwa ġewlaq, u meta jaslu fil-post, ixammru l-ixkora mal-art bil-gambli ġo fiha.  Kienu jagħżlu l-post bil-għaqal, ngħidu aħna fejn jiltaqgħu l-irġiel fil-ħwienet fil-qalba tar-raħal.

Peress li l-port ta’ Marsaxlokk huwa kenni u b’baħar qasir (baxx) il-gambli kont issibhom madwar il-port kollu – max-xatt tat-triq, lejn il-Magħluq, fuq ix-xaqliba l-oħra lejn iż-żellieqa tad-dgħajjes, u aktar ‘il ġewwa taħt it-Torri ta’ San Luċjan.  Ċerti postijiet kienu magħrufa għall-gambli, – ngħidu aħna lejn il-ponta fejn inbniet il-power station.  Qed nitkellmu fuq il-port ta’ Marsaxlokk meta kien għadu naturali, qabel ma fondewh għall-laneċ u l-vapuri.

Ix-Xlukkajri li jagħmlu l-gambli kienu jbakkru anke mill-erbgħa ta’ filgħodu biex jilħqu l-kalata t-tajba.  Il-kalata hi l-post fejn jitniżżlu l-koppijiet għall-gambli.  Il-kopp ikun magħmul minn ċirku tal-ħadid b’dijametru ta’ xi 30 ċentimetru.  Il-vojt taċ-ċirku jimtela permezz ta’ xibka maħduma minn ħajt b’malji irqaq xi nofs ċentimetru biex il-gambli ma jgħaddux minnhom.  Din ix-xibka kienet tkun merħija, jew imżaqqa, fin-nofs u tinżel xi għaxar ċentimetri ‘l isfel.  Meta l-kopp ikun imdendel fl-ilma, iċ-ċentru tax-xibka jinżel xi 10 ċentimetri ‘l isfel. Bejn iċ-ċirku tal-ħadid u ċ-ċentru tax-xibka jintrabtu erba’ qfieli magħmula minn lenza rqiqa.  Fin-nofs sewwa jitqiegħed il-ħobż tal-Malti, bil-qoxra, biex ma jitmermirx malajr, u dan jintrabat billi jsallbu l-qfieli fuqu.  Iċ-ċirku tal-kopp jintrabat ukoll minn erba’ bnadi permezz ta’ lenza twila xi 17-il ċentimetru.  Dawn l-erbat iqfieli jintrabtu ma’ xulxin għan-nofs, u ma’ din ir-rabta tintrabat il-KLUMA.  Il-kluma tkun magħmula minn lenza eħxen, jew xi ħabel tan-najlon.  Tkun twila mal-120 jew 150 ċentimetru – jiġifieri qama, bejn wieħed u ieħor.  It-tarf tagħha jkun marbut ma’ biċċa sufra ta’ xi 8  ċentimetri.  Din is-sufra sservi biex iżżomm l-kluma u l-qfieli tal-kopp stirati ‘l fuq.  Jekk dawn ikunu merħija jibdew jiċċaqalqu mal-kurrent u l-gambli jitgerrxu, għax il-gambli huma ħżiena, u jibżgħu minn kull ċaqliqa.  Allura biex il-kluma żżomm stirata trid tkejjel il-fond ta’ fejn se tkala l-kopp, u tnaqqas jew iżżid it-tul billi torbot jew tħoll il-malji minn mas-sufra, hekk li s-sufra żżomm daqsxejn taħt l-ilma.  Mela l-kopp bil-piż taċ-ċirku tal-ħadid ikun sorġut fuq il-qiegħ u l-kluma tkun stirata.

Peress li kien hemm diversi sajjieda li jmorru għall-gambli, kulħadd kien jimmarka s-sufra tiegħu b’żebgħa differenti biex jintagħrfu u ma jinqalax inkwiet għax xi ħadd imur itella’ jew jerfa’ kopp ta’ ħaddieħor.  Salvina qaltli li tagħha kien ikollhom l-irjus miżbugħin ħomor u bojod, u kienet tkala mal-mitt wieħed f’żewġ indani lejn il-ponta fejn illum hemm il-power station.  Ikunu mbegħdin xi qama wieħed mill-ieħor.  Ix-xibka tal-koppijiet kienet taħdimha hi stess.  Aktar ‘il quddiem, meta ma setgħetx tibqa’ tagħmel dan ix-xogħol, Salvina bdiet taħdem il-basktijiet tan-najlon, u tbiegħhom anke lit-turisti.  Salvina kienet taqdef lejn il-ponta bil-frejgatina u tkala l-koppijiet b’ħeffa kbira. Imbagħad wara xi kwarta tibda ddurhom wieħed wieħed permezz ta’ ganġ biex tara jkunux daħlu gambli fihom.  Biex tiġbed is-sufra tal-kluma mill-frejgatina kienet tuża ganġ li kien ikun magħmul minn xi qasba tal-bambu li kienu jixtruha mill-Ħamrun, jew minn xi għuda tal-ġewż.  Fit-tarf kien ikollha ħadida mgħawġa bħal ganġ u marbuta bil-lenza mal-lasta jew mal-qasba.  Meta tiġbed il-kopp, ix-xibka tiegħu tiġi bħal qaleb, u l-gambli  jinżlu għal ġo nofsu.  Inti trid tibqa’ tiġbed ‘il fuq sakemm ittellgħu fil-wiċċ, għax jekk jogħdoslok ‘l isfel, ix-xibka titla’ ‘l fuq u l-gambli joħorġulek.  Meta ttellgħu fuq il-frejgatina, tfarfar il-kopp għal ġo xi barmil jew banju bl-ilma, biex il-gambli jibqgħu ħajjin.  Hu hekk Salvina kienet iddur il-koppijiet kollha għal iżjed minn darba, sakemm tara li ma baqax iżjed gambli. Kienet tkala l-koppijiet f’żewġ indani twal xi għoxrin qama, u kull kopp ikun xi qama ‘l bogħod mill-ieħor.  Dak iż-mien il-baħar ta’ Marsaxlokk kien mimli gambli.  Kien hemm min kien ikala l-koppijiet f’għamla ta’ “W” jew “M” ukoll.  Wara l-aħħar kalata, Salvina kienet tiġbor il-koppijiet kollha u taqdef lejn ix-xatt. Biex il-gambli jibqgħu ħajjin u friski sakemm jasal il-bejgħ tagħhom, jinżammu ġo barrada.  Il-barrada dari kienet tkun magħmula mill-qasab.  Kienet tinħadem bejn wieħed u ieħor bħan-nases tal-vopi, imma kienet tkun bħal ċilindru tawwali, u jkun fiha biss il-magħlaq ta’ fuq, mnejn wieħed idaħħal idu biex iġib il-gambli.  Il-barrada kienet tinżamm marbuta max-xatt jew mal-frajgatina kemm kemm taħt wiċċ l-ilma.  Illum il-brared huma magħmula minn kontenituri tal-plastik, mtaqqbin b’ħafna toqob waħda ħdejn l-oħra biex jidħol u jgħaddi l-ilma minnhom, u flok il-magħlaq għandhom għatu tal-plastik bil-kamin. Salvina kienet iddendel barrada taħt il-frejgatina biex ma tidhirx, u xorta ġieli kien hemm min ittanta jisraqhomlha; imma hi ratu mit-tieqa u gerrxitu bl-għajjat li bdiet tgħajjat.

Salvina qaltli li hemm gambli li jinqabdu minn fejn il-qiegħ ikun ġebli u ċagħki.  Dawn jissejħu Gambli tal-Ħaġar. U hemm il-Gambli tal-Kejl, li jinqabdu minn fejn il-qiegħ ikun bl-alka.  Jista’ jkun li jissejħu hekk għax ikunu ikbar minn dawk tal-ħaġar, u allura “ikejlu” jew fi kliem ieħor iġibu aktar fl-użin (tal-kejla).  Hekk taħsibha Spira, li tiġi n-neputija ta’ Salvina.  Mara oħra li kienet tagħmel il-gambli – Żara tal-Ispajċ, li għandha mat-tmenin sena. Qaltli li l-gambli tal-kejl ikunu safranin.

F’Marsaxlokk kien hemm ukoll min jagħmel il-gambli mill-art stess, permezz ta’ xi kopp milli semmejna qabel.  Imma peress li l-ilma jkun baxx, il-kluma tkun kważi marbuta (jew imkebba) kollha.  U peress li l-gambli, x’ħin tiċċaqlaq, jikxfuk u jindunaw bik mill-ewwel, trid tkun ħafif u pront taħsad il-kopp ‘il fuq għax inkella l-gambli jtiru minn ġo fih.  Meta jħossu mhedded, il-gamblu jimxi b’lura, u jekk iħoss li se jinqabad, jagħti skoss qawwi b’denbu u jtir ‘il fuq mill-ilma fil-baxx.

Xi sajjieda tal-qasba minn inħawi oħra ta’ Malta kienu jsibu xi post fejn il-baħar jidħol għall-baxx u jifforma bħal għadajjar qalb il-blat.  Hawnhekk, minflok il-kopp ċatt li jintuża fil-portijiet, is-sajjied kien iħit bħal borża tal-filoxx, jew tan-nylon, madwar ċirku tal-ħadid bil-manku.  L-ewwel ifewwaħ fl-għadira – billi jogħrok xi biċċa nċova bejn subgħajh – u l-gambli jibdew ħerġin minn taħt il-blat għal dak it-tifwiħ.  Imbagħad is-sajjied iniżżel il-kopp fl-għadira b’id waħda, u l-id l-oħra jniżżilha għal wara l-gambli li jkunu ħarġu.  B’idu, jgerrex il-gambli lejn il-kopp, bla ma jagħti skossi u bilkemm jitħarrek, għax il-gamblu jara ħafna, u b’mossa żbaljata jitgerrex qisu molla għal taħt il-blat.  Meta s-sajjied jidhirlu li ressaq il-gambli biżżejjed qrib il-bokka tal-kopp, jagħti s-salt f’daqqa biex jaħsadhom minn wara, u jtella’ l-kopp bilġri ‘l fuq.  Sakemm jagħmel din l-aħħar mossa, l-gambli ġieli jersqu joqorsulu s-swaba’ t’idu mċappsin bl-inċova, imma jrid jibqa’ jissaporti sakemm iressaq l-ikbar għadd minnhom qrib il-kopp.  B’hekk, sajjied bil-qasba kien jaqbad il-gambli li jkollu bżonn biex jistad, u jiffranka li joqgħod imur Marsaxlokk biex jixtrihom, speċjalment fi żminijiet meta dak li jkun ma tantx kien ikollu flus biex jixtri.

Illum Marsaxlokk ħadd m’għadu jmur bil-kopp biex jagħmel il-gambli.  Minn mindu fondew il-qiegħ u bnew il-power station, il-gambli naqsu qatigħ, u n-nies li kienu jagħmluhom xjaħu, jew ħallewna.  Illum jinqabdu bil-gangmu, li hu bħal xibka bil-qaleb fit-tarf, speċi ta’ borża kbira tax-xibka li jkarkruha mal-qiegħ bejn żewġ frejgatini.  Żara tal-Ispajċ qaltli li l-gambli tal-gangmu jgħidulhom gambli koħol.  Imbagħad hemm il-gambli suldati. Dawn ikunu fil-fond, ħomor bil-mustaċċi twal u jżommu ħajjin iktar.  Il-gambli ż-żgħar li jkunu għadhom kemm faqqsu jissejħu mqebbejn.

Din hi l-lista tal-aktar nies magħrufa f’Marsaxlokk li kienu jagħmlu l-gambli:

Karmnu u Kelina Caruana tal-Iswed

Salvina Bugeja ta’ Luqa

Manwela Muscat u bintha Kitty, tal-Poċċ

Tereża Cassar ta’ Lizju

Kitty ta’ Ġanni tal-Irjott

Mari tal-Iskipper

Jessie tat-Tilar

Karmena tal-Beringu

Manwela tal-Koj

Żara Grech taċ-Ċiniż

Ġanni u Liżar tal-Peziz

Peppa Gafa ta’ Zolli

Tonina tad-Daqqaq

Żara tal-Ispajċ

Karmini Bugeja tal-Melħa

Luċija ta’ Katambu

Karmni Abela l-Ġinġrija

Karmni Bugeja t-Taljana