Wied ir-Rahab u Kap San Dimitri.

Kitba ta’ Alex Camilleri. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9 (2009) Nru 33. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

L-Għar tal-Basal

Wara li taqbeż posta tas-sajd magħrufa bħala Tal-Basal [110], ifeġġu tliet għerien fil-baħar: L-Għar tal-Basal [111], L-Għar ta’ Kurrat [112] u L-Għar taċĊawla. Il-bokok tagħhom huma iżgħar minn ta’ L-Għar tal-Ħamiem, iżda dan b’ebda mod ma jfisser li dawn huma xi għerien ċkejknin. Tabilħaqq, L-Għar ta’ Kurrat huwa twil ferm u fih qadfa liema bħalha biex tasal sa ġewwa nett; ikompli saħansitra biċċ’oħra minn taħt l-ilma, mnejn jerġa’ jitla’ għal ġo sala bl-arja li ma tinfidx mal-baħar miftuħ. Mhux għal kollox ċar jekk il-kelma “kurrat” hix qed tirreferi għall-isem Corrado jew inkella għax-xitla tal-kurrat, forsi wkoll bħala laqam ta’ xi ħadd. L-Għar taċ-Ċawla, imsemmi għall-inħawi ta’ madwaru, huwa iqsar u għandu żewġ bokok, waħda mdaqqsa ma’ wiċċ il-baħar u l-oħra aktar fil-fond. Ma’ qiegħ il-baħar taħt it-tliet għerien li semmejna hemm ukoll għar ieħor iżgħar (ir-raba’ wieħed) mgħaddas għal kollox. Aktarx minħabba tfixkila bejn żewġt ismijiet li jixtiebħu (“Taċ-Ċawla” u “Ta’ Ċamma”), dawn l-għerien saru magħrufa fost il-bugħaddasa bħala “Ta’ Ċamma”, isem b’ieħor li wara kollox jeżisti band’oħra u jinstab ferm aktar ‘l hinn bejn Kap San Dimitri u d-Dwejra. Sewwasew fuqhom, hemm Il-Wied taċĊawla [114] li minn fuq il-baħar jintgħaraf permezz ta’ żewġ xquq ġeoloġiċi (faults) li bla dubju għenu fit-tiswir tiegħu. Dan il-wied qsajjar u wiesa’ għandu żewġ fergħat, jew tributarji, li jibdew mil-artijiet Tal-Laqx [115] u Ta’ Abdilla [116] fuq naħa u dawk Ta’ Ġarriska [117] (jew Il-Ġarriska) u L-Andar ta’ Ġarriska [118] fuq in-naħa l-oħra aktar lejn il-punent. Bilkemm jilħqu jingħaqdu dawn iż-żewġ fergħat, għax minnufih il-wied ewlieni jsib tarf is-sies u jsawwab l-ilmijiet tiegħu għal isfel.

Tarf Wied ir-Rahab

L-ogħla parti tal-Ġarriska għandha l-forma ta’ quċċata tonda (Il-Ħotba ta’ Ċini [119], jew Ta’ Ċini biss) u tibqa’ ħierġa għal fuq il-baħar lejn it-tramuntana, bil-ħbula mtarrġin ta’ L-Għalieqi [120] (isimhom magħhom) jifirduha mis-sisien ta’ taħtha u mill-posta tas-sajd Ta’ Majs [121]. Ix-xaqliba l-oħra tal-Ġarriska tmil ftit ftit lejn il-punent sa ma tmiss il-ġenb ta’ l-aktar wied imbiegħed lejn il-punent fil-Gżejjer Maltin kollha: Wied ir-Rohob [122] jew Wied ir-Rahab. Dan il-wied kbir huwa ferm itwal minn ta’ qablu u jibda minn wara l-irħajjel Ta’ Birbuba [123], li skond id-dizzjunarju ta’ Aquilina aktarx tfisser “il-bir tal-baħnana” (“bir buba”). Qabel ma ddaħlet fil-pjan regolatur tas-snin ’80 u nbelgħet mill-bini sfrenat li dan gab miegħu, din kienet kontrada pittoreska magħmula minn ġabra ta’ ftit djar qodma matul trejqa mwarrba tal-kampanja, u kellha karattru għaliha. Għall-bidu, il-wied jinżel bi qlib pjuttost baxx minn taħt ir-raba’ Ta’ Mannara [124] (kunjom li narawh ukoll fit-toponomastika ta’ mal-baħar mhux wisq ‘il bogħod minn hawn, sewwasew f’Ħalq Mannara qrib id-Dwejra), u jkompli nieżel bil-mod minn bejn l-għelieqi Ta’ Feliċi [125], Tal-Ħellu [126], Ta’ Mira [127], Ta’ Mungur [128] u Tal-Kemmuni [129]. Iżda wara li jaqbeż l-artijiet Ta’ Wied ir-Rahab [130] u Il-Bajjâd [131] jinbidel f’ħondoq twil u fond maqtugħ fil-blat żonqri bejn l-artijiet għoljin tal-Ġarriska (fuq il-lvant) u Il-Qasam [132] (fuq il-punent). Wied ir-Rahab fl-aħħar jintemm bejn il-Ħotba ta’ Ċini u oħra pariġġha (Il-Ħotba tal-Qasam [133]), jofroq is-sies wieqaf fi tnejn u jferra’ għal ġol-Mediterran miftuħ minn nofs l-għoli tas-sies. Jekk inħarsu lura u nqabblu l-bokka ta’ dal-wied ma’ l-oħrajn fondi bħalu nieħdu ħjiel ta’ kif inhi mxaqilba dil-parti tal-gżira Għawdxija: Wied ir-Rahab qisu mdendel fl-għoli; Wied il-Mielaħ kważi jasal mal-livell tal-baħar; Wied il-Għasri għandu l-bokka nofsha mgħarrqa; u l-wied li hemm fix-Xwejni huwa kollu kemm hu mistur taħt wiċċ l-ilma. Dan huwa r-riżultat ta’ ċaqliq qawwi tettoniku li seħħ matul eluf ta’ snin.

Il-Knisja antika tal-Għarb f’Birbuba

Madwar Wied ir-Rahab jidhru erba’ għerien fil-baħar, li s’issa sibt x’igħidulhom tlieta minnhom biss: L-Għar tal-Marpas [141], L-Għar tal-Ħanex [134] (inkella Il-Ħanex jew Għar il-Ħanex), u L-Għar ta’ Wied ir-Rahab [137]. Bejniethom hemm ukoll sikka żgħira (Is-Sikka ta’ Wiereb [135]), posta tas-sajd bl-istess laqam (Ta’ Wiereb [136]), u posta oħra indikata bħala Il-Marpas [140]. Isem din ta’ l-aħħar ma rnexxilix nitkixxef xi jfisser. Qribha tinsab Sieq il-Baqra [138], isem kurjuż li jagħtik x’tifhem li hawn (jew kien hawn) xi blata maħruġa ‘l barra b’dil-forma, iżda din qatt ma lmaħtha u ma nafx jekk għadhiex teżisti. Qed ngħid dan għax sa xi tlettax-il sena ilu l-blat tax-xifer f’ħalq Wied ir-Rahab kien qed iżomm f’postu bil-ħniena, mxaqqaq minn kunsentura rqiqa li bilkemm kienet tidher għal min jinzerta għaddej minn fuqha iżda li fil-fatt kienet tagħti isimha lill-blat ta’ madwarha— Il-Maqtugħa [139]. Għall-ħabta tas-sena 1995, din ċediet u l-faċċata sħiħa fuq iż-żewġ naħat ta’ Wied ir-Rahab (m’ogħla għoxrin sular blat!) tqaċċtet u żvarat b’kollox għal ġol-baħar. Sal-lum għadha tispikka l-ġerħa kbira u bajdanija li ħalliet fil-faċċata skura ta’ madwarha. Jidher li fl-inħawi hemm anke tifkiriet oħra ta’ blat li waqa’ għal isfel fl-imgħoddi u ntradam taħt il-baħar, tant li s-sies taħt Tal-Ħamrija [142] (hekk igħidulhom il-ħbula mtarrġin li hemm mat-tramuntana tal-Ħotba tal-Qasam) isibuh bħala L-Irdum [143]. U, mhemmx għax tgħid, bl-istess mod tnisslet l-aħħar parti tal-leġġenda dwar il-kappella l-antika ta’ San Dimitri. Issa ninsabu fil-bidu ta’ promontorju wiesa’, għoli u ismu miegħu (Il-Qortin [144]) li jixref lejn il-majjistral għal fuq il-baħar fit-tarf nett tal-Gżejjer Maltin. It-tarf innifsu huwa Kap San Dimitri [145], jew Kap San Mitri, mnejn is-sies jikser qisu kartabun, jibdel ismu għal Ġebel it-Tirxija [146], u jibda riesaq l-ewwel lejn Il-Ponta tal-Ħawt [159] u mbagħad lejn id-Dwejra. Dawn l-inħawi daqstant ieħor sbieħ diġà tajniehom titwila mill-qrib fil-ħarġa numru 30 ta’ “L-Imnara”. Sewwasew qabel ma tilwi mal-Kap innifsu, hemm żewġ għerien ftit ‘il fuq mill-baħar iħarsu lejn it-tramuntana, bil-bokka żgħira u tonda li tixhed kif dawn tħaffru mill-ilma ġieri l-istess bħal Għar Ħasan f’Malta. Sewwasew taħthom hemm żewġ għerien oħra, moħbijin għal kollox taħt wiċċ il-baħar u ta’ daqs liema bħalu. L-unika darba li qatt rajt ħuta kbira (aktarx tonn) fl-istat naturali kien f’madwar 30 metru fond mal-bokka ta’ wieħed minn dawn l-għerien. Hawnhekk, kemm il-kobor tal-għerien infushom kif ukoll il-baħar miftuħ ta’ quddiemhom u l-għoli tas-sies li jittawwal għal fuqhom iġiegħluk tħossok qisek nitfa f’nofs ambjent salvaġġ li hawn għadu jsaltan bla mittiefes.

Ġebel ta’ Rexieqa

Il-Ħotba tal-Qasam u dik ta’ Ċini mhumiex għajr tnejn fost gemgħa akbar ta’ tumbati żgħar li jdawru ż-żewġ ġnub ta’ Wied ir-Rahab. Biex nibdew min-naħa tal-Ġarriska, insemmu Il-Gudja [147] li hija mifruda mill-Ħotba ta’ Ċini minħabba wied ieħor żgħir bejniethom li jferra’ għal ġo Wied ir-Rahab. Fuq ix-xaqliba l-oħra, wara l-Ħotba tal-Qasam hemm Il-Ħotba tal-Bies [148] (jew sempliċement Tal-Bies) u oħra li wkoll igħidulha Il-Gudja [149]. Hawn ta’ min igħid li l-kelma semitika “gudja” tfisser għolja żgħira, tant li kull fejn niltaqgħu magħha fit-toponomastika Maltija dejjem ikun hemm xi quċċata żgħira. Ġieli niltaqgħu anke mal-plural tagħha “gwiedi” u mad-diminuttiv “gwejdja”. Daqstant ieħor, il-varjanta Taljanizzata tagħha “cuddia” nsibuha tintuża spiss u bl-istess tifsira fuq il-gżira ta’ Pantelleria, ngħidu aħna Cuddia Attalora, Cuddie Rosse, Cuddia Randazzo, eċċ.ħ. L-istess bħalma għidna dwar il-Ħotba ta’ Milied, dawn il-ħotob u gwiedi mhumiex għajr l-aħħar fdal ta’ għoljiet qodma li maż-żminijiet ittieklu għal kollox mill-elementi. Għaldaqstant, il-Ħotba tal-Bies illum mhix għajr tumbata tat-tafal li tidher barranija għall-aħħar f’pajsaġġ magħmul kważi għal kollox mis-saffi tal-franka u taż-żonqor, u l-istess nistgħu ngħidu għal żewġt irqajja’ bħalha (It-Tafal [150] u It-Tafla żŻgħira [151]) li jixirfu bi drittha man-naħa tal-Ġarriska, sewwasew madwar il-Gudja. Dettall kurjuż huwa li jekk tfittex sew f’dawn l-artijiet taflin ġieli ssib xi ċapep kbar u skuri ta’ sadid magħqud kif ukoll kristalli trasparenti tal-ġibs li mad-daqqa t’għajn taħsibhom ħġieġ; dawn il-minerali naturali huma magħrufin fost il-ġeoloġi bħala limonite u gypsum.

Il-veduta mill-inħawi magħrufa bħala tal-Maħsel

Bħalma diġà rajna, Il-Ħotba tal-Qasam hija quċċata żgħira fit-tarf ta’ biċċa art għolja fuq il-Qortin li jsejħulha Il-Qasam, jiġifieri propjetà agrikola mifruxa fuq medda mdaqqsa (l-istess bħal “podere” għat-Taljani u “estate” għall-Ingliżi). Parti minn din hija maqrusa bejn il-Ħotba tal-Qasam u l-Ħotba tal-Bies u igħidulha Il-Qasam ta’ Ġewwa [152]; fiha wkoll  għar żgħir artifiċjali li tħaffer fl-imgħoddi fil-ġenb tal-Ħotba tal-Qasam bħala post għall-kenn. Biex tasal sal-għar trid tgħaddi minn mogħdija li tifred il-Ħotba tal-Bies mill-art watja tax-Xaqqufija [153]. Din ta’ l-aħħar kienet fost l-imkejjen li ġew studjati daqs mitt sena ilu mill-arkeologu Patri Manwel Magri, peress li f’wiċċ il-ħamrija jidhru l-fdalijiet miksurin ta’ ħafna xaqquf u fuħħar antik li matul iż-żmien safa mitħun biex isir id-deffun għas-soqfa tad-djar. Ma setax jonqos li l-ħjiel ‘misterjuż’ ta’ passat imbiegħed inibbet leġġendi dwar teżori mistura taħt l-art u saħansitra dwar belt antika li suppost kienet tinstab hawn. Biswit ix-Xaqqufija, l-art watja fuq naħa tinbidel f’għelieqi mtarrġin (Il-Wilġa [154]) li jħarsu lura għal fuq Wied ir-Rahab, filwaqt li fuq ix-xaqliba l-oħra tagħti għall-artijiet imtarrfa Ta’ Ċamma [155] li jittawlu għal fuq Ġebel it-Tirxija u l-baħar miftuħ ta’ taħt Ir-Ras ta’ Ċamma [156]. Aktar lejn in-nofsinhar naslu l-ewwel fuq il-Gudja li diġà semmejna u mbagħad ħdejn Il-Maqjel [157]. Dan l-għar imdaqqas inqata’ bl-idejn fil-ġenb tal-Gudja ħdejn l-artijiet Ta’ Mira, u kemm ismu kif ukoll surtu juru li fih kienu jrabbu l-bhejjem; ma’ l-ewwel daqqa t’għajn jidher qadim mhux ħażin, għalkemm mhux magħruf eżatt meta tħaffer. L-artijiet ta’ taħtu isibuhom bħala Il-Maħsel [158] jew Tal-Maħsel, isem li jindika xi vaska jew tagħmir bħalha li kien iżomm l-ilma. U billi hawn ninsabu pjuttost qrib tal-Ponta tal-Ħawt, min jaf jekk dawn iż-żewġ ismijiet għandhomx xi rabta bejniethom? Inħallu dawn l-inħawi billi nsemmu Il-Ġebel ta’ Rexieqa [160] (sies wieqaf li jibda mill-Ponta tal-Ħawt u jħares lejn in-nofsinhar, lejn id-Dwejra) u l-artijiet Tal-Gruzzjal li jaqilbu għal fuqu. Dan il-Ġebel, kif ukoll Ħarq Mannara [161] li jinsab f’parti minnu, konna diġà semmejnihom fl-artiklu dwar id-Dwejra.

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri