Fl-artikli ta’ qabel dan kont ktibt dwar ix-xatt tal-gżira ta’ Malta. Din id-darba xtaqt neħodkom lejn l-estrem l-ieħor tal-Gżejjer Maltin, jiġifieri x-xtut miftuħa li mill-majjistral t’Għawdex iħarsu lejn Sqallija. Bħalma se naraw, huma nħawi b’karattru għalihom, magħġun minn taħlita ta’: pożizzjoni ġeografika mwarrba u mikxufa li għadha tinħass sew; pajsaġġ ħelu tal-kampanja bl-għelieqi mtarrġin bejn il-widien u l-għoljiet; u ambjent naturali b’bixra salvaġġa u saħansitra spettakolari, b’sisien għoljin li jaqtgħu ħesrem għal fuq baħar fond u miftuħ beraħ. Ma jistax jonqos li din it-taħlita tnibbet ukoll dettalji storiċi u folkloristiċi, fosthom numru ġmielu ta’ leġġendi u drawwiet lokali bħas-sajd mill-għoli bil-purċellat. It-toponomastika ta’ dawn l-inħawi hija mera ta’ dan kollu, u bħas-soltu se nduruha fid-dettall permezz ta’ mawra li f’dal-każ tibda mid-daħla naturali tax-Xwejni, peress li biex ingħid hekk din tifred ‘il dawn ix-xtut mill-pajsaġġ differenti għal kollox li jitfaċċa lejn il-grigal t’Għawdex.

Kitba ta’ Alex Camilleri. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9 (2009) Nru 33. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Il-Qolla l-Bajda

Il-Qala tax-Xwejni [8]  jew, kif inhija magħufa l-aktar, Ix-Xwejni, tinsab malli tħalli l-bini ikrah u bla karattru li mis-sittinijiet ‘il hawn ħakem lil Marsalforn u l-Qbajjar. S’issa ħelsitha bi żbrixx mill-kankru tal-bini dejjem jinfirex li maż-żmien bela’ wkoll l-għolja pittoreska tal-Qolla s-Safra [1] (illum imdawra bil-bini ta’ bejn Marsalforn u l-Qbajjar) u qorob mhux ftit lejn Il-Qolla l-Bajda [5] li tifred ix-Xwejni mill-Qbajjar. Hija daħla ramlija bil-qiegħ tassew baxx, imrekkna bejn il-Qolla l-Bajda u l-Qolla l-Ħamra [9] li tinsab mat-triq wieqfa li titla’ lejn ir-raħal taż-Żebbuġ. L-ismijiet ta’ dawn it-tliet għoljiet żgħar ġejjin mit-tip ta’ blat li fihom: Il-Qolla s-Safra għandha l-blat tar-rina (Greensand) li jvarja minn safrani għal samrani, filwaqt li l-Qolla l-Bajda hija ta’ lewn griż ċar minħabba s-saffi taflin tal-kwiener u tal-bajjâd (Upper Globigerina Limestone u Middle Globigerina Limestone). Il-blat tal-Qolla l-Ħamra aktarx li kien jixbaħ lil tal-Qolla s-Safra imma aktar skur, iżda llum iġġarraf minħabba li taħtu kellu saff mikxuf tat-tafal u llum għadha tidher biss ħotba baxxa tat-tafal b’xi tifrik tar-rina mxerred madwarha. Ix-Xwejni huwa mkennen fuq in-naħa tal-grigal minn sikka baxxa u wiesgħa li toħroġ ‘il barra sewwasew minn taħt il-Qolla l-Bajda. Din is-sikka fiha x’tara fil-maltemp bil-mewġ jinbaram u jitkisser magħha, iżda daqstant ieħor taf tqarraq bl-għawwiema meta l-baħar ikun ftit imċafċaf għax ġieli jinħoloq kurrent qawwi saħansitra fi ftit piedi ilma. Fil-wiċċ tas-sikka, il-baħar għawwar għadd ta’ ħofor fondi u x’uħud minnhom anke niffidhom ma’ xulxin; hawnhekk  tqaċċtu wkoll xi blatiet imdaqqsin minn taħt il-Qolla l-Bajda u waqgħu għal fuq is-sikka.

It-Torri tal-Qbajjar

Waħda minnhom hija kemmxejn ‘il bogħod mix-xatt u qisha skoll li jixref mill-baħar baxx; skond it-tagħrif miġbur mill-istudjuż tat-toponomastika Għawdxija Joe Zammit Ciantar, din hija Il-Ġebla tal-Kwakki [7]. Maqrus bejn il-Qolla l-Bajda u s-sikka ta’ taħtha hemm ukoll L-Għar ta’ Santa Marija [6], bokka superfiċjali fil-ġenb tax-xatt tafli li tispikka minħabba l-pożizzjoni tagħha mal-ponta; fil-bnazzi tista’ tilħaqha permezz ta’ mixja qasira mix-Xwejni, basta toqgħod attent għaż-żliq. Mill-qrib jidher ċar li l-għar huwa parti minn tnaqqira naturali aktar estensiva (teknikament magħrufa bħala notch) li tkompli tidher sa taħt It-Torri tal-Qbajjar [3]. Dan tal-aħħar fil-fatt huwa trunċiera kbira, jew aħjar batterija għall-kanuni, li nbniet fl-1716 fuq Il-Ponta tat-Torri [4] li tħares lura lejn il-bini tal-Qbajjar u Marsalforn. Sa xi snin ilu kien għadu jidher ukoll xi fdal ta’ trunċiera iżgħar (jew, biex inkun aktar preċiż, “ridott”), li l-Kavallieri kienu bnew fl-istess żmien biex minn wara l-Qolla l-Bajda tgħasses ix-Xwejni.

Is-Salini tax-Xwejni

Max-xaqliba l-oħra tax-Xwejni, pariġġ is-sikka li semmejna, tinsab Is-Sewda [10] jew Is-Swejda, ponta baxxa mal-baħar bi blat skur. Mill-għoli, ngħidu aħna int u nieżel miż-Żebbuġ, tidher tixbaħ lill-poppa ta’ xini żgħir, u hekk jingħad li tnissel l-isem tal-qala. F’xi mapep ġieli tara l-isem miktub fil-plural (“Xwieni” flok Xwejni), iżda dan mhux għajr żball fuq ieħor marbut ma’ żewġ vizzji kartografiċi: il-kitba ta’ ismijiet Maltin bl-ortografija barranija ta’ xi “lingua franca” bħat-Taljan, Franċiż, Latin jew Ingliż; u korrezzjoni ħażina lura għall-Malti. Dettall ieħor kurjuż hu li mkien ma jidher ebda wied iferra’ għal ġox-Xwejni. Iżda l-wied hemm qiegħed, minkejja li ċ-ċaqliq tettoniku ta’ l-art u l-bdil fil-livell tal-baħar eluf ta’ snin ilu kienu għarrquh taħt l-ilma. Jinsab maqrus bejn is-Swejda u s-sikka tal-Qolla l-Bajda li dari kienu l-ġnub tiegħu (tant li l-bajja nnifisha mhix għajr ras il-wied) u, wara li jinżel fil-fond, jikser qisu kartabun u jofroq is-sies wieqaf li jinsab taħt l-aktar xifer imbiegħed tas-sikka. Sewwasew fil-kisra tiegħu (‘il barra sew mix-xatt) jinsabu żewġ ħnejjiet naturali fuq xulxin li huma popolari ferm ma’ l-għaddasa li jżuruhom bid-dgħajsa jew inkella permezz ta’ għawma twila mis-Swejda.

Il-plajja ta’ taħt  iżŻebbuġ

Ras ir-Reqqa

Mis-Swejda tibda wkoll plajja twila u pjuttost ċatta li tibqa’ sejra lejn il-punent; matulha hemm is-salini qodma Ta’ Rafel [11] li għadhom jintużaw sal-lum. ‘Il ġewwa minnhom (jiġifieri jekk titbiegħed mill-baħar), tinbidel kemm l-għamla tal-blat kif ukoll il-forma ta’ l-art. Il-plajja żonqrija tispiċċa biex fuqha jirkeb is-saff tal-franka (Lower Globigerina Limestone), li hawnhekk jixref f’għamla ta’ tarġa wieqfa m’għola ftit aktar minn sular. Il-wiċċ ċatt ta’ fuq il-franka huwa fil-fatt qoxra rqiqa ta’ blat skur u iebes imsejjaħ “katina” (Phosphorite Nodule Bed), b’kotra ta’ ċagħaq u fossili magħqudin flimkien. Minn fuqu llum tgħaddi t-triq panoramika li mix-Xwejni twassal lejn l-Għasri. Imbagħad, sewwasew fuq in-naħa l-oħra tat-triq, titla’ tarġa oħra tal-qargħajja (isem ieħor għall-bajjâd) u tal-kwiener; dawn iż-żewġ saffi ta’ blat artab qishom nofs triq bejn il-franka u t-tafal, u narawhom mifrudin minn xulxin permezz ta’ saff ieħor iebes ta’ dak it-tip ta’ blat imsejjaħ “katina” li f’xi bnadi saħansitra jisporġi ‘l barra bħala pizz irqiq li jħares għal fuq it-triq. Hawnhekk, tant jidhru ċari s-saffi kollha li semmejna, li uħud mill-aqwa kotba dwar il-ġeoloġija Maltija jużaw propju ‘l din il-medda tax-xatt Għawdxi bħala eżempju. Hemm ukoll xi kmamar qodma, jew aħjar għerien artifiċjali, imħaffrin fil-faċċata tal-qargħajja. Tnejn minnhom huma dokumentati fis-Seklu XVIII mill-Kanonku Gio. Pietro Francesco Agius De Soldanis: wieħed imsejjaħ L-Għar ta’ San Martin [12] li skond hu tħaffer mill-familja Cardona madwar is-sena 1690 għall-użu tal-pubbliku, u ieħor privat tiegħu stess li tħaffer fl-1742 biex jaqdi l-ħtiġijiet tas-salini li kellu hemm. Dwar dan ta’ l-aħħar, Agius De Soldanis igħid li ssemma għalih stess “…una grotta…che porta il mio nome…”, u dwar il-mellieħa igħid li kienet tiegħu salina dell’autore. Iżda l-ismijiet eżatti ma joħorġux daqstant ċari u għalhekk f’dal-każ għandi xi dubji dwar l-interpretazzjonijiet preċiżi (“L-Għar ta’ De Soldanis” u “Is-Salini ta’ De Soldanis”) li jidhru f’xi kotba. Minn hawn ‘il fuq, tibda żurżieqa tat-tafal li tibqa’ tielgħa fil-għoli minn ġo l-artijiet Tal-Wiżna [13] u Ta’ Bembla[14] sa ma tilħaq l-għolja taż-Żebbuġ, sewwasew it-tarf tagħha magħruf bħala Għajn Melel [15] għal waħda min-nixxigħat li tinsab hemm. F’Għajn Melel, jitfaċċa wkoll il-blat tal-qawwi ta’ fuq, sabiex b’hekk għandna wieħed mill-ftit postijiet f’Għawdex fejn jidhru s-saffi kollha ewlenin tal-blat Malti f’post wieħed (l-istess bħall-inħawi ta’ Ħad-Dingli, l-Imtaħleb, il-Baħrija u l-Qammieħ f’Malta). Lura mal-plajja, ta’ min igħid li wħud mill-ilmijiet li jnixxu fuq it-tafal iċarċru ‘l isfel lejn il-baħar, u jinġabru l-aktar f’wied ċkejken ħdejn kisra qawwija fit-triq, appuntu msejjaħ Tal-Ħass [16] minħabba l-ħażż li jikber fl-istess ilma.

Il-Bebbuxu ħdejn l-Għalja

Jekk inkomplu mal-plajja naslu fuq Ras ir-Reqqa [17], l-aktar tarf avvanzat lejn it-tamuntana fil-Gżejjer Maltin kollha, qisu saba’ rqiq li jipponta lejn Sqallija. U la semmejt ‘il Sqallija, ma xtaqtx ninsa ngħid li din tintlemaħ tassew minn dil-parti t’Għawdex jekk il-viżibilita’ tal-ajru tkun ċara għall-aħħar. Din id-dehra, li turi art mifruxa u baxxa fuq ix-xefaq b’mutanji għoljin fuqha, isibuha bħala Il-Munġbell, taħsira ta’ isem ieħor li bih l-Isqallin stess ġieli jirreferu għall-vulkan Etna: Il Mongibello. It-tnissil ta’ dan l-isem jeħodna lura fil-medjuevu ta’ Sqallija meta anke hemm kienet għadha tinħass l-influenza Semitika, tant li huwa għaqda ta’ kelma Taljana jew Latina (“monte” jew “mons”) u oħra Għarbija (“ġebel”) li t-tnejn għandhom l-istess tifsira. Din it-tawtoloġija (għax fl-aħħar mill-aħħar, l-isem ma jgħid xejn għajr “muntanja-muntanja”!) narawha wkoll f’Monte Gibele fuq il-gżira ġara tagħna ta’ Pantelleria, fejn it-taħlita ta’ l-ilsien Semitiku ma’ dak Taljan tinħass qawwija daqskemm fil-Gżejjer Maltin, jekk mhux aktar. Fl-istess direzzjoni ta’ Sqallija, taħt il-baħar bosta mili lejn it-tramuntana t’Għawdex, hemm Is-Sikka ta’ Kalanġ [18], sikka fil-fond u mifruxa fuq xi tliet mili li hija magħrufa sew fost is-sajjieda għall-ħut li tagħmel, inkluż ħut kbir li jaf iħarbat sajda sħiħa jekk il-konzijiet ma jinġabrux f’waqthom. Skond il-folklorista Għawdxi Anton Attard, dan l-isem mhux daqstant qadim, għax is-sikka skopriha għall-ewwel darba ċertu Kalanġ Borġ “Ta’ Ġenju” (sajjied mit-Triq tal-Għajn qrib ix-Xlendi) għall-ħabta tal-1962.

Għar Ħanżira

Nerġgħu lura lejn Ras ir-Reqqa nnifisha. Filwaqt li minn fuq l-art, din ir-ras baxxa taħsibha xi sikka oħra tawwalija, il-blat jaqta’ mill-ewwel qrib ix-xatt u malajr jilħaq fond ġmielu. Is-sies sabiħ li hemm taħt wiċċ il-baħar huwa fost l-aktar imkejjen imfittxijin mill-bugħaddasa; għaldaqstant kien twaħħal sellum apposta sewwasew fejn il-plajja Ta’ Rafel tikser lejn Ras ir-Reqqa, billi hawn tinsab daħla tabilħaqq ċkejkna (Il-Ħofra [19]) li toffri xi ftit tal-kenn f’każ ta’ mbatt mill-punent jew mill-majjistral. Biswit il-Ħofra, hemm ukoll posta oħra tas-sajjieda, imsejħa Il-Bir [20] minħabba l-bjar mnejn jittella’ l-ilma baħar għas-salini. Għal fuq dawn ix-xtut tittawwal L-Għalja [21], qortin żgħir li jisporġi mix-xifer tal-franka li diġà semmejna; mal-ġenb tagħha xi snin ilu xi ħadd fettillu jnaqqax figura ta’ bebbuxu kbir. Jekk tibqa’ ddur ma’ Ras ir-Reqqa, max-xaqliba li tħares lejn il-punent tilmaħ qala wiesgħa u miftuħa li qajla toffri rdoss. Mal-ġenb tagħha ssib Il-Minfes [22], toqba max-xatt (blowhole) mnejn il-baħar jinbeżaq bil-qawwa fil-maltemp. Mhux wisq ‘il bogħod, iżda f’qiegħ il-baħar, jinsab dagħbien kbir vertikali b’żewġ bokok (spiss imsejjaħ “ċumnija” jew “flixkun” minħabba l-għamla tiegħu); għandu d-dħul f’madwar 30 metru fond u l-ħruġ f’xi 60 metru, u jintlaħaq biss mill-bugħaddasa. Imbagħad, wara ħarrieġa ta’ blat li jgħidulha Ix-Xriek [23], fil-parti l-ġewwenija nett tal-qala tidher bokka baxxa li bilkemm tixref ‘il fuq minn wiċċ l-ilma u li donnha ħadet isimha (Għar Ħanżira [24]) mill-ħsejjes tal-mewġ li jissabbat għal ġo fiha f’xi majjistralata. Fil-fatt, din mhix għajr tnaqqira meta mqabbla ma’ l-għar ieħor ferm akbar li jinsab mgħaddas eżatt taħtha, b’għamla ta’ serpentina wiesgħa (l-ewwel jinżel ftit, imbagħad jilwi ‘l fuq minn wara Għar Ħanżira, sa ma jilħaq sala kbira u mudlama bl-arja maqbuda ġo fiha). Il-“Billinghurst cave” li jissemma fost l-għaddasa huwa dan l-istess għar iżda b’isem barrani vvintat minn xi Ingliżi li ma tantx stmaw il-kultura lokali u ippreferew jagħtuh tikketta ġdida li daqqitilhom aktar għal widnejhom. Aktarx li kemm iċ-ċumnija kif ukoll dan l-għar stramb tnaqqxu mill-ilma ġieri meta dawn l-inħawi ma kinux mal-baħar! F’xi mapep, il-qala nnifisha tissemma’ bħala Mwieġ il-Baħar, Mewġ il-Baħar jew Ngħaġ il-Baħar, għalkemm dwar dan l-isem hemm xi ftit tal-konfużjoni għax il-kotra tal-kitbiet li ltqajt magħhom jagħtuk x’tifhem li jirreferi għall-port tal-Qbajjar u mhux għal hawn. Jidher ukoll li l-isem m’għadux magħruf fost is-sajjieda tal-lokal. U forsi wieħed jistaqsi, mewġ il-baħar mhux max-xtut kollha jħabbat? Għaliex għandu jissemma hekk post wieħed partikolari, hu fejn hu? It-tweġiba nsibuha f’taħsira ta’ isem eqdem bħal “Imwieġel Baħar” jew “Mâġil Baħar” (jekk mhux ukoll “Imwieġel Qbajjar”?). Il-kelma “imwieġen” u s-singular tagħha “mâġin” jindikaw bjar baxxi jew ħwat imħaffrin fil-blat bħalma wieħed jistenna li jara fl-inħawi ta’ madwar is-salini, u għalkemm ilhom li nqerdu mil-lingwa mitkellma, għadna niltaqgħu magħhom (normalment miktubin bl-aħħar ittra mgħawġa minn ‘n’ għal ‘l’) fit-toponomastika tal-gżira ta’ Malta, ngħidu aħna ħdejn ix-Xgħajra. Interessanti li l-istess toponimu (miktub bit-Taljan bħala “Muegen” u spjegat bħala “contrada delle cisterne”) jeżisti wkoll fuq il-gżira ta’ Pantelleria sewwasew fejn hemm xi fosos antiki. X’imkien qrib ta’ Ras ir-Reqqa, jissemma wkoll Għar ix-Xiħ, iżda dan ma rnexxilix insib fejn hu; forsi huwa biss isem ieħor għal xi wieħed mill-għerien ta’ l-inħawi.

Minn Għar Ħanżira ‘l quddiem, jibda sies baxx iżda wieqaf. L-ewwel biċċa tiegħu isibuha bħala L-Imsaqqfiet [25], u f’rokna biswitha hemm Għar Ħamruni [26], għar ċkejken f’wiċċ il-baħar. Imbagħad hemm posta tas-sajd imsejħa Il-Gejjuża [27], u warajha Il-Ħdejdija [28] jew L-Għar tal-Ħdejdija. Din ta’ l-aħħar hija xkaffa wiesgħa ftit ‘il fuq mill-baħar taħt is-sies; trid tixxabbat biex tilħaqha (tant li hemm xi ħadidiet imsammrin fil-blat biex is-sajjieda jixxabbtu magħhom bil-ħbula), għalkemm għadu jidher il-fdal ta’ taraġ qadim maqtugħ fil-blat. Isimha, kif ukoll l-għamla tal-blat li jittawwal għal fuqha, jagħtuk x’tifhem li forsi dari setgħet kienet imsaqqfa qabel ma tqaċċat xi blat għal isfel. Fiha wkoll banju żgħir maqtugħ fil-blat. Fil-qrib hemm xkaffa oħra iżgħar (Is-Siġġu [29]), u malli taqbiżha tasal fil-ponta wieqfa u rqieqa msejħa Ras il-Kanun [30] (jew inkella Il-Kanun jew Tal-Kanun). Skond xi sajjieda, fl-imgħoddi ma’ dil-parti tax-xatt kienu kultant jaraw il-kurazzi (hammerhead sharks).

Wied il-Għasri u madwaru

Ras il-Kanun tikser ħesrem għal ġo għar daqsiex (Għar il-Qamħ [31]) li jħares lejn il-majjistral u li jista’ jintlaħaq bil-għawm wara tixbita żgħira ma’ Ras il-Kanun; fuq ġewwa fih xkaffa mdaqqsa mal-livell tal-baħar, filwaqt li mas-saqaf tiegħu hemm żewġ toqob maqtugħin, aktarx biex minnhom itellgħu l-ilma għas-salini. Dawn jistgħu jkunu ta’ periklu għal min jittanta jippassiġġa aljenat max-xifer li jwassal lejn Ras iċĊatta [32], mal-ġenb l-ieħor tal-għar. Fil-medda ta’ blat għoli li tittawwal għal fuq dawn l-inħawi jispikka kumpless ieħor ta’ salini magħruf bħala Tal-Arluġġar [33], li nbena fl-1742 u llum jinsab żdingat. Jingħad li l-ġrajja ta’ dawn is-salini kienet waħda ta’ żvintura, fost oħrajn wara li sidhom l-arluġġar fettillu jniffed spiera għal ġo għar kbir li jinsab taħthom (Għar ir-Riħ [34]) sabiex il-baħar ifawwar dritt għal ġo fihom meta jkun hemm il-maltemp, u b’hekk jiffranka l-keded biex itella’ l-ilma f’dawn is-salini li jinsabu fil-għoli. Iżda jidher li dan beda jwassal ukoll ir-raxx mielaħ tal-baħar għal fuq l-egħlieqi ta’ terzi, li fittxewh għad-danni sa ma faqqruh u qajla qajla wassluh sal-qabar bil-għali. Jista’ jkun li uħud mid-dettalji huma żidiet leġġendarji aktar milli fatti storiċi, iżda jekk wieħed iħares bir-reqqa lejn l-inħawi jintebaħ li qalb is-salini tassew hemm spiera tonda misduda bil-ġebel u minn taħtha ġieli jinstema’ l-baħar iħabbat. Daqstant ieħor, minn ġo l-għar tidher l-istess spiera mtaqqba pulita fis-saqaf u mbarrata bix-xorok biex l-ilma ma jogħliex minnha; għadhom jidhru saħansitra l-iskaluni maqtugħin fil-ġenb tagħha. Għar ir-Riħ innifsu jintlaħaq b’tixbita minn ħdejn is-salini stess li twassal għal bokka żgħira ftit ‘il fuq mill-baħar (li minnha ġieli tonfoħ żiffa qawwija li aktarx tatu ismu), jew inkella permezz ta’ għodsa minn ġo bokka akbar taħt l-ilma. F’dawn l-aħħar snin, dan l-għar ukoll sar popolari mal-bugħaddasa, għalkemm b’xorti ħażina hemm min qed jinkoraġġixxi l-vizzju li jivvintawlu ismijiet kummerċjali bla ebda preġju (f’dal-każ “Cathedral cave”) minflok ma jkun apprezzat l-isem u l-karattru propju tal-post. Ftit biss ‘il ġewwa minn Għar ir-Riħ tispikka Il-Bokka tal-Wied [35], il-fetħa ta’ ħondoq kbir, dejjaq u għoli li hawnhekk jingħaqad mal-baħar miftuħ— Wied il-Għasri [171]. L-istess bħal Wied iż-Żurrieq u Mġarr ix-Xini, din il-bajja tawwalija, irqiqa u mserrpa (bi xtajta żgħira u ċagħqija fuq ġewwa nett) hija t-tarf nofsu mgħarraq ta’ wied fond (ukoll imsejjaħ Wied il-Għasri) li sal-lum għadu jċarċar għal ġo fiha. U m’hemmx xi ngħidu, hija fost l-aktar xenarji spettakolari fil-Gżejjer Maltin. Tista’ tinżel għaliha permezz ta’ taraġ maqtugħ fil-blat li jwasslek għal fuq ix-xtajta; isfel hemm ukoll xi kmamar qodma tas-sajjieda u għar ieħor żgħir iżda wiesa’ fil-baħar baxx biswitha. Fis-saqaf ta’ dan l-għar hemm imniffda spiera wiesgħa u fonda mnejn dari kien jittella’ l-ilma mielaħ sabiex jintuża fis-salini.

Wied il-Għasri

Jittawlu mill-għoli hemm imbagħad l-artijiet weqfin Tas-Sagħtrija [36] (jew Is-Sagħtrija). Dan l-isem aktarx għandu x’jaqsam mas-sagħtar li jikber qalb il-blatiet li jinstabu mgerrbin mal-ġnub taflin ta’ l-għolja taż-Żebbuġ, iżda l-post huwa magħruf l-aktar għall-alabastru sabiħ li kien instab hawn għall-ewwel darba fl-1738. L-aħħar blat li nkiseb mis-Sagħtrija ntuża għal diversi opri li llum iżejnu l-knisja parrokkjali taż-Żebbuġ minn ġewwa, wara li mill-istess materjal kienu nħadmu xogħlijiet iżgħar fil-kappella ta’ Wied il-Għasri u fil-katidrali tal-Imdina, tal-Belt Valletta u tar-Rabat t’Għawdex. Minn dawn l-artijiet għoljin jinżel ukoll wied żgħir (Il-Wied ta’ Nikol [37]), li l-ewwel jaqbeż l-artijiet Tal-Benniena [38] imbagħad jibqa’ għaddej (flimkien mal-kwantità ta’ naqal, tajn u ġebel li jaf iġorr miegħu l-ilma) propju minn ġo nofs is-salini msejkna Tal-Arluġġar, sa ma jasal biex iferra’ l-ilma li jifdal għal fuq is-sies ħdejn Għar il-Qamħ. Qrib tiegħu jgħaddi wkoll wied ieħor daqsu (Il-Wied tal-Baqra [39]), iżda dan imbagħad jitbiegħed mill-ieħor li semmejna qablu, jibqa’ nieżel bejn l-artijiet Tal-Baqra [40], Tal-Baħri [41] u Ta’ Grabiel [42] u fl-aħħar jaqa’ mill-għoli qisu doċċa għal ġol-baħar baxx fid-daħla ta’ Wied il-Għasri. Kemm il-Wied ta’ Nikol kif ukoll dak tal-Baqra jibdew minn taħt l-art għolja Ta’ Għajn Quċċât [43], fejn teżisti nixxiegħa oħra (Għajn Quċċât) taħt waħda mill-ogħla bnadi taż-Żebbuġ.

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri