Mantell, li kien jintlibes mill-bdiewa meta joħorġu jaħdmu filgħodu kmieni fl-għelieqi, biex jipproteġu ruħom mis-sirda.  Dan il-mantell li kellu wkoll barnuża, kien ta’ materjal oħxon, magħmul mis-suf tan-nagħaġ u l-qoton. Sa nofs is-seklu għoxrin il-kabozza kienet għadha tintlibes mill-bdiewa tal-Għarb u dawk ta’ San Lawrenz f’Għawdex. Ħaġa kurjuża hi, li din il-kabozza kienet tintlibes ukoll fil-funerali, biss minn taħt fuq, jiġ., il-ġewwieni tal-kabozza jidher fuq barra. Fit-Tuneżija għadek tista’ tara bdiewa li jilbsu dan it-tip ta’ mantell. Ara: Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi ta’ Anton F. Attard, pp. 52, 53. Sqal. cappucciu.