KEWKBA FEĠĠA   Kewkba li tfiġġ fis-sema mingħajr stennija u li tgħib wara ftit sekondi (Ing. shooting star). F’Ward ta’ Qari Malti, (1945), il-poeta V. Mifsud Bonnici kiteb poeżija twila li ġġib l-isem Kewba Feġġa. L-ewwel strofa ta’ din il-poeżija tgħid hekk:

Kewkba feġġa

li bħal vleġġa

tgħaddi tiġri ġe’ smewwiet,

nindaħallek

jekk nagħmillek

jiena dal-mistoqsijiet?

 

F’nota tal-istess ktieb fejn dehret din il-poeżija l-editur jinfurmana li fl-irħula, meta n-nies jaraw kewkba feġġa, kienu jwiddbu li mhux sew tħares lejha għax tista’ tiġrilek xi magħmul. Min jara dan il-fenomenu kien imwissi li għandu jitlob hekk: ‘Istorni biex nistrok.’ Dan il-verb ġej minn ‘satar’, jiġ. għatta jew ħeba. Qawl: Nistrok biex tistorni sakemm il-mewt tiġborni. Sorsi: Ward ta’ Qari Malti (1945), p. 76-78; E.S.I.