L-intern u l-widien.

Kitba ta’ Alex Camilleri. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9 (2009) Nru 33. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

La qegħdin fiż-żifna, ejjew nitbiegħdu bis-serqa minn max-xatt u ngħidu xi ħaġa dwar il-widien li jiġbru l-ilma tax-xita mill-intern tal-gżira. Ma kontx se nerġa’ nsemmi l-bosta widien żgħar li qisthom bħala parti mill-ambjent ta’ mal-kosta, u lanqas ma kelli l-ħsieb li nirrepeti dak li diġà għidt dwar Wied ir-Rahab li għalkemm twil u fond għandu tifsila sempliċi. Iżda xort’oħra huma Wied il-Għasri u Wied il-Mielaħ, li mhumiex għajr it-truf ta’ sistemi aktar mifruxa b’ħafna friegħi li jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw wied wieħed kbir li jbattal l-ilma għal ġol-baħar.

Il-Knisja tal-patronċinju

Wied il-Għasri jibda bħala Il-Wied tal-Ġonna [164] minn ħdejn ir-raħal tal-Għasri, u minn hemm jibqa’ nieżel qalb l-egħlieqi Tal-Ġonna [163] li jinsabu bejn l-għolja Ta’ Għammâr [165] (jew Fuq ta’ Għammâr, biex jagħrfuha minn raħal ċkejken bl-istess isem) u ħotba oħra iżgħar magħmula għal kollox minn tafal għeri. Din ta’ l-aħħar isimha magħha (Tat-Tafla [166]), għalkemm fil-mapep hija indikata wkoll bħala Ta’ Leveċa. Lejn it-tramuntana tagħha hemm l-artijiet Tas-Sined [167], isem li jindika artijiet imtarrġa għal fuq wied; u tabilħaqq bejn din iċ-ċappa tafal u l-għolja ferm akbar Ta’ Abram [168] (li fuqha jinsab mibni nofs ir-raħal taż-Żebbuġ) hemm wied ieħor li jingħaqad ma’ dak tal-Ġonna. Magħhom tingħaqad ukoll it-triq tal-kampanja li twassal lejn il-knisja Tal-Patroċinju [169] jew Il-Knisja tal-Wied, li nbniet fl-1738 u mill-1872 ‘l quddiem serviet ta’ viċi-parroċċa għall-Għasri sakemm dan infatam għal kollox miż-Żebbuġ fl-1921. Niftakar lil qrabati jirrakkontaw xi stejjer dwar ġrajjiet koroh u misterjużi li seħħew bil-lejl ħdejn il-kappella, iżda ftit li xejn naf aktar.

L-Għolja ta’ Ġurdan bil-fanal fuq il-quċċata

Għal fuq il-kappella jittawlu l-artijiet għoljin Tal-Kanun, mal-ġenb tal-għolja Ta’ Abram. Billi dan l-isem diġà ltqajna miegħu bejn Ras ir-Reqqa u Wied il-Għasri, mhux ċar jekk il-ġrajja li jsemmi Dr Joe Bezzina dwar il-ħafna fniek li tfaċċaw f’Tal-Kanun fl-1942 waqt l-għaks tal-gwerra qedx tirreferi għal hawn. Ftit aktar ‘l isfel mill-kappella, sewwasew ħdejn mina ta’ l-ilma li hemm ħdejn Ġnien il-Għorfa [170] u l-artijiet Ta’ Xammar, mal-Wied tal-Ġonna jingħaqad il-kanal dejjaq (iżda twil u kemmxejn fond) tal-Wied ta’ Feliċ [172] u flimkien jiffurmaw Wied il-Għasri. Dan il-wied twil issa jofroq l-art ta’ bejn ir-raħal taż-Żebbuġ u l-għolja Ta’ Ġurdan, li fuqha għadu jsaltan Il-Fanal ta’ Ġurdan [173] mibni fis-Seklu XIX biex bid-dawl qawwi tiegħu jiggwida lill-baħħara li jkunu qed isalpaw mat-tramuntana t’Għawdex. Skond ma qrajt, leġġenda sempliċi tgħid li Ta’ Għammar u Ta’ Ġurdan issemmew hekk għal żewġt aħwa li dari kienu jgħixu fuqhom. Minn taħt l-artijiet Tal-Gallina [174] li jinsabu mal-ġenb tafli tal-għolja ta’ Ġurdan, jinżel Il-Wied tal-Gallina [175], kanal baxx imħanxar fil-blat tal-franka, b’mina ta’ l-ilma u għar artifiċjali li donnu jixbaħ lil xi katakombi żgħir. Dan ibattal għal ġo Wied il-Għasri, l-istess bħalma jagħmel Il-Wied tas-Sipa [176] li jinżel min-naħa taż-Żebbuġ. Dan ta’ l-aħħar jibda minn taħt l-għonq dejjaq li jġonġi l-għoljiet Taż-Żebbuġ u Ta’ Abram (sewwasew taħt is-salib li hemm fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja parrokkjali taż-Żebbuġ) u għall-ewwel igħidulu Il-Wied taċ-Ċakra [177], iżda mbagħad jibdel ismu wara li jmiss ma’ l-artijiet Taċ-Ċakra [178] u Tas-Sipa [179]. Aktar ‘l isfel, mhux wisq ‘il bogħod minn fejn jiltaqgħu miegħu dawn iż-żewġ widien sekondarji, il-qiegħ ta’ Wied il-Għasri jsib is-saff taż-żonqor ta’ taħt, u minn hemm ‘il quddiem l-ewwel jifnâd bil-mod u ftit wara jsir ħondoq dejjaq li jibqa’ ħiereġ għal-mal-baħar bħalma rajna.

Il-Knisja ta’ Pinu

Is-sistema ta’ Wied il-Mielaħ hija saħansitra aktar mirquma, u għandha żewġ friegħi ewlenin li joqorsu r-raħal tal-Għarb bejniethom. L-ewwel fergħa prinċipali jgħidulha Il-Wied ta’ Sdieri [180], u tibda minn bejn l-għoljiet Ta’ Dbieġi [181] u Ta’ Għammâr, sewwasew f’Ir-Roqgħa [182] li tofroq it-triq tal-Għarb minn dik li tagħti għal Ta’ Pinu. Minn hemm, il-wied jibda nieżel bil-mod minn wara d-djar li hemm fil-Fgura [183], jiġifieri l-ewwel parti mibnija int u dieħel lejn l-Għarb, li dari kienet irħajjel maqtugħ għalih f’salib it-toroq bejn l-Għarb u San Lawrenz. Il-Fgura ssemmiet hekk għal niċċa jew “figura” tal-Madonna li nbniet mat-triq biex, skond leġġenda lokali msemmija minn Dr Joe Bezzina, tħares in-nies mill-ħsejjes tal-erwieħ jokorbu li kienu jwerwru l-inħawi għall-ħabta ta’ l-1592. Din in-niċċa storika kienet tagħti għal fuq il-wied, sakemm fl-1976 inħattet sabiex tagħmel il-wisa’ għal xi bini ġdid u flokha nbniet oħra ġdida man-naħa l-oħra tat-triq. Il-wied jibqa’ għaddej minn bejn ir-raħal tal-Għarb u l-knisja famuża Ta’ Pinu [184], li għandha storja qadima minsuġa ma’ żewġ leġġendi reliġjużi. L-ewwel waħda hija qadima ferm, u skond l-istess kittieb teħodna lejn l-1575 meta l-kappella qadima ta’ Santa Marija tal-Ġentili li kienet tinsab hawn kienet ġiet skonsagrata. Skond il-leġġenda, xi ħaddiema ppruvaw iżarmawha biex jużaw il-ġebel tagħha band’oħra, iżda korrew minħabba intervent mirakoluż u kellhom jieqfu. Għaldaqstant, inbidlu l-pjanijiet u Pinu Gauci ħa ħsieb jirrestawra l-kappella li minn hemm ‘il quddiem baqgħet magħrufa b’ismu. It-tieni ġrajja tgħid li qrib il-kappella fl-1883 dehret il-Madonna lil żagħżugħa mill-Għarb jisimha Karmni Grima, u minn hemm ‘il quddiem nibtet devozzjoni qawwija lejn Il-Madonna ta’ Pinu li ġibdet bosta nies għal hawn, tant li fil-bidu tas-Seklu XX inbena s-santwarju kbir li naraw illum. Il-kappella nnifisha għadha teżisti, għalkemm kienet tneħħitilha l-faċċata biex għaqqduha man-naħa ta’ wara tal-knisja l-ġdida. Din il-knisja konna nilħquha mill-Għarb billi ninżlu t-triq wieqfa Ta’ Sdieri [185] li mill-misraħ ċkejken ta’ Fuq il-Blata [186] tibqa’ għaddejja għal fuq pont għoli u dejjaq (u kemmxejn stramb ukoll, għax waħda mill-aktar tisripiet qawwija tat-triq hija propju fuq l-arkata tal-pont!) li jaqsam il-wied u jwassal lejn Ta’ Pinu u Ta’ Għammar. Fit-Triq ta’ Sdieri dari kienet tinsab id-dar ta’ nannti, bl-imqawel magħha u bl-egħlieqi ta’ warajha mtarrġin għal fuq Il-Ħofra [187] li mhix għajr fergħa ċkejkna tal-istess wied. Min jaf kemm qattajna żmien nilagħbu hawn maz-zijiet u l-kuġini fi tfulitna! Minn Fuq il-Blata tinżel ukoll It-Triq tal-Ġidi [188] (bit-tikka fuq il-Ġ), triq oħra wieqfa li tgħaddi minn bejn l-artijiet Tal-Ġidi [189] u Ta’ Ċenċula [190] u mal-barrieri Tal-Qsajjem [191] sa ma tilħaq il-wied. Din mhix għajr il-bidu ta’ triq ferm itwal li tkompli mat-tul kollu tal-wied sa ħdejn it-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ, qabel ma tikser lejn Il-Margun u l-Miġra, mbagħad terga’ tilwi lejn Wied il-Għasri u tinfed saż-Żebbuġ u l-Għasri. It-Triq tal-Gidi tinżel dritt għal Wied il-Mielaħ u ddur f’daqqa ma’ qiegħ il-wied; ftit qabel, il-Wied tas-Sdieri jingħaqad mal-Wied tal-Madliena [192], wied baxx mimli qasab li jgħaddi minn bejn ir-raħal ċkejken Ta’ Għammâr [193] u Il-Ħotba ta’ Kanġla [211]. Ta’ Għammar, li ismu narawh rifless ukoll fl-għolja li tagħti għal fuqu bħalma ġa rajna, illum inbela’ minn ħafna bini ġdid u tasal għalih permezz ta’ triq wiesgħa li tkompli mat-triq li tgħaddi minn quddiem Ta’ Pinu. Imma sal-bidu tat-tmeninijiet dan ir-raħal kien qisu presepju mrekken ħdejn triq dejqa tal-kampanja li dak iż-żmien kienet għadha ma twessgħetx. Qalb il-bini tiegħu tinsab il-kappella ta’ San Pupulju [194] li nbniet fl-1850 fil-post fejn dari kien hemm oħra eqdem ta’ San Anard.

Il-Knisja ta’ San Pupulju ġewwa l-Għammar

It-tieni fergħa ewlenija ta’ Wied il-Mielaħ tibda minn bejn L-Għarb u San Lawrenz, fejn skond il-mapep igħidulu Il-Wied tal-Knisja [195]. Wara li jgħaddi mill-artijiet Tal-Ħriż [196], jimtela’ qasab u jibdew isejħulu Il-Wied tal-Ħriż [197]. Dan imbagħad jaqsam il-benniena li tinsab fil-qiegħ ta’ triq wieqfa li miċ-ċentru tal-Għarb tibqa’ sejra sal-ħâriet imwarrba ta’ Birbuba u Santu Pietru [198]. Dawn kienu tassew pittoreski, speċjalment Santu Pietru li kien qiegħed f’telgħa wieqfa, dejqa u mserrpa, iżda jaħasra r-ruħ tagħhom inqerdet mill-ħafna bini ġdid li belagħhom fi żminijiet reċenti. Fi sqaq mat-tarf ta’ Santu Pietru għad hemm binja qadima li dari kienet mitħna tal-miexi (fejn it-tħin tal-qamħ kien isir permezz ta’ tagħmir imħaddem minn bhima miexja f’dawra tonda madwar fus f’nofs kamra kbira), filwaqt li mat-triq li titla’ lejn Santu Pietru għad hemm żewġ għerien qodma mħaffrin taħt l-egħlieqi. Ftit ‘il bogħod tiddandan kburija l-kappella qadima taċ-ċimiterju tar-raħal, magħrufa bħala Tal-Virtut [199] (aktarx taħsira tad-dedika uffiċċjali lill-Madonna tal-Virtù) jew TażŻejt minħabba leġġenda dwar intervent mirakoluż tal-Madonna fil-Wied tażŻejt [200] li jmiss maz-zuntier tagħha. Hawnhekk, mara twajba sabet nixxiegħa ta’ żejt ħiereġ mill-blat waqt żmien il-għaks, iżda skond l-istess leġġenda ż-żejt waqaf igelgel (u minfloku beda jnixxi biss ilma) xi żmien wara minħabba l-għadab tal-Madonna għal xi nies rgħiba li bdew jimlew iż-żejt b’xejn mill-għajn biex ibigħuh bi qliegħ. Din il-kappella tal-kampanja serviet bħala l-ewwel knisja parrokkjali malli l-Għarb infatam mir-Rabat fl-1679 bħala t-tieni parroċċa tal-kampanja (sena wara x-Xewkija, u għaxar snin qabel ix-Xagħra, in-Nadur, iż-Żebbuġ u Ta’ Sannat li lkoll kellhom jistennew sa l-1688), u damet hekk sa ma nbniet knisja parrokkjali akbar fil-qalba tar-raħal wara l-1699. Billi l-knisja parrokkjali l-“ġdida” hija ddedikata liż-żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabbetta, il-vara ewlenija tal-festa għandha żewġ statwi u jsejħulha “Iż-Żewġ”. Il-Wied tal-Ħriż u dak taż-Żejt jingħaqdu flimkien sewwasew fil-benniena li semmejna, u minn hemm jibda wied twil li jibqa’ nieżel minn taħt It-Triq tat-Trux [201]. Din it-triq dejqa u twila tibda minn wara l-knisja tal-Għarb u tinfed f’ġenb dal-wied permezz tat-Telgħa tal-Qird [202]. Għal fuq din-niżla wieqfa—jew telgħa, skond mnejn tkun ġej—tittawwal l-art għolja ta’ San Katald [203] fejn igħidu li fl-imgħoddi kien hemm kappella li llum m’għadhiex teżisti. Mal-ġenb l-ieħor tal-istess wied (li għadni s’issa ma nafx x’jgħidulu) jingħaqdu xejn inqas minn erba’ widien oħra iqsar iżda kemmxejn fondi, li jinżlu mill-artijiet għoljin Ta’ Lanza [204], Il-Pirjolin [205], Ta’ San Dimitri [206] (sewwasew madwar il-kappella li ġġib l-istess isem) u Ta’ Garrija [207]. Ir-raba’ wieħed fosthom isibuh bħala Il-Wied ta’ Garrija [208]; u tista’ tgħid bi drittu tisporġi Ix-Xgħira [209], qortin imtarraġ taħt l-artijiet ta’ San Katald. It-tarf tax-Xgħira jingħaraf permezz tal-Barumbara ta’ Leksju [210] (barumbara qadima f’għamla ta’ torri żgħir, imsemmija għal sidha) u eżatt taħt din il-binja il-wied ewlieni “ta’ bla isem” (biex ingħidlu hekk) jingħaqad mal-Wied ta’ Sdieri biex flimkien jiffurmaw Wied il-Mielaħ. Dan imbagħad ikompli għaddej mal-Ħotba ta’ Kanġla (jew sempliċement Ta’ Kanġla), għolja ċkejkna u kollha mxaqqa li tinsab taħt ir-riħ ta’ l-oħra Ta’ Ġurdan li diġà messejna magħha. Il-Wied ta’ Kanġla [212] jofroq ‘il dawn iż-żewġ għoljiet minn xulxin qabel ma hu stess jingħaqad ma’ Wied il-Mielaħ, l-istess bħalma aktar ‘l isfel jagħmlu Il-Wied tal-Qabar [213] u żewġ widien oħra żgħar li jinżlu minn bejn l-artijiet TażŻarb [214], Ta’ Fħart [215] u Ta’ Pirnewnu [216] li lkoll jinsabu taħt Ta’ Ġurdan. Dwar Ta’ Kanġla, hemm dokumentata leġġenda ta’ swied il-qalb dwar tifel li miet bil-qatgħa wara li ra fatat ġo bir.

Egħluq

Bħas-soltu, f’dan l-artiklu ippruvajt ngħaddilkom xi tagħrif toponomastiku li għoġobhom jipprovduli n-nies li ltqajt magħhom matul għadd ta’ żjarat u mixjiet f’dawn l-akkwati, u ninsġu ma’ l-osservazzjonijiet personali fuq il-post u ma’ xi informazzjoni oħra dwar l-ambjent lokali. U l-istess bħal fl-artiklu dwar id-Dwejra (ara l-ħarġa numru 30 ta’ “L-Imnara”), din id-darba għenitni x-xorti li għandi l-qraba mill-Għarb, li magħhom qsamt uħud mill-esperjenzi matul żgħuriti fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet. Ippruvajt niġbor ukoll it-tagħrif imxerred li diġà jidher f’pubblikazzjonijiet oħra kemm reċenti kif ukoll storiċi dwar suġġetti li b’xi mod jew ieħor għandhom x’jaqsmu ma’ dawn l-inħawi, sabiex il-qarrej ikollu stampa kemm jista’ jkun sħiħa. Iżda hawnhekk inħoss li għall-korrettezza għandi nsemmi li diġà jeżistu xi riċerki sistematiċi dwar it-toponomastika tax-xtut t’Għawdex, ewlenin fosthom il-kitbiet interessanti ta’ Dr. Joe Zammit-Ciantar li niżżilt fost ir-riferenzi. F’dal-każ, qgħadt lura milli noqgħod niddupplika l-listi dettaljati li diġà ta hu qabli, għax inkella tintilef id-distinzjoni bejn informazzjoni ġdida (jew ġbir ta’ dettalji mxerrdin) u ripetizzjoni kkupjata ta’ dak li diġà ntqal band’oħra. Għaldaqstant, kulfejn id-dettalji li nkludejt hawn diġà jidhru f’dawk ir-riċerki toponomastiċi, dan għandu jittieħed bħala konferma indipendenti ta’ l-istess tagħrif, sakemm ma jingħadx xort’oħra f’dan l-artiklu nnifsu. L-istess igħodd għal-leġġendi li semmejt fuq fuq, tant li f’dal-każ innutajt xi differenzi żgħar bejn il-verżjoni li naf biha jien u dik li tidher fil-pubblikazzjonijiet siewja ta’ Rev. Dr. Joseph Bezzina. Dan narah bħala sinjal pożittiv, billi sa ċertu punt jindika li t-tagħrif kulturali għadu ħaj u mhux qed ikampa biss f’għajn waħda ta’ informazzjoni akkademika li jkollha toqgħod tgħaddi minn kittieb għall-ieħor. Nagħlaq billi niżżi ħajr lil kull min għoġbu jgħinni fil-ġbir ta’ l-informazzjoni għal dan l-artiklu, fosthom lil Dr. Anton Buġeja.

Riferenzi

  1. Abela, Gio. Francesco (1647). Della Descrittione di Malta Isola nel Mare Siciliano con le sue Antichità ed Altre Notitie (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1984).

 

  1. Agius de Soldanis, Giovanni Pietro Francesco (Sek. XVIII). Il Gozo Antico e Moderno, Sacro e Profano. Verżjoni maqluba għall-Malti minn Mons. Ġużepp Farrugia (1936): Għawdex bil-Ġrajja Tiegħu; Edizzjoni “facsimile” maħruġa mill-Fondazzjoni Belt Vittorja (1999).

 

  1. Agius de Soldanis, Giovanni Pietro Francesco (Sek. XVIII). Il Gozo Antico e Moderno, Sacro e Profano. Traduzzjoni tal-verżjoni Maltija għall-Ingliż minn Dun Anthony Mercieca: Gozo Ancient and Modern Religious and Profane, maħruuġa minnn Media Centre Publications (1999).

 

  1. Agius de Soldanis, Giovanni Pietro Francesco (Sek. XVIII). Il Gozo Antico e Moderno, Sacro e Profano. Verżjoni oriġinali bit-Taljan ikkwotata minn Zammit-Ciantar f’The Placeneames of the Coast of Gozo (Malta).”

 

  1. Anonimu (bla data). Mary Parish Zebbug,Gozo. http://www.zebbuggozo.com/st.maryparish/parish.htm, kif deher fit-08.09.2009.

 

  1. Aquilina, Joseph (1987). Maltese-English Dictionary. Midsea Books Ltd.

 

  1. Attard, Anton F. (1991). Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi: Tagħrif Folkloristiku minn Għawdex.

 

  1. Attard, Anton F. (1995). Kummentarju fil-programm televiżiv “Għawdex Illum”, imxandar fuq TVM fit-03.08.1995.

 

  1. Bezzina, John (1959). Ix-Xtajtiet t’Għawdex. The Gozo Year Book 1959. The Social Action Movement (Gozo).

 

  1. Bezzina, Joseph (1991). Forty legends from Gozo. Gaulitana 9. Pubblikazzjonijiet Buġ

 

  1. Bezzina, Joseph (1994). Forty more legends from Gozo. Gaulitana 13. Pubblikazzjonijiet Buġ

 

  1. Bezzina, Joseph(?) (bla data). Marsalforn: A Haven For Corsairs And Tourists. Żebbuġ Local Council Official Website (http://www.zebbuggozo.com/marsalforn.htm), kif deher fit-09.2009.
  2. Bugeja, Anton (2008). Fr Emmanuel Magri and the Antiquities of Gozo. Melita Historica Vol. XV No.1.

 

  1. Busuttil, Roderick (bla data). Kappelli Maltin: Il-Knisja ta’ San Publiju Ta’ Għammar, fl-Għarb Għ http://www.kappellimaltin.com/html/san_publiju.html, kif deher fis-27.09.2009.

 

  1. Brincat, Joe (bla data). Kappelli Maltin: Il-Kappella ta’ San Dimitri – L-Għarb, Għawdex). http://www. kappellimaltin.com/html/san_dimitri.html, kif deher fis-07.09.2009.

 

  1. Cefai, George (2006). Intervista ma’ l-iskultur Ronald Pisani. http://www.bandasantamarija.net/library/ intervisti/ronnie.php, kif deher fit-08.09.2009.

 

  1. Formosa, P. (1973). A History of Għarb. Teżi tal-B.A. (Università ta’ Malta).

 

  1. Gabriele, Salvatore (bla data). Pantelleria: Guida Pratica dell’Isola. Grafiche Reggiori.

 

  1. Oil Exploration Directorate (1993): Geological Map of the Maltese Islands (Sheet 2: Gozo and Comino) 1:25,000. Oil Exploration Directorate (Office of the Prime Minister)

 

  1. Pedley, Martyn; Hughes Clarke, Michael & Galea, Pauline (2002). Limestone Isles in a Crystal Sea: The Geology of the Maltese Islands. PEG Ltd.

 

  1. Sammut-Tagliaferro, A. (1993). The Coastal Fortifications of Gozo and Comino. Midsea Publications.

 

  1. Touring Club Italiano (1993). Parco dell’Etna: Guida Turistica. Ente parco dell’Etna.

 

  1. Ministeru għal Għawdex (bla data). Countryside: Għasri Valley (http://www.gozo.gov.mt/pages.aspx?page= 179), kif deher fit-08.09.2009.

 

  1. Ministeru għal Għawdex (bla data). Attractions: San Dimitri – Għarb (http://www.gozo.gov.mt/pages.aspx? page=937), kif deher fit-08.09.2009.

 

  1. Ministeru għal Għawdex (bla data). Bliet u Rħula – Għ (http://www.gozo.gov.mt/pages.aspx?page=424), kif deher fit-08.09.2009.

 

  1. Ministeru għal Għawdex (bla data). Attrazzjonijiet: Madonna tal-Patroċinju Għasri (http://www.gozo.gov.mt/ pages.aspx?page=532), kif deher fit-30.09.2009.

 

  1. Zammit-Ciantar, Joe (). Ornithological Toponyms in Gozo Some Observations.

 

  1. Zammit-Ciantar, Joe (2000). The Placeneames of the Coast of Gozo (Malta).

 

  1. Zammit-Ciantar, Joe (2001). Surface and Underground Caves in Gozo. The Sunday Times 05.08.2001: Gozo Supplement pp. V-VI

 

30. Zingarelli, Nicola (2003). Vocabolario della Lingua Italiana. Zanichelli Editore

Komunikazzjonijiet personali:

 

  1. Ġiġi Camilleri “tal-ġambo” (mill-Għarb), snin ’90.

 

  1. Michael Camilleri “tal-ġambo” (mill-Għarb), snin ‘80-00.

 

  1. Salvu Camilleri “tal-ġambo” (mill-Għarb), snin ‘80-90.

 

  1. Zolla Camilleri (mill-Għarb), snin ‘70-’80.

 

  1. Ċisju Portelli (mill-Għarb), snin ’80.

 

  1. Godwin Vella (mir-Rabat t’Għawdex), 1997.

 

  1. Gordon Grech (mir-Rabat t’Għawdex), 2000.

 

  1. Vince Attard, jikkwota sajjieda mid-Dwejra, 2004.

 

  1. Żeppi “ta’ rahab” (nassab mill-Għarb). Il-Ħotba tal-Qasam, 1996.

 

  1. Barklor “Custò tal-padi” (mill-Għarb); id-Dwejra, 1998.

 

  1. Rgħajja xiħa (anonima) f’Ta’Għammar, mat-triq għal Ta’ Kanġla, 1996.

 

  1. Sajjied xiħ “tal-basli” (miż-Żebbuġ).

 

  1. Ta’ Tappina, 1987.

 

  1. Sajjied xiħ “tal-bdot” (miż-Żebbuġ). Għar il-Qamħ, 1995.

 

  1. Sajjied “ta’ Patri Fidel” (miż-Żebbuġ). Il-Ħdejdija, 1995.

 

  1. Sajjied xiħ mill-Għasri (anonimu). Għar il-Qamħ, 1993.

 

  1. Beach cleaner (anonimu). Il-Qbajjar, 1991.

 

  1. Sajjieda bil-qasba (anonimi). Ras ir-Reqqa (1995, 2003).

(C) Alex Camilleri