Stil ta’ arti li hu ispirat mit-tpinġija tal-artist magħruf Michelangelo Merisi da Caravaggio. Dan l-artist, illum ta’ fama mondjali, ġie Malta fl-1607. Caravaggio jibqa’ jissemma bħala l-ewwel u l-aqwa esponent tal-arti msejħa chiaroscuro.  It-terminu ‘Karavaġġesk’ jirriferi wkoll għal karatteristiċi oħra li dan il-pittur kien tant magħruf għalihom. Caravaggio kien ispirat fil-figuri li pinġa tan-nies kien bosta drabi ispirat minn nies li għexu fi żmienu li hu għażel bħala mudelli. Fl-arti Karavaġġeska jispiċċa l-ideal tal-figuri tal-qaddisin bi sbuħija perfetta. Minflok tispikka r-realtà tal-figura umana bid-difetti u ġieli l-kruha kollha tagħha. Hekk pereż. nsibu li fil-pittura ta’ San Ġakbu, li hemm fl-Oratorju ta’ San Ġwann, il-figura ta’ dan il-qaddis hi mpinġija b’mod li turi li l-mudell kien bniedem reali, għax naraw il-ġilda mkemmxa u skura tal-pala ta’ idu tinbidel f’kulurha minn dik ta’ driegħu bajdanija li norm. Tkun mgħottija, bħal ma jiġri fir-realtà. Karatteristika oħra importanti tal-pitturi ta’ Caravaggio hi l-kompożizzjoni u l-qsim tax-xena f’diversi partijiet, bħal pereż. fit-tpinġija ta’ Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann, li wkoll tinsab fl-istess Oratorju ta’ San Ġwann. Hawn naraw l-eżekuzzjoni tal-qaddis n-naħa tax-xellug, waqt li l-bqija tal-pittura hi kważi vojta, ħlief għal tnejn min-nies jittawlu minn ġo tieqa.