Grazzi għal ħija l-kbir ġie f’idejja dan ir-rumanz interessanti li qrajt f’kemm trodd salib. L-istorja hi dwar l-Assedju l-Kbir iżda irrakontata minn puntudivista oriġinali – dik ta’ l-abitanti ta’ l-Imdina u l-madwar. Ir-rumanz idaħlek mill-ewwel fl-atmosfera ta’ dawk iż-żminijet, partikularment dik tal-biża’ mis-sibi tal-furbani u l-ħajja mwergħa ta’ missirijietna fuq kollox dawk li kienu jgħixu fil-kampanja – poplu li l-uniku ħarsien tiegħu kienu dawk il-ħitan dgħajfa ta’ dik il-belt qadima u li kien għadu jrid jsib sehmu taħt il-ħakma tal-kavallieri.

Jien hawn mhux ser nitkellem dwar kif tisvolġi din il-mixda – dak għandu jiġi skoprit minn min iħobb jaqra bil-Malti iżda ngħid biss li dan il-ktieb huwa wkoll ta’ siwi ‘l hemm mill-istorja li jirrakonta għax titgħallem:

1. Ġejografija Maltija llum minsija jew mhux magħrufa

2. Tagħrif dwar l-istorja soċjali ta’ pajjiżna

3. Ħafna kliem safi – mogħti f’doża li ma ġġiegħelekx tirrikorri għad-dizzjunarju kull minuta iżda bil-kuntrarju mogħti b’qies ikkunsidrat u biss fejn hu ta’ fejda.

 
Fuq kollox il-ktieb ikebbes ġewwa qalb min jaqrah, għarfien, apprezzament u ġieħ għall-dak kollu li ssieltu għalih missirijietna u fil-fehma tiegħi għandna bżonn iżjed kitba ta’ dan it-tip li tgħarrafna li aħna mhux talli m’għandniex għalfejn nistħu li aħna Maltin, iżda għandna nkunu kburin bil-wirt u l-identità tagħna. Dan il-ktieb ifakkarna fil-ġrajjiet u l-kisbiet ta’ missirijietna, ifakkarna f’min aħna u għalhekk għandu jikkontribwixxi biex ifakkarna biex niżnu sewwa x’futur irridu għal uliedna.

Mingħajr il-kuntest storiku u kulturali, aħna m’aħna xejn – u għalhekk dan il-ktieb jibni fuq dik is-sinsla li tagħmilna xi ħaġa – unika – poplu b’esperjenza u destin kommuni – li għandu jibqa jgħożż dak kollu li jagħmlu nazzjon.

Permezz ta’ dan ir-rumanz, jien kelli x-xorti li nagħmel kuntatt mal-kittieb, bniedem li minkejja l-impenji tiegħu xorta sab il-ħin biex jgħini u jinkuraġġini fix-xogħolijiet miżeri tiegħi, bniedem struwit iżda umli u ġenwin – bħall-kitba tiegħu.

Il-ktieb tistgħu tixtruh hawn