Ftit tax-xhur ilu s-Sur Michael Darmanin, uffiċjal Anzjan fi ħdan it-Taqsima ta’ l-Affarijiet Veterinarji u tas-Sajd għadda lil Ġużi Gatt dokument bl-Ingliż, miktub mis-Sur Darmanin stess, maħsub biex jiddeskrivi ix-xibka tal-lampuki użata mis-sajjieda tagħna.  Ġużi Gatt wera d-dokument lis-Sur Frans Farrugia, membru tal-kumitat ta’ l-Għaqda u dilettant kbir tas-sajd.  Id-dokument bl-Ingliż ġie adattat għall-Malti u żdied miegħu aktar tagħrif mogħti mis-Sur Farrugia.  Farrugia u Gatt intervistaw aktar sajjieda, kemm minn Marsaxlokk, kif ukoll minn bnadi differenti t’Għawdex, u ġabru t-tagħrif kollu f’dan l-artiklu.

Kitba ta’ Michael Darmanin, Frans Farrugia, u Ġużi Gatt. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 8 Nru 4 (2007)

Ix-xibka tal-lampuki hi użata biex iddawwar il-KANNIZZATI li, ta’ kull sena, jintefgħu il-baħar mis-sajjieda għall-ħabta tal-bidu ta’ Awissu biex jistadu għall-lampuki (Coryphaena hippurus). Ta’ min wieħed jgħid li s-sajjieda Xlukkajri (u anke dawk Għawdxin) jużaw iżjed il-kelma ĊIMA minflok kannizzata Ix-xibka tal-lampuki hi magħmula minn erba’ partijiet ewlenin:  f’tarf minnhom hemm il-BANDA TAL-PRUWA, fin-nofs hemm il-FONTI, in-naħa ta’ fuq tal-fonti hemm QTIL IL-ĦUT, u fit-tarf l-ieħor hemm il-BANDA TAL-POPPA.  Il-parti tan-nofs (jiġifieri fejn hemm il-fonti) hi magħmula minn xi partijiet oħra li se nsemmuhom dalwaqt.  Matul it-tul kollu tax-xibka, kemm fuq in-naħa ta’ fuq, u kemm fuq in-naħa t’isfel hemm strixxa dejqa li tissejjaħ is-SARDUN.  Imqabbad mas-sardun ta’ fuq hemm il-KALAMENT TAS-SUFRI biex ix-xibka żżomm fil-wiċċ,  u mqabbad mas-sardun t’isfel hemm il-KALAMENT TAĊ-ĊOMB biex ix-xibka tiddendel ‘l isfel.

It-tul tax-xibka tal-lampuki jvarja minn mija u tmenin sa madwar tlett mitt metru.  It-tul jiddependi minn kemm hi kbira l-qoxra (luzzu jew lanċa) li jkollu s-sajjied  u minn kemm din il-qoxra tkun TAGĦLAQ FIL-QOSOR – jiġifieri tkun kappaċi ddur fuq ċirku żgħir, jew inkella tkunx TIFTAĦ FIL-WISA’ – jiiġifieri li l-qoxra li jkollok, meta tridha ddur dawra mejt, iddurlek f’ċirku wiesa’. Id-differenza fit-tul tax-xibka tkun qiegħda l-iktar fit-tul taż-żewġ bnadi – tal-poppa u tal-pruwwa.  Iktar ma tkun twila x-xibka tal-lampuki – iktar ikunu twal il-bnadi, u l-banda tal-poppa tkun dejjem itwal mill-banda tal-pruwwa.

IL-BANDA TAL-PRUWWA:

Kif għidna, it-tul tal-banda jvarja: minn erba’ u ħamsin metru għal dgħajjes żgħar, sa mitt metru għal dgħajjes kbar.  Meta s-sajjied ikun irid ifiiser li ċertu xibka hi maħduma b’MALJA (mesh) ifjen (jiġifieri b’toqob iżgħar) minn xibka oħra, jgħid li x-xibka hi aktar SPISSA.  Jekk ikun irid ifisser li xibka hi maħduma b’malja usa’ (jiġifieri b’toqob ikbar) jgħid li x-xibka hi ĊARA.  Mela l-malja tal-banda tal-poppa hi iktar ċara mill-malja tax-xibka tal-fonti, u l-malja tax-xibka ta’ qtil il-ħut hi iktar spissa mill-malja tax-xibka tal-fonti.  Jiġifieri iktar ma tersaq lejn in-nofs, ix-xibka tal-lampuki dejjem issir iktar spissa.

Il-banda tal-pruwwa ikollha GĦOLI TA’ 400 MALJA – li jista’ jitla’ sa 600 malja.  B’dan l-għoli rridu nifhmu it-tul li l-banda jkollha bejn il-kalament tas-sufri (li jzommha fil-wiċċ) u l-kalament taċ-ċomb (li jiġbidha dritta ‘l isfel).  Il-kelma li tintuża biex tfisser kemm ix-xibka tinżel ‘l isfel fil-fond hi: TVILJA.  Jekk xibka tkun tvilja aktar minn oħra jkun ifisser li l-kalament taċ-ċomb ta’ waħda jkun jinżel aktar fil-fond minn dak ta’ l-oħra.

IL-BANDA TAL-POPPA

Dak li għidna għall-banda tal-pruwwa jgħodd ukoll għall-banda tal-poppa, ħlief li l-banda tal-poppa tkun dejjem itwal, u tasal sa ħamsa u tmenin, jew mqar mitejn metru, dejjem skond il-kobor tal-qoxra.

Il-Fonti

IL-FONTI

Il-parti tan-nofs tax-xibka tal-lampuki tissejjaħ il-FONTI.  Fin-naħa ta’ fuq tal-fonti, insibu  lil QTIL IL-ĦUT, li jilqa’ ġo fih il-ħut kollu li jinqabad fix-xibka.  Fin-naħa ta’ fuq tiegħu, qtil il-ħut imiss mas-sardun, u jvilja, jiġifieri jinżel ‘l isfel, sa qisu terz tal-fonti.  Qtil il-ħut lanqas ma jieħu l-wisa’ kollu tal-fonti, imma jkun idjaq.  L-ispazju li jibqa’ fil- ġnub jissejjaħ l-ISPALEL (spalla).   Il-parti tal-fonti ‘l isfel minn qtil il-ħut tissejjaħ iċ-ĊAN. Dari, l-ispalel u ċ-ċan kien ikollhom malja differenti minn xulxin u x’aktarx li kienu jinħadmu għalihom.  Imma llum, billi x-xibka tinġibed bil-VINĊIJIET, l-ispalel u ċ-ċan ikunu ta’ l-istess malja u magħmula mill-istess xibka.

Ta’ min wieħed jgħid li għalkemm il-fonti jista’ jkollu wisa’ mqar sa 24 metru, dal-wisa’ jitqabbad ma’ 16-il metru ta’ kalament tas-sufri fin-naħa ta’ fuq, u 16-il metru ta’ kalament taċ-ċomb fin-naħa t’isfel.  B’hekk il-fonti jkollu ħafna ġmiegħ u meta jkun kalat fl-ilma jifforma għamla ta’ borża.

QTIL IL-ĦUT

Qtil il-ħut hi l-iktar parti b’saħħitha tax-xibka tal-lampuki.  Ikollha wisa’ ta’ minn 10 sa 15-il metru, u jkollha malja spissa. Tkun magħmula minn lenza ħoxna. .

Ix-xibka tal-lampuki (u rkabtu ieħor tas-sajiieda) hi magħmula mill-LENZA.  Dari kienet tkun lenza tal-qanneb, illum x’aktarx  tkun lenza tan-nylon. Hu minnu  li  llum  xi  sajjieda  qed jabbandunaw dil-kelma u jgħidu li x-xibka hi magħmula mill-ħajt tan-nylon.    Imma l-kelma lenza għandha tibqa’ għal dak li bl-Ingliż jissejjaħ twine – spaga ħoxna magħmula minn ħafna ħjut mibrumin, (jew miftulin) flimkien.

L-Ajkulina

L-AJKULINI

Mat-tul kollu fin-naħa ta’ fuq, ix-xibka hi mqabbda mal-kalament tas-sufri bl-AJKULINI. Kull ajkulina hi magħmula minn lenza tas-sitta li minn tarf wieħed tkun marbuta mal-kalament tas-sufri b’għamla ta’ għoqda li tissejjaħ PARLAR.  Bl-Ingliż din l-għoqda jgħidulha clove hitch.  Il-lenza mbagħad tgħaddi minn ġo xi tlieta jew erba’ malji tax-xibka, iddur, u terġa’ titla’ ‘l fuq biex terġa’ tintrabat parlar mal-kalament tas-sufri.  Biex tifhem kif, l-aħjar li tara ftit id-disinn t’hawn fuq.

Il-kalament taċ-ċomb jaqbad mas-sardun bl-istess mod – jiġifieri jintrabat parlar..

Il-Kannizata

IL-KANNIZATA

Il-kannizzata (jew Ċima) hi magħmula minn biċċa (jew biċċtejn) jablo li jġibu tul ta’, bejn wieħed u ieħor, 95ċm., 60ċm. wisa’, u ħxuna ta’ 15-il ċentimetru.  Dari, minflok jablo kienu jagħmlu biċċa jew biċċtejn sufra.  Il-jablo (jew sufra) jiddaħħal ġo xkora tan-nylon, u l-fomm tax-xkora jinħiet sewwa biex il-jablo ma joħroġx u anke biex ma jitkissirx bil-baħar.  Jintrabat kollox b’lenza rqiqa, msallba għal ħafna drabi mit-tul u mill-wisa’, (ara fid-disinn).  Imbagħad l-ixkora jħażżmuha, jiġifieri jorbtula ĦŻIEM, minn tulha, magħmul minn ħabel ta’ nofs pulzier (15-il millimetru) kif jidher fid-disinn.  Mal-istess ħżiem, u magħmula mill-istess ħabel, ikun hemm ħolqa li ħafna sajjieda (speċjalment tan-naħa t’isfel ta’ Malta) jsejħulha GALLOĠĠA.  Mal-galloġġa jintrabat ħabel ieħor, ħxuna ta’ kwart ta’ pulzier (6mm) u b’tul ta’ madwar seba’ piedi (220ċm).  Għalkemm mhux kollha, ħafna sajjieda jsejħu din il-parti bħala l-IRDUBLIN.  Mal-irdublin jintrabat il-weraq tal-palm, x’aktarx tnejn tnejn.  Mhux kulħadd jorbot l-istess, imma arranġament kif jidher fid-disinn hu komuni.  Peress li l-palm joqgħod idur u jinbaram mal-kurrent, il-weraq jintrabat b’FARRETT (plural frieret, bl-Ingliż swivel)  biex ma jinbaramx u jitħabbel mal-irdublin.  Dari aktar mill-lum, dawn il-frieret kienu jsiru mis-sajjieda nfushom.  ‘L isfel mill-irdublin jintrabat ħabel irqiq u twil ħafna. Jkun twil kemm hemm bżonn biex il-kantun ta’ taħt nett jasal sal-qiegħ.  Dari, l-kantun kien jintrabat kif jintrabat, ngħidu aħna, parcel. Imma llum, billi hawn il-mezzi, tittaqqab toqba  fil-wisa’  tiegħu, u ħabel ieħor, ħxuna ta’ madwar 6mm, jiddaħħal f’din it-toqba kif jidher fid-disinn.  Dan il-ħabel ikun marbut mat-tarf tal-ħabel l-ieħor (l-irqiq u t-twil). Il-kannizzata tankra ruħha mal-qiegħ permezz tal-kantun, u l-lampuki jitgeddsu għall-kenn tagħha.

Ħajr:

Michael Darmanin, uffiċċjal anzjan fi ħdan it-Taqsima ta’ l-Affarijiet Veterinarji u tas-Sajd.

Anġlu Azzoppardi, il-Ħakku, mir-Rabat t’Għawdex.

Hector Barbara, Tal-Kumkumun, minn M’Xlokk

Karmnu Camilleri tal-Lagugu, mir-Rabat t’Għawdex.

 

Karmnu Zerafa, Tar-Rokky, minn M’Xlokk