Jew KEWKBA BID-DENB jew RAXX TAD-DENB:    Isem ieħor għal tip ta’ kometa li tidher tkaxkar magħha d-dawl. Fenomenu astrali li meta jidher dejjem jqajjem il-kurżità. Mingħajr l-għerf xjentifiku astronomiku, bosta fl-antik kienu jaqgħu għas-superstizzjonijiet u xi wħud kienu jemmnu li meta tidher din il-kometa dan kien sinjal ta’ twissija minn Alla, ta’xi katakliżmu li kellha taqgħa dalwaqt fuq l-umanità. Meta fis-sena 1909 dehret il-famuża Halley’s Comet ħafna interpretawha bħala sinjal ta’ risq ħażin, l-aktar għax denbha kien imgħawweġ ’l isfel u mhux ’il fuq. Għal ħafna, ir-risq ħażin kien ikkonfermat meta xi snin warafaqqgħetl-Ewwel Gwerra Dinjija tal-1914 li kkważat il-mewt ta’ miljuni kbar ta’ nies. Ovvjament din l-interpretazzjoni ngħatat wara li seħħu l-affarijiet. L-aħħar darba li dehret il-kometa Halley kien fl-1986. Ara:  Folklore of An Island, ta’ Tarcisio Zarb, pp. 341-348.