jew KOKKODINA:   Il-pjanta tal-kakaw (Is. xj. Theobroma cacao) għandha ż-żerriegħa tagħha bajda, qisa tal-fażola, biss, din tiskura fil-kanella meta tinxef. Din iż-żerriegħa hi tajba biex minnha jittieħed il-butir jew iż-żejt tal-kawkaw li bih issir iċ-ċikkulata. Minn dan iż-żejt issir anki ċerta mediċina u sapun.  Oriġ. kien it-tribù Rama tan-Nikaragwa, fl-Amerika Ċentrali, li kien ikabbar il-kawkaw.  Il-kawkaw jew cocoa, inġieb fl-Ewropa, mill-Ispanjoli fl-1585, bħala żerriegħa, minn Vera Cruz, fil-Messiku. L-isem oriġ. ġej mill-kultura Azzeka fejn Cacahuatl kienet tfisser ‘l-ikel tal-allat’. Tal. Cacao. Din ix-xarba daħlet f’Malta fi żmien il-Kavallieri, u għal ħafna żmien kienet tinxtorob biss mis-sinjuri. Din bdiet tissejjaħ mill-Maltin kokkodina jew kakotina.