IL-KAXXA TAN-NAĦAL

Dari n-naħal kien jitrabba fil-qolol. Il-qolla tan-naħal hi bħal ċilindru tal-fuħħar, bla qiegħ, li jidjieq fin-naħa ta’ fuq biex iħalli biss ftuħ żgħir li minnu n-naħal ikun jista’ jidħol u joħroġ. Il-qiegħ kien jingħalaq b’ġebla jew xi ħaġa oħra ċatta.

Dan l-artiklu huwa t-tieni minn sensiela dwar in-naħal u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

Meta jasal il-waqt, dak li jrabbi n-naħal kien ineħħi l-ġebla li tkun qed tagħlaq il-qiegħ u, b’sikkina kbira, jaqta’ x-xehed mimlija bil-għasel li jkun hemm fuq in-naħa ta’ wara tal-qolla. Il-qolla kellha ħafna żvantaġġi. Kien diffiċli ħafna li tispezzjona, tifli u tiftaqad x’qed jiġri ġol-qolla. Kien impossibli li tgħin u titma’ n-naħal fi żmien l-għaks. Kien impossibbli li tgħasses u tara jekk hux qed jinbnew iċ-ċelel għall-irġejjen, biex b’hekk tkun taf li n-naħal qed jaħseb biex jofroħ. Biex tieħu l-għasel ridt taqta’ x-xehda minn mal-ġenb tal-qolla, għax in-naħal ikun waħħal kollox biż-żaftura. Dan ma stajtx tagħmlu ħlief billi tifrakassa u tqaċċat ħafna mix-xogħol tan-naħal. Biex tkabbar l-ispazju fil-qolla stajt iżżid ċilindru ieħor tal-fuħħar fuq in-naħa ta’ wara. Daċ-ċilindru jissejjaħ iż-ŻIEDA. Imma dil-ħaġa ma stajtx tagħmilha aktar minn darba.

Il-problema ta’ kif il-bniedem seta’ jibni bejta għan-naħal b’tali mod li wieħed ikun jista’ jittawwal x’qed jiġri ġewwa u, meta jkun il-waqt, jieħu l-għasel mingħajr ma jagħmel ħafna ħsara, ħabblet moħħ ħafna nies minn fost il-kulturi kollha. Forsi l-iktar li resqu qrib il-likk kienu l-Griegi li, għal xi żmien, kienu jrabbu n-naħal ġo speċi ta’ qoffa jew qartalla tal-qasab miksija bit-tafal. Wiċċ il-qartalla kien jitgħatta bi strippi rqaq ta’ l-għuda, u n-naħal kien jiġi mħajjar jibni x-xehed mdendlin ma’ dawn l-istrippi billi ma’ kull strippa kienu jwaħħlu biċċa xehda ħalli n-naħal jitħajjar ikompli jaħdem fuqha. Il-ħsieb kien li fi żmien il-qtugħ ta’ l-għasel, dak li jkun kien jerfa’ waħda mill-istrippi u jieħu x-xehda għasel li jkun hemm imdendla magħha. Imma din l-idea ma kinitx magħrufa mill-qedem. Meta s-safar beda jsir aktar komuni u xi nies kienu jżuru pajjiżi oħra u mbagħad jiktbu l-kotba biex jgħidu x’raw, din l-idea daħlet ukoll f’pajjiżi oħra. Għalkemm dil-qoffa tal-Griegi kellha ħafna vantaġġi, xorta ma kinitx xi ħaġa ta’ l-għaġeb. In-naħal xorta kien jagħmel li jrid: iwaħħal biż-żaftura kulfejn jidhirlu hu, u jekk ifettillu minflok dritt ma’ l-istrippa, jibni x-xehda f’għamla ta’ salib magħha u jwaħħal l-istrippi kollha flimkien, ħadd ma kien se jżommu.

IL-MOGĦDIJA TAN-NAĦAL

Kellu jkun qassis Amerikan: ir-Reverendu Lorenzo Lorraine Langstroth, li fl-1851 skopra l-fenomenu li wara sar magħruf bħala l-MOGĦDIJA TAN-NAĦAL (bee-space). Il-prinċipju hu sempliċi ħafna, imma qabel ma xi ħadd jinduna bih u jħaddmu fil-prattika, x’aktarx li qatt ma jgħaddilek minn rasek: Jekk fil-qolla, fil-qoffa jew fil-kaxxa n-naħal isib xaqq li jkun wiesa’ bejn wieħed u ieħor tmin millimetri (jew kwart ta’ pulzier), lil dax-xaqq in-naħal jirrispettah u jħallih vojt biex iservi ta’ mogħdija minn fejn jgħaddi minn post għall-ieħor. Imma jekk l-ispazju jew xaqq li jsib ikun IDJEQ minn hekk, in-naħal isoddu biż-żaftura; u jekk ikun USA’, in-naħal jimlieh bix-xehda. Ir-Reverendu Lorraine Langstroth allura bena kaxxa u mlieha b’tilari ta’ l-injam li ma kienu jmissu ma’ xejn ħlief f’part żgħira n-naħa ta’ fuq fejn it-tilar kien jistrieħ mal-ġenb tal-kaxxa. L-ispazju bejn it-tilar u l-ġenb u l-qiegħ tal-kaxxa ma kienx iktar minn 8 mm. In-naħal dan l-ispazu ma messux u ħallieh bħala mogħdija, imma mela l-vojt tat-tilar b’xehda magħmula mix-xema’. Ir-Reverendu kien skopra l-kaxxa tan-naħal moderna.

Il-kaxxa tan-naħal trid tinħadem b’mod li x-xquq kollha ta’ bejn it-tilari, il-ġnub, u l-qigħan ikunu kollha bejn wieħed u ieħor 8 millimetri jew kwart ta’ pulzier.

Peress li issa n-naħal ma jwaħħalx kollox flimkien biż-żaftura, il-kaxxa tan-naħal moderna fiha ħafna vantaġġi: Tista’ tgħolli t-tilari wieħed wieħed biex titkixxef u tara n-naħal x’qed jagħmel. Tista’ tkun taf in-naħal hux qed jibni ċ-ċelel għal irġejjen ġodda; li jkun ifisser li n-naħal qed jaħseb biex jofroħ għax qed isib il-kaxxa żgħira wisq. Tista’ żżid kaxxi oħra fuq xulxin biex tkabbar l-ispazju. Tista’ taqta’ l-għasel mingħajr ma tifrakassa u tkisser xejn. Fi żmien l-għaks, tista’ tagħmel apparat li jippermettilek titma’ n-naħal meta ma jsibux jieklu ‘l barra mill-kaxxa. Tista’ tinduna bil-mard ma’ l-ewwel sinjali tiegħu.

It-tilari ta’ ġol-kaxxa ma jiswew xejn jekk in-naħal ma jaħdimx ix-xehda eżatt ġo fihom. Biex iħajjar lin-naħal jibni x-xehda preċiż fil-vojt tat-tilari, min irabbi n-naħal daż-żmien juża dawk li jissejħu FOLJI TAX-XEMA’ (wax foundation). Dawn isimhom magħhom; huma folji tax-xema’ li jidħlu preċiż fil-vojt tat-tilari, u li jkollhom ppressat fuqhom id-disinn tax-xehda, bil-qisien tat-toqob jew ċelel preċiż kif jagħmluhom in-naħal fin-natura. In-naħal ikompli jaħdem u jtella’ x-xehda fuq il-bażi li jkun ippovdielu sidu. In-naħal ikun kuntent għax jiffranka x-xogħol, u s-sid ikun kuntent ukoll għax ix-xehda tinbena preċiż fejn irid hu.

L-GĦATU TAR-REĠINA

Jekk tagħtiha l-lala, ir-reġina tbid bajda f’kull ċella vojta li ssib, tkun fejn tkun ix-xehda, u ma tħalli l-ebda tilar li, minbarra l-għasel, ma jkunx fih ukoll il-bajd, id-dud, il-fosdoq, u naħal lest biex joħroġ miċ-ċella. Biex jevitaw dan u jkollhom tilari b’xehed mimlija biss bl-għasel, dawk li jrabbu n-naħal llum għandhom biċċa għodda tajba ħafna: L-GĦATU TAR-REĠINA (queen excluder). Dan ikun għatu taż-żingu mimli xquq dojoq, li jitqiegħed b’mod li jifred il-kaxxa bit-tilari tad-duqqajs, mit-tilari ta’ ġol-kaxxi l-oħra. Il-ħsieb hu li waqtilli n-naħal ħaddiem ikun jista’ jgħaddi mix-xquq ta’ ġo l-għatu, ir-reġina, li tkun ikbar fid-daqs min-naħal ħaddiem, ma tkunx tista’ tgħaddi, u allura ma tkunx tista’ tbid il-bajd fit-tilari li jkunu ‘il fuq mill-għatu. Diffiċli tgħid l-għatu tar-reġina min ivvintah, imma żgur li għandu iktar minn mija u ħamsin sena. Għall-ewwel ġieli ntużaw għotjien mimlija toqob żgħar, imma kien jiġri li mhux biss xi kultant kienet tgħaddi xi reġina li tinzerta li tkun ftit iżgħar mill-oħrajn, imma wkoll li meta n-naħal ħaddiem kien jitħaxken biex jgħaddi mit-toqob, kienet titfarfar minn ma’ saqajh ħafna mill-għabra tad-dakra li n-naħal kien iġorr miegħu. Sal-bidu tas-seklu għoxrin, jiġifieri daqs mitt sena ilu, il-bniedem kien induna li minflok toqob, l-aħjar li jagħmel xquq twal; u ġie stabbilit ukoll ix-xaqq kemm ried ikun wiesa’: 165/1000 ta’ pulzier.

L-GĦEDEWWA TAN-NAĦAL

Hu min ewl id-dinja li ħlejqa li taħdem u taħżen ħażniet kbar ta’ għasel ikollha l-għedewwa tagħha. L-għasel hu tajjeb u bnin, u hawn ħafna ħlejjaq oħra li jħobbuh u jagħmlu għalih. In-naħla tista’ tiddefendi ruħha minn ħafna minnhom bl-arma li tatha n-natura: ix-xewka. Imma minn xi għedewwa oħra, in-naħla tista’ tiddefendi ruħha bit-tbatija, u spiss ikollha bżonn l-għajnuna ta’ min irabbi n-naħal biex ma tispiċċax minn taħt:

1) In-NEMEL (ants) mhux biss jisirqu l-għasel jekk jistgħu, imma anke jattakkaw lin-naħal billi jigdmulhom saqajhom u ġwinħajhom. Min irabbi n-naħal għandu jara li l-kaxxi jkunu b’xi mod maqtugħin mill-art, ngħidu aħna fuq xi trepied. Hawn min iqiegħed is-saqajn tat-trepied f’xi kontenitur mimli pitrolju, jew żift. Qrib il-kaxxi tan-naħal tista’ ssib ukoll xi għanqbuta ta’ xi brimba. Mhux ħaġa kbira li l-brimba taqbad xi naħla xi kultant, imma l-brimb m’humiex ta’ fastidju kbir għan-naħal.

2) Iż-ŻNAŻAN (wasps) huma għedewwa kbar tan-naħal. L-aktar komuni hu żunżan imsejjaħ QERD IN-NAĦAL (bee-killer), u ż-ŻANZUN (German wasp). Dawn iż-żnażan joqogħdu jirgħu ma’ l-art quddiem xi kaxxa tan-naħal sakemm jimmarkaw xi naħla ġejja lejn il-kaxxa mgħobbija u tqila bl-għabra tad-dakra. Jaqbżu fuq daharha, jigdmuha, jaqtgħulha żaqqha minn qaddha ‘l isfel, u jitilqu jiġru b’rasha u sidirha. Jekk isibu li x-xogħol sejjer tajjeb, jgħajtu lil sħabhom biex jiġu wkoll. Jekk idonnu li n-naħal huma dgħajfa, jagħtu s-salt biex jidħlulhom mqar ġol-kaxxa. Min irabbi n-naħal għandu jara li d-dħul għal kaxxa jkun żgħir kemm jista’ jkun; u joqgħod attent li ma jxerridx għasel jew ilma biz-zokkor madwar il-kaxxa għax dan jistieden kull xorta ta’ għawġ.

3) Żewġ tipi ta’ baħrijiet huma wkoll għedewwa tan-naħal. Għall-ħabta ta’ April u Mejju, u bejn Ottubru u Novembru, il-BAĦRIJA L-GRIŻA TAX-XAMA’ (larger wax moth) ittir madwar il-kaxxa tan-naħal u, bis-sewwa jew bid-dnewwa, tidħol ġol-kaxxa u tbid fuq ix-xehed. Meta jfaqqas, ix-XAGĦAT (caterpillar) jgħawwar ġox-xehda u jiekol ix-xama’. Biex jilqa’ ruħu mill-attakki tan-naħal, jiksi l-mina li jkun qed jgħawwar b’kisja ħarir abjad. Wara xi tliet ġimgħat ix-xagħat isib xi rokna mwarrba fil-kaxxa, u jagħmel il-fosdqa, biex imbagħad joħroġ minnha meta jkun laħaq sar baħrija magħmula.

Is-SUSA TAX-XAMA’ (lesser wax moth) hi baħrija wkoll, iżgħar mill-baħrija l-griża, imma hi aktar komuni minnha. Ittir fl-istess żmien tas-sena, u ġieli tidħol fil-kaxxa anke billi ttaqqab l-injam. Imma l-aktar li tfittex huma dawk ix-xehed li jkunu maħżuna barra mill-kaxex tan-naħal.

4) Il-ĠRIEDEN (mice) jitħajru jidħlu fil-kaxxa tan-naħal huma wkoll. Dawn jieklu x-xehed u l-għasel u jkiddu ħafna lin-naħal li bħal donnhom jinfixlu u jibdew jiffangaw fl-ikel u b’hekk jimirdu b’imsarinhom u jmutu. Jekk tagħtih il-lala, il-ġurdien jista’ anke jbejjet ġol-kaxxa. Id-dħul għall-kaxxa għandu jkun b’mod li l-ġurdien ma jkunx jista’ jidħol.

3) Xi għasafar li jieklu l-insetti huma għedewwa tan-naħal ukoll. L-GĦASFUR TA’ SAN MARTIN (kingfisher) ngħidu aħna, jiekol in-naħal, u bħalu tagħmel it-tajra msejħa QERD IN-NAĦAL (bee-eater). Imma billi fi żmienna dan it-tajr skarsa b’mod li jkollok xorti tara xi waħda minnhom f’għomrok, ma nistgħux jgħidu li huma ta’ problema għan-naħal f’Malta. Aktar huma ta’ fastidju l-GĦASAFAR TAL-BEJT (sparrows), li ma jiddejqux iduqu xi naħla meta jiġihom iċ-ċans.

Forsi l-aqwa għadu li għandhom in-naħal hu l-BNIEDEM. Il-bniedem jasal biex joqtol in-naħal bil-ĠUĦ meta joħdilhom l-għasel u ma jħallilhomx biżżejjed ikel biex jgħixu huma tul iż-żmien meta ma jkollhomx fuq xiex jirgħu. Il-bniedem joqtol in-naħal bil-BEXX. Hawn min jgħid li meta l-bexx isir fi żmienu, jiġifieri qabel ma x-xitla jew is-siġra tiżhar jew traħħas, in-naħal ma jiġrilhom xejn. Imma l-velenu tal-bexx jaqa’ wkoll fuq il-weraq, u n-naħal iħobb jieħu mill-qtar tan-nida. Ikun tajjeb għalhekk li tipprovdi xi sors ta’ ilma qrib il-kaxxa tan-naħal. Il-MALTEMP jista’ jkidd lin-naħal ukoll, jekk il-kaxxi li jipprovdilhom il-bniedem ma jkunux magħmulin sewwa.

Teżisti wkoll il-BRIMBA TAN-NAĦAL (bee louse), għalkemm hawn min jgħid li din issa nqerdet minn Malta bid-dħul tal-marda msejħa Varroa. Hi bħal brimba żgħira ħafna, daqs ir-ras ta’ labra tar-ras, ta’ lewn ħamrani, u hi xi ftit stramba għax hi assolutament bla għajnejn. Din tirkeb fuq dahar in-naħla u toħdilha l-ikel minn ġo ħalqha. Sensittiva ħafna għad-duħħan tat-tabakk. Jekk iddaħħan il-kaxxa bid-duħħan ta’, ngħidu aħna, xi sigarru, il-brimba bħal tistordi u taqa’ minn fuq in-naħla għal isfel. Tista’ mbagħad tneħħi l-qiegħ u teqred il-brimb li jkun waqa’ fuqu.

JISSOKTA

(c) Ġużi Gatt