1. Kaxxa li tinġarr, jew armarju, fejn jinqaflu ħwejjeġ żgħar personali. Fis-sagristija kull qassis ikollu l-kaxxarizz tiegħu, li fih iqiegħed il-paramenti, il-kalċi u affarijiet oħra meħtieġa biex iqaddes. Anki l-abbatini jista’ jkollhom il-kaxxarizz tagħhom fejn jerfgħu ħwejjiġhom. 2. Għamara fl-injam, ġen. iddekorata bil-panewijiet, li tinsab fil-ġnub jew fin-nofs tas-sagristija jew swali oħra fl-ambjent tal-knisja, eż. sagristija jew oratorju. Dan it-terminu kultant jirriferi għad-dekorazzjoni tal-kaxxa bil-panew mingħajr il-ħtieġa tal-kxaxen. Wieħed jista’ jara xogħol sabiħ ta’ kaxxarizzi fis-sagristija tal-knisja ta’ San Pawl, il-Belt. Dawn inħadmu fi żmien il-Gran Mastru Manoel de Vilhena, kif turi l-arma. Xogħol ieħor sabiħ jinsab fl-oratorju tas-Sagrament, fl-anness tal-kunvent tad-Dumnikani, il-Belt. Ta’ min wieħed isemmi wkoll il-kaxxarizzi sbieħ li hemm fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ. Sqal. casciarizzu. Ara: Teżori fil-Knejjes Maltin, Vol. 1, p. 214.