“Ejja nilagħbu” għajjat Wenzu, tifel maħmuġ u mċewlaħ,waqt li xiref f’bieb id-dar, b’kisra daqsiex f’idu, lil Karmenu li kien joqgħod quddiemhom. Karmenu, tifel ta’ xi seba’ snin, kien fit-tieqa b’bott tal-landa f’idu mimli. kafe u ħobż imfittet.

“Ġej, Wenz” għajjat mit-tieqa, bela’ malajr il-kafe u niżel jiġri. Wenzu ħareġ żugraga daqsiex mill-but, b’sitt ħabbiet għamel dawra fl-art u tafa’ s-sitta fiha. Dawwar il-ħabel maż-żugraga, xeħitha fl-art,u beda jerfagħha fuq qiegħ idu u jitfagħha fuq is-sitta, biex kieku joħroġha mid-dawra. Wieħed wara l-ieħor damu jilagħbu daqs nofs siegħa, iżda fl-aħħar messet darba lil Wenzu u ma satax jolqotha s-sitta. Wenzu kien izommha ż-żugraga u ma riedx tħalliha tgħaddi.

“Narġa’ nilgħab,” qal, “din ma tgħoddx.” Karmenu tfantas,”Lili jmiss” qal “inti lgħabt.”

Narġa’ nilgħab” tenna l-ieħor “għax iż-żugraga tiegħi.”

F’dak il-ħin leħen werżieqi ta’ mara, omm Wenzu, għajtet minn ġewwa: “Wenzu”.

“Hawn” wieġeb dak minn barra, waqt li l-istess leħen reġa’ nstama: “Ejja ‘l hawn, ja xitan.”

“Mela ma rridx nilgħab,” qal Karmenu, “kiesaħ.”

“Kiesaħ inti” tenna Wenzu “mela jien” u f’dan il-waqt resaq lejn sieħbu u ġibidlu tiġbida xagħru.

“Ma” werżaq Karmenu, li tawwal idu biex ixejjer daqqa ta’ ħarta lil Wenzu.

Omm Karmenu, Katarin, ħarġet tiġri minn ġewwa għal għajta ta’ binha, u meta rathom imqabbdin f’xulxin, bla ma qagħdet tifli min minnhom kellu ħtija, ġibdet lejha ‘l binha minn driegħu, u niżżlet xi daqtejn fuq dahar Wenzu. Omm Wenzu, Manan, donnha kienet qiegħda tissajjahom minn wara l-bieb, għax malli rat lil Katarin tmiss lil binha, ħarġet tiġri daqs balla, ġibdet lil Wenzu lejha u qalet: “Katarin meta trid xi ħaġa, ejja sib lili mhux lil ibni, għax dak mhux ta’ idejk, ja kiesħa li int, jew tgħir għal ibni, għax lil tiegħi daħħluhuli l-iskola u tiegħek baqa minn barra.”

“Ma daħħluhx l-iskola għax għadu żgħir. M’hemmx għalfejn ingħir. Tgħir int għalija mela jien, għax ir-raġel tiegħi daħal mal-gvern, u tiegħek landier ta’ ħabba.”

“Ajma jommi,” reġgħet Manan, “mur ara x’post għandu mal-gvern: kennies.”

“U biżżejjed, ja wiċċ il-mewt, kullħadd igħid li int marida, daqs kemm int safra u ħadra, donnha l-għira q’ed tagħmel bik” għajtet Katarin.

“Mhux sfura dik Katarin,” qalet Manan, “dik bjuda. Mhux bħalek sewda tuta donnok torka. Għax ma tgħidx bid-daħk li jidħku bik meta toħroġ xi ħarġa b’dak wiċċek donnu vopa imkagħbra fid-dqieq u biex tnaqqas ftit is-swidija. Dak għandek tgħid, ja dandaluna, għajjura, kiesħa.”

“B’daqshekk ma tnaqqaslix ġieħi,” qalet fis-saħna Katarin, “qatt ma sliftni xejn u ma raddejtulekx. Fejn baqgħet sejra dik il-pjanċa li sIiftek, Katarin? fejn baqgħet sejra? tajthieli hux? naħlef li mindu tajthielek ma rajthiex b’għajnejja. Ħalliela.”

“Ħalliela, ħalliela jien, Manan?” qalet Katarin, “l-ewwelnett il-pjanċa raddejthielek, u mbagħad ma tiftakarx meta raw lil żewġek bil-lejl jaqbeż il-ħajt ta’ l-għalqa tas-Sifu bi xkora fuq dahru, u kif laqatha mal-ħajt kien hemm xi erba’ tiġiġiet ġo fiha li bdew igħajjtu għajat tax-xjaten? Jien jew żewġek ħallelin, Manan?”

Manan rat li messet pont ħażin, ma kenitx ħasbet x’setgħet tweġibha Katarin, w instamtet għax nafuha aħna l-istorja tar-rħula: donnhom ikunu q’ed jistennew xi ġlieda, għax malli żewġ nisa jwerżqu, ir-raħal joħroġ bi ħġaru. Manan stħat u riedet iddawwar il-biċċa.

“Imma ma rajtux int,” qalet, “smajthom biss igħidu, u dak li jgħidu n-nies tiħux għalih. Imma jiena naf li l-pjanċa ma tgħajthielix. Ħalliela.”

“Ħalliela int, kiesħa, sewda, maħmuġa .. ”

“Maħmuġa, safra …”

“Tgħajjarnix iktar, għax hekk igħaddi kuntistabbli żgur inħarkek, ħalliela.”

Lanqas laħqet qalet, li fil-kantuniera ma deherx Karmnu l-pulizija. In-nies li kienu hemm iħarsu, bdew jitilqu, imma ż-żewġ nisa fis-saħna li kienu baqgħu jiġġieldu u ma baqax hemmekk ħlief Pawlu l-Iskurdat. Malli wasal Karmnu, iż-żewġ nisa sfaru, bdew jerġgħu lura u jwaħħlu waħda fl-oħra.

Karmnu qata qasir u ħarrikhom it-tnejn.

Mar fuq Pawlu l-Iskurdat u qallu: “Pawl ħa nħarkek bħala xhud.”

“X’inhu, x’inhu, xhud?” qal Pawlu, li kienu jgħidulu Skurdat għax kien, miskin, nieqes daqsxejn minn moħħu.

“Xhud, iva. Tini ismek u kunjomok, fejn toqgħod u x’tagħmel.”

“Jiena, jiena ma nagħmel xejn, noqgħod ma’ missieri u jisimni Pawlu l-Iskurdat.”

“Iva missierek fejn joqgħod?” qal Karmnu l-pulizija.

“Missieri, missieri joqgħod hemm id-dar tagħna, wara l-knisja.”

“!t-triq ma tafx x’jisimha?” tenna Karmnu.

“Minn daqshekk iwa, Sda. San Ġwanni t’Alla Kruċ. No. 4.”

“Biżżejjed daqshekk” qal Karmnu daħħal il-Iapes w il-karta fil-but u telaq.

Pawlu l-Iskurdat mejjel kemm kemm il-beritta, tefa l-pipa f’ħalqu, daħħal idejh fil-but u qagħad jara lil Karmnu sejjer.

Meta dan għab, Pawlu ċċaqlaq, “hawn jien” qal “imħarrek b’xhud, għal quddiem il-maġistrat, tajba tassew.”

 

Gius. Pace.

26/1/1933