Dan l-artiklu huwa r-raba’ u l-aħħar minn sensiela dwar in-naħal u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

ISFAR DAQS il-QARSA TAX-XAMA’. Għalkemm illum, b’xorti ħażina, it-tifsira ntilfet, il-kelma “qarsa” jew aħjar “qars” kienet tfisser dik li bl-Ingliż tissejjaħ “disc”; jiġifieri diska jew ħaġa tonda u ċatta. Mela, biex nieħdu eżempju, fiż-żmien konna nistgħu ngħidu “Jiddi daqs il-qarsa tax-xemx” (As bright as the disc of the sun). Il-qarsa tax-xama’ x’inhi? Peress li dari kienu jrabbu n-naħal ġo qolol għamla ta’ ċilindru jew bomblu, in-naħal kien jibni x-xehda mal-ġnub tal-qolla – ġnub li jkun ġejjin għat-tond. Dak li jrabbi n-naħal kien jiftaħ il-qolla minn wara, jaqbad sikkina kbira jgħidulha “sikkina ta’ l-għasel”, u jaqta’ x-xehda mimlija bl-għasel minn madwar il-ġnub tondi tal-qolla. Ix-xehda magħmula mix-xama’ tan-naħal kienet toħroġ mill-qolla f’għamla ta’ diska ċatta, jew aħjar “qarsa”. Min qatt ra x-xama’ tan-naħal jaf li din tkun ta’ lewn safrani. Għalhekk jingħad: “Isfar daqs il-qarsa tax-xama’”. Illum ix-xehda m’għadhiex toħroġ f’għamla ta’ qarsa, għax in-naħal issa qed jibniha ġo tilar kwadru.

L-istess bħalma l-kelma “maħżen” tfisser post fejn taħżen, il-kelma “moħba” tfisser post fejn taħbi, u “miżbla” tfisser post fejn ikun hemm iż-żibel; il-kelma MIĠBĦA tfisser post fejn ikun hemm il-ġbieħ jew il-ġebħiet. Il-kelma ĠEBĦA hi l-kelma li dari missirijietna kienu jażaw biex jirreferu għall-qolla tan-naħal. Hi l-proprja kelma Maltija għal dik li bl-Ingliż tissejjaħ hive. Min irabbi n-naħal dejjem ikollu iktar minn ġebħa waħda. Il-post fejn dawn ikunu miġbura flimkien jissejjaħ “miġbħa”. Il-post magħruf bħala L-IMĠIEBAĦ jissejjaħ hekk għax għad hemm fih kmamar mibnija bil-ġebel tas-sejjieħ, li fihom, fuq ġewwa, kienu jqiegħdu l-qolol tan-naħal, mimduda fuq xi xriek, u b’fommhom imħaxken ma’ toqba żgħira fil-ħajt li tagħti għal barra, biex in-naħal ikun jista’ jidħol u joħroġ mil-qolla jew ġebħa, biex jimlieha bix-xehed u bil-għasel.

Illum n-naħal m’għadux jitrabba fil-qolol tal-fuħħar, imma f’kaxxi ta’ l-injam. Il-miġbħa moderna hi l-post fejn ikunu miġmugħa flimkien il-kaxxi tan-naħal. Il-miġbħa trid toqgħod attent fejn tagħmilha. Trid tkun komda għan-naħal, u fl-istess ħin mhux ta’ periklu għall-ġirien jew min ikun għaddej fil-qrib. In-naħal itir dejjem f’linja dritta, dritt għal fejn ikun irid imur. Mela l-miġbħa m’għandhiex tkun qrib xi mogħdija li minnha jgħaddu n-nies il-ħin kollu. Jekk hemm bżonn, tista’ tħawwel bħal ilqugħ magħmul minn xi siġar jew arbuxxelli, biex in-naħal ikollu jogħla ‘l fuq biex jiskapulah.

Skond Joseph P. Cutajar, fil-ktieb tiegħu L-Istorja ta’ Ħajjet in-Naħal, meta dari kienu jaraw li n-naħal żdied ferm fil-qolla u jkunu jridu jaqsmu n-naħal fi tnejn, biex ma jkollux għalfejn jinqasam, jew jofroħ, waħdu, kienu jqiegħdu l-qolla l-ġdida ftit ‘il bogħod mill-qolla l-qadima, u jidilku l-qolla l-ġdida b’ħaxixa li tissejjaħ MELISSA, għax din għandha “riħa ta’ reġina”. Jgħid ukoll li jekk n-naħla tagħtik ix-xewka, “aqsam basla minn-nofs u għorok fuq ix-xewka”.

MIKLEM

 

Bee Naħla
   
Bumble bee Naħla Bagħlija(L-isem “bomblu” jidher li hu ħolqien riċenti.)
Halictid Bee (Common) Naħla ta’ l-Art
Halictid Bee (Yellow) Naħla Rqiqa Safra
Honey Bee Naħla ta’ l-Għasel
Large Carpenter Bee Naħla tal-Qasab
Leaf Cutting Bee Mqass tal-Weraq        
Long-horned Digger Bee Naħla tal-Qrun Twil
Mason Bee Naħla tal-Koppla/Naħla Bennejja
Megachilid Bee (Kohli’s) Naħla tat-Toqob
Megachilid Bee (Yellow-striped) Naħla tal-Granfi
                                                 
Mining Bee (Black) Naħla (ta’ l-Art) Sewda
White-banded Digger Bee Naħla tal-Ġonna

 

 

Wasp/hornet Żunżan
   
Bee-killer Qerd in-Naħal
Digger Wasp Żunżan Ballat
German Wasp Żanżun
Mud-dauber Żunżan taz-Zokk
Paper Wasp (Common) Żunżan tax-Xehda
Paper Wasp (Large) Żunżan tax-Xehda Kbira
Potter wasp (Common) Żunżan tal-Ġarra
Spider-hunting Wasp Qerd il-Brimb
Weevil Wasp Qerd il-Bumunqar
Yellow-banded Scolid Wasp (Large) Qerd iż-Żaqquq
Velvet Ant Naħla tal-Pil

 

 

Honey Bees Naħal ta’ l-Għasel
   
Abdomen Iż-Żaqq
Antenna cleaner L-Għatla         
Mandibles Ix-Xedaq
Pollen Basket Il-But
Sting Ix-Xewka
Thorax Is-Sider
   
Brood Duqqajs
Larvae Dud tan-Naħal
Nectar Nektar             
Pupa Fosdqa
Queen Reġina tan-Naħal
Worker Bee Naħla Ħaddiema
Drone Bagħal tan-Naħal/Dakar
   
Beeswax Xama’ tan-Naħal
Honey Għasel
Honey comb Ix-Xehda
Honey dance Iż-Żifna tan-Naħal
Pollen Għabra tad-Dakra
Propolis/Bee glue Żaftura
Queen’s substance Sugu tar-Reġina
Royal Jelly Ħalib tan-Naħal
   
Swarm Ferħ                
Swarming In-Naħal jofroħ

 

 

Hive Kaxxa tan-Naħal/Ġebħa/Ġabsala
   
Apiary Miġbħa
Brood chamber Il-Kaxxa tad-Duqqajs
Crown board It-Tilar ta’ l-Għalf
Entrance block L-Istaffa/Il-Passiġġiera
Queen excluder l-Għatu tar-Reġina
Super Iż-Żieda
Ventilator Ir-Rewwieħa

 

 

Siġar u ħxejjex li jfittxuhom in-naħal  
   
Bay Laurel Is-Siġra tar-Rand
Carob Il-Ħarruba
Citrus trees Is-Siġar taċ-ċitru
Eucalyptus Tal-Gamiem/L-Ewkaliptus
Japanese Medlar Is-Siġra tan-Naspli
Judas tree Is-Siġra ta’ Ġuda
Stone fruit trees Is-Siġar tal-Frott Irqiq
   
Asphodel Il-Berwieq
Borage Il-Fidloqqom
Caper shrub Il-Kappara
Clover Is-Silla
Honeysuckle Qarn il-mogħża/Il-Loniċera
Ivy Il-Liedna
Mediterranean heath Leħjet ix-Xiħ
Myrtle Ir-Riħan
Rosemary l-Iklin
Sow-thistle It-Tfief
Thyme Is-Sagħtar
Wild rocket Il-Ġarġir

 

 

Bee Diseases Mard tan-Naħal
   
Akerine Akerina
Nosema Nożema
Paralysis Paraliżi tan-naħal
Varroa Varroa
Dysentery In-naħal jimrad b’imsarnu

 

Diseases of the Brood Mard tad-Duqqajs  
   
American Foul Brood Pesta Amerikana
Chalk Brood Moffa tan-naħal
Chilled Brood In-naħal jiksaħ
European foul Brood Pesta Ewropea

 

Enemies of Bees Għedewwa tan-naħal
   
Ants In-Nemel
Bee-eater Qerd in-Naħal (tajra)
Bee-killer Qerd in-Naħal (żunżan)
Bee louse Il-Brimba tan-Naħal
Kingfisher L-Għasfur ta’ San Martin
Mice Il-Ġrieden
Rats Il-Firien
Wasps Iż-Żnażan
Wax Moth (lesser) Is-Susa tax-Xama’ *                
Wax Moth (larger) Il-Baħrija (l-Griża) tax-Xama’

Dan hu l-isem veru tagħha fi lsien in-nies, għalkemm ġieli nkitbet bl-isem ta’ “il-baħrija ż-żgħira ta’ l-għasel”. Il-kelma “susa” applikata għal xi
għamla ta’ baħrija żgħira hi tajba u komuni ħafna fi lsienna. L-isem xjentifiku tas-susa hu Achroeia grisella, u tal-baħrija l-griża Galleria
mellonella.

Il-Baħrija ta’ Ras il-Mewt m’għandha x’taqsam xejn max-xama’ jew man-naħal.

 

Bee-keeping equipment L-Għodda tan-Naħal
   
Hive tool and scraper Muftieħ (tan-naħal)
Honey extractor Żmillatur         
Smoker Minfaħ (tad-duħħan)
Smoking the bees Idaħħan il-kaxxa
Veil Velu

 (C) Ġużi Gatt