Is-sisien tal-Għasri

Kitba ta’ Alex Camilleri. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9 (2009) Nru 33. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Malli taqbeż Wied il-Għasri, tibda kullana ta’ sisien għoljin li minn hawn ‘il quddiem tiddomina l-pajsaġġ ta’ max-xatt. Il-ġenb tal-wied huwa biss waħda mill-faċċati weqfin li jdawru Il-Qortin ta’ Wied il-Għasri [45], promontorju għoli u wiesa’ li jibda mill-artijiet Ta’ Borgu [46] u Il-Bajjada [47], u jibqa’ ħiereġ għal fuq il-baħar miftuħ, fejn jinqasam f’żewġt irjus. L-ewwel waħda tħares lura lejn Wied il-Għasri u Tal-Arluġgar u, skond Zammit-Ciantar, isimha magħha: Ras il-Qortin [48]. Taħtha hemm sikka żgħira (Is-Sikka tal-Qortin [49], miktuba fil-mapep uffiċċjali bħala “Is-Sikkina tal-Qortin”) li toħroġ minn mal-Bokka tal-Wied sewwasew faċċata ta’ Għar ir-Riħ. L-oħra hija Ras il-Forna [50] (jew Il-Kap tal-Forna), bil-ħotba Tal-Qriewes [51] fil-quċċata tagħha. Bejn dawn iż-żewġ trufijiet hemm sensiela ta’ erba’ għerien dojoq mal-baħar li ffurmaw matul xi xquq fil-blat; l-akbar wieħed fosthom jissemma f’kitbiet qodma bħala L-Għar taz-Zokkor [52]. Ħdejhom, skond xi mapep, hemm Is-Siġġu u Ix-Xriek, għalkemm dwar dawn għandi xi dubji peress li l-istess ismijiet diġà ltqajna magħhom ftit biss ‘il bogħod, bejn Wied il-Għasri u Ras ir-Reqqa.

Ras il-Forna fl-isfond u l-għerien fis-sies.

Ras il-Forna tidher tassew imponenti jekk tħares lejha mill-punent, għax tikser ħesrem għal fuq daħla wiesgħa (Ta’ Ċirkisa [53]) li tagħti rdoss mil-lvant u l-grigal iżda li hija miftuħa beraħ għall-punent, il-majjistral u t-tramuntana. Is-sies jibqa’ għoli u wieqaf, u mad-dawra kollha hemm sensiela ta’ għerien kbar fil-baħar. L-ewwel wieħed jissejjaħ Il-Forna [54], inkella Għar il-Forna jew L-Għar tal-Forna; għandu l-bokka kwadra u huwa kbir u pjuttost fond ‘il ġewwa. Ta’ min igħid li l-kelma “forna” tfisser forn żgħir iżda ġieli tintuża wkoll għal dan it-tip ta’ għar fil-baħar, forsi minħabba x-xebħ li jagħtu uħud mill-għerien. Jekk wieħed iħares bir-reqqa lejn il-blat żonqri ta’ fuq dan l-għar, jintebaħ li fih bħal ħafna grif immejjel; dan huwa r-riżultat ta’ tkaxkir tar-ramel mill-kurrenti tal-baħar meta l-blat kien għadu qed jifforma. Għal min jinteressah, dan id-dettall huwa spjegat aħjar fil-ktieb “Limestone Isles in a Crystal Sea” li fih ukoll ritratt ta’ l-Għar tal-Forna. Maġenbu hemm L-Għar il-Għoli [55], inqas fond minn ta’ qablu, iżda ismu miegħu billi l-bokka tiegħu kważi tkejjel is-sies. Imrekken fil-qrib fuq ġewwa nett tad-daħla, biswit għar ieħor żgħir b’bokka kwadra, hemm imbagħad L-Għar tal-Miġra [56]. Dan inzerta direttament taħt wied żgħir (Il-Miġra [57]) li jibda minn taħt l-għolja Tal-Ġurdan [58], jiġbor l-ilma mill-artijiet ta’ taħtha (Tas-Sfunnarija [59], Tal-Ħamri [60], Tal-Ħafi [61], Tal-Ħawt [62] u Il-Bajjada), u minn hemm iċarċar lejn xifer is-sies. Ftit aktar ‘il bogħod taħt Il-Kappara [63], posta mfittxija għas-sajd bil-purċellat għall-voparella, hemm ukoll L-Għar tal-Kappara [64]. Malli taqbżu, is-sies jerġa’ jisporġi ‘l barra bħala Ras ta’ Pinu [65] (imsejħa wkoll Ta’ Tappina), li f’suritha tixbaħ kemmxejn lil Ras il-Forna. Mistur fil-faċċata tagħha u qisu qed iħares lejn il-qilla tal-majjistral, hemm wieħed mill-akbar għerien fil-Gżejjer Maltin: L-Għar tal-Margun [66]. Biex tarah mill-art trid tittarraf, iżda minn fuq dgħajsa jispikka bħala bokka m’ogħla xi ħdax-il sular. Huwa twil ħafna, u wiesa’ biżżejjed biex b’luzzu mdaqqas darba konna dħalna sa aktar minn nofsu; il-bqija komplejnieha bil-għawm. Fuq l-għar hemm posta tas-sajd magħrufa għall-vopi ħoxna u msejħa Il-Fonda tal-Margun [67], isem f’loku meta tqis il-fond tal-baħar quddiem l-għar. Interessanti wkoll li dan huwa fost l-imkejjen f’Għawdex li huma msemmijin għal għasafar li llum qajla għadek tarahom— margun huwa għasfur b’għonq twil li jogħdos għall-ħut (bit-Taljan jissejjaħ cormorano, iżda wkoll marangone, mergo, smergo jew mergone mnejn fil-fatt tnisslet il-kelma Maltija). Uħud mill-għerien ta’ l-inħawi huma mniżżla b’mod żbaljat f’xi pubblikazzjonijiet— ngħidu aħna, “Forma” flok “Forna”, “Nigra” flok “Miġra”, “Kapparat” flok “Kappara” u “Margrew” flok “Margun”. Mad-daqqa t’għajn, jidher li dawn l-iżbalji nqalgħu waqt it-traduzzjoni ta’ manuskritti storiċi bħal ta’ Agius DeSoldanis, fejn il-kalligrafija mħarbxa u l-ortografija ta’ dari mhux dejjem igħinu lir-riċerkatur.

…u dawk tal-Għarb

It-Tieqa f’Wied il-Mielaħ

Ftit aktar ‘il quddiem, naslu fil-ħalq ta’ Wied il-Mielaħ [69], wied kbir u wiesa’ li jibda mill-bogħod. Lejn tmiemu, dan il-wied jaqta’ ‘l isfel f’daqqa u jifforma ħondoq fond li jinfed is-sies u jibqa’ nieżel tista’ tgħid sal-livell tal-baħar. Il-qiegħ tal-ħondoq sewwasew fejn il-wied jiftaħ għal ġol-baħar kien magħruf bħala Il-Ħofra tat-Torok [70], għax skond għajdut lokali ġieli kienu jiżbarkaw il-furbani Torok fih. Dan jinfed mill-ewwel mal-baħar miftuħ minn taħt ħnejja naturali daqsiex (għolja xi disa’ sulari) magħrufa bħala It-Tieqa, jew inkella It-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ [71] biex tingħaraf mill-oħra aktar famuża li hemm fid-Dwejra, li magħha tħabbatha kemm fid-daqs kif ukoll fi sbuħitha. Dari ġieli kien hemm min jinżel igħum hawn, iżda ħadd ma kien jazzarda joħroġ ‘il barra minn mal-blat. Niftakar lil qrabati dejjem isemmu li xi ħadd darba kien telaq kelb igħum hawn u dan inħataf minn xi ħuta kbira wara li qagħad iċafcaf ferħan ġol-baħar miftuħ; ftit wara f’wiċċ l-ilma tfaċċa nofs il-kelb mimli demm. Għadni s’issa ma nafx jekk din kinitx ġrajja li seħħet tassew jew inkella xi ħrafa li kienu jirrakkontaw lit-tfal biex ibeżżgħuhom u jżommuhom ‘il bogħod mill-periklu. Bi dritt is-saqaf tat-Tieqa, mill-ġenb l-ieħor tal-ħondoq joħroġ pizz wiesa’ msejjaħ Il-Ħarrieġa tat-Tieqa [68], filwaqt li ma’ sieq it-Tieqa nnifisha hemm żewġ postijiet mnejn jiddendlu s-sajjieda biex jistadu: Il-Plier ta’ Ġewwa [73] u Il-Plier ta’ Barra [74]. Flimkien isibuhom bħala Tat-Tieqa [75], u x’imkien ħdejhom hemm ukoll posta oħra (Ta’ Pipu) mnejn jistadu aktar mill-għoli. Fuq iż-żewġ naħat tat-Tieqa hemm ukoll żewġ għerien imdaqqsin fil-baħar, wieħed minnhom ismu miegħu: L-Għar tat-Tieqa [76]. Jaqbdek il-biki x’ħin tara kif Wied il-Mielaħ tbiddlel minn ġawhra tan-natura għal bokka tad-dranaġġ ewlenija fis-snin sittin, u kif maż-żmien nibtu sfreġji oħra aktar reċenti li komplew għarrquh. Jidher li sa fl-aħħar hemm pjanijiet biex jinqata’ l-ħruġ tad-dranaġġ u biex forsi xi darba, jekk ix-xogħol isir kif għandu jkun, dan l-ambjent uniku jitraġġa’ lura għas-sbuħija u s-seħer ta’ l-imgħoddi. Iżda għalisssa, nippruvaw ninsew ftit din il-ġerħa fil-pajsaġġ u nkomplu mexjin lejn sensiela ta’ posti tas-sajd imperrċin wara t-Tieqa. Isem l-ewwel tnejn (Ta’ Żerżaq [77] u Il-Kerha [78]) donnu relatat mat-tixbit mas-sies, u l-‘kruha’ hawn aktarx tindika xi biċċa mwiegħra aktar milli kwistjoni ta’ sbuħija. Warajhom hemm Il-Fonda [79], li t-tifsira tagħha jagħtihielna l-baħar ta’ taħtha. Imbagħad hemm L-Ingieret [80] (plural ta’ “nigret”, aktarx mit-Taljan ‘negro’), kelma li dari kienet tintuża għat-tajr sewdieni bħaċ-ċawl li kien jittajar fl-inħawi qabel ma nqered għal kollox minn pajjiżna. L-istess isem narawh ukoll fil-Ħotba ta’ l-Ingieret [81], li togħla bil-mod fuq dawn l-inħawi u tifred lil Wied il-Mielaħ minn Wied Ħurrieqa [82]. Dan ta’ l-aħħar huwa wied baxx li jserrep bejn l-artijiet Ta’ Lexxuna [85], Ta’ Ħurrieqa [86], u Ta’ Kremona [87] qabel ma jixħet l-ilma tiegħu mill-għoli tas-sies ħdejn posta oħra mlaqqma Il-Mitħna [88]. Fil-mapep, ras il-wied hija indikata bħala Il-Wied ta’ Kremona [83], u tibda sewwasew mal-ġenb ta’ tumbata żgħira tat-tafal (isimha magħha – It-Tafla [84]) li dwarha nitkellmu dalwaqt. Taħt Wied Ħurrieqa jinsab Għar ix-Xiħ [89], għar wiesa’ iżda ftit li xejn fond li hemm ma’ wiċċ il-baħar.

Ras il-Ħekka

It-tliet posti tas-sajd li jmiss għandhom ismijiet kemmxejn strambi: Ir-Rundellu [90], It-Travżin [91], u Il-Buqrajt [92]. L-ewwel tnejn m’għandix ħjiel xi jfissru, filwaqt t-tielet waħda tidher qisha taħsira ta’ “buqrajq” (tip ta’ għasfur). Hawn wasalna ħdejn il-kap prominenti ta’ Ras il-Ħekka [93], kisra oħra ewlenija max-xatt li meta tħares lejha minn fuq dgħajsa għandha bixra qisha maħkuka u migrufa. Is-sies kemmxejn imfaqqam mal-faċċata tagħha isibuh bħala Tar-Roġġ [95]. Niftakar lil zijuwi jirrakkonta ġennata ta’ wieħed minn sħabu mill-Għarb stess li darba kien fettillu jaqbeż għal isfel minn hawn. L-istess isem li narawh ripetut fl-Għar tar-Roġġ [98] li jinsab taħtu kif ukoll f’żewġ xkafef (Tar-Roġġ Fuq [96] u Tar-Roġġ Isfel [97]) mnejn jistadu s-sajjieda wara li jixxabbtu mal-blat. Oħrajn jistadu minn fuq Il-Pulptu [94], xoffa oħra għolja maħruġa ‘l barra minn din ir-ras. Fuq l-art naraw ukoll Il-Ħotba ta’ Milied [100], roqgħa watja li tittawwal għal fuq Ras il-Ħekka b’sensiela ta’ ħaġriet kbar imxerrdin fuqha. Mad-daqqa t’għajn taħsibhom fdalijiet ta’ xi tempju megalitiku, iżda fil-fatt huma naturali. Dan ma jtellifx mill-interess tagħhom, għax tabilħaqq huma l-aħħar traċċi ta’ għolja qadima li ttieklet għal kollox mill-elementi, biex kulma fadal minnha huma dawn il-ftit ġebliet tal-qawwi mxerrdin f’pajsaġġ fejn dan is-saff tal-blat m’għadux jeżisti aktar. Flimkien ma’ ħjiel ieħor imxerred madwar l-inħawi, ngħidu aħna It-Tafla (tumbata ċkejkna taflija ħdejn il-kappella ta’ San Dimitri) u Il-Ħotba tal-Bies (oħra bħalha ‘il hinn minn Wied ir-Rahab, li nitkellmu dwaru aktar ‘il quddiem), dan il-post għandu valur xjentifiku għax jagħti xhieda importanti dwar kemm kienu differenti dawn il-bnadi fl-imgħoddi.

Il-Ġebla li ħadet sura ta’ faqqiegħa

Il-Ħotba ta’ Milied tifred minn xulxin Il-Wied ta’ Milied [99] u Il-Wied tas-Suf [101], żewġ widien baxxi li jibdew minn taħt il-kapella ta’ San Dimitri u li jinżlu lejn it-tramuntana minn bejn l-artijiet Ta’ San Dimitri [103], Ta’ Lexxuna, TaċĊawla [104] u Ta’ Milied [102], sa ma jintemmu f’Ras il-Ħekka u Tar-Roġġ. Il-Wied ta’ Milied mhuwiex għajr gandott naturali dejjaq u mserrep maqtugħ fil-blat mikxuf, filwaqt li l-ieħor tas-Suf huwa ftit usa’ u mimli qasab. Għal aktar minn nofs it-tul tagħhom, iż-żewġ widien igħaddu ftit passi biss bogħod minn xulxin u bilkemm hemm għalqa jew tnejn bejniethom, iżda mbagħad il-Wied ta’ Milied jaqta’ ftit ftit ‘l isfel max-xaqliba tal-lvant tal-Ħotba ta’ Milied, waqt li l-Wied tas-Suf jaqa’ minn fuq stroff tal-franka m’ogħla sular man-naħa l-oħra tagħha. Aktar lejn il-punent, l-istess stroff jingħaqad ma’ xifer is-sies, fejn jispikka bħala saff ċar tant li l-post jafuh bħala Il-Bajjada [106]. Il-faċċata li magħha jċarċar Il-Wied tas-Suf maż-żmien kisbet lewn skur u għaldaqstant isejħulha Il-Ġebla s-Sewda [105. Fil-qrib, l-erożjoni ħolqot skerz tan-natura madwar ħaġra ċatta li kienet tgerrbet għal fuq il-blat artab tal-franka. Billi l-ħaġra tal-qawwi tiflaħ aktar għall-elementi, baqgħet hemm (flimkien ma’ għonq dejjaq ta’ blat li kien taħt il-kenn tagħha) waqt li l-blat ta’ madwarha therra, hekk li maż-żmien ħadet is-sura ta’ faqqiegħa. Ħdejha eżatt hemm skultura oħra naturali, Ħalq Ħamiem [107]— fetħa tawwalija u fonda fl-art li tinfed dritt ‘l isfel minn ġo saqaf ta’ għar b’bokka daqsiex (L-Għar tal-Ħamiem) li jinsab mal-baħar bosta sulari taħtha.

Il-Kappella ta’ San Dimitri

Għandha bixra kemmxejn tal-biża’ li donnha twissik li mhux għaqli li tittarraf għal fuq xofftejha biex tittawwal għal ġewwa. Iżda minkejja l-għoli, minn ġo fiha xorta jitla’ r-raxx tal-baħar salvaġġ waqt xi maltempata mill-qliel nett, u l-qtar mielaħ kultant jinħass sew anke fil-bogħod, saħansitra ħdejn Ta’ Pinu. U x’ingħidu dwar l-isem? Filwaqt li l-ħamiem għadu sal-lum jinstema’ jgorr taħt l-art, mhux ċar jekk l-isem oriġinali kienx “Ħalq”  jew “Ħarq” (jiġifieri xaqq), għax hawnhekk naraw qasma naturali li fl-istess waqt tfakkrek f’ħalq miftuħ lest biex jibla’. L-istess taħwid bejn dawn iż-żewġ kelmiet li jixtiebħu narawh ukoll f’postijiet oħra fil-Gżejjer Maltin, ngħidu aħna Il-Ħluq ta’ l-Irqieqa f’Kemmuna, Il-Ħarq tan-Niġes fl-Aħrax tal-Mellieħa, Ħalq it-Tafal u Ħalq is-Siġar fil-Qrendi, u Ħalq Mannara u l-Ħluq ta’ San Mitri fil-punent t’Għawdex stess. U hawnhekk ma nistgħux ma ngħidux xi ħaġa dwar il-kappella mwarrba ta’ San Dimitri [109] (jew San Mitri, kif kienu jsibuha x-xjuħ ta’ l-Għarb) li tiddomina l-mogħdijiet tal-kampanja li jagħtu għal dawn l-inħawi, u li nbniet mill-ġdid bosta drabi bejn is-Seklu XVI u l-bidu tas-Seklu XIX. Skond waħda mill-aktar leġġendi Għawdxin magħrufa, hawnhekk seħħ miraklu fejn il-qaddis patrun ta widen lit-talb ħerqan ta’ waħda armla fqajra (|guġina) biex binha jitraġġa’ lura mill-jasar wara li kienu ħaduh il-furbani Torok li kienu jissajjaw fil-kampanja. Niftakar lil nannti (Alla jaħfrilha) ssaħħarni bir-rakkont ta’ kif dal-qaddis riekeb fuq żiemel inqala’ mill-inkwatru li kien hemm fil-kappella, lebbet ‘il barra għal fuq il-baħar sa ma laħaq il-furbani, u reġa’ lura bit-tifel qawwi u sħiħ. Bħala tifkira, ħalla wkoll il-marki tan-nagħal minquxa fil-blat. Għal dan, ix-xwejħa żammet il-wegħda li tixgħellu qasba żejt kuljum. Il-leġġenda tkompli li din il-ġrajja seħħet f’kappella medjevali li kienet qrib l-irdum, u li maż-żmien waqgħet għal ġol-baħar meta ġġarrfet l-art li kienet mibnija fuqha. Minflokha nbniet oħra aktar ‘il ġewwa li għadha hemm sal-lum, però, oħroġ il-għaġeb, il-kappella l-qadima ma nqerditx u l-musbieħ tagħha baqa’ jixgħel fil-qiegħ saħansitra wara li kienet ilha li ntesiet.

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri