Dan l-artiklu huwa t-tieni minn sensiela dwar in-naħal u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

X’JIEĦDU N-NAĦAL MIN-NATURA?

In-naħla tħuf u tirgħa fir-raba’ u fix-xagħri biex tiġbor dak li għandha bżonn għall-bejta.

1) In-NEKTAR (nectar) hu meraq ħelu u jfuħ li fjura tipproduċi apposta biex tiġbed lejha insetti bħan-naħal. Huma u jogħdsu ġol-fjura għal dal-meraq, in-naħal jimtlew bl-għabra tad-dakra, li teħel ma’ ġisimhom muswaf. Meta jduru minn fjura jew minn siġra għall-oħra, il-fjuri (jew iż-żahar, jew ir-raħs), jiddakkru bl-għabra ta’ ħaddieħor u s-siġra tagħmel il-frott. In-naħla tiġbed in-nektar bi lsienha li hu għamla ta’ mserka jew pajp. In-nektar jgħaddi għal ġo borża qrib l-istonku tan-naħla. Xi ftit jibqa’ għaddej għall-istonku biex in-naħla tista’ tgħix, imma l-bqija jinġarr min-naħla lejn il-kaxxa, terġa’ taqilgħu minn ġewwa u taħżnu fit-toqob tax-xehda; jew tagħtih lil naħal oħra biex dawn jagħmluh għasel billi jevaporaw l-ilma żejjed minnu u jżidulu sustanza li toħroġ minn glandoli li n-naħal għandhom apposta. Jikkalkulaw li biex jagħmlu nofs kilo għasel, in-naħal iridu jtiru aktar minn ħamsin elf mil bejniethom, mill-fjura għall-kaxxa, u jerġgħu mill-kaxxa għall-fjura. Jekk ikun jista’, in-naħal iħobb iżomm ma’ tip wieħed ta’ għabra u nektar u jieħu dejjem mill-istess tip ta’ siġra jew xitla. Mn’Alla li hu hekk, għax b’dis-sistema t-tidkir tax-xtieli u l-pjanti isir kif għandu jkun u, sa fejn hu possibbli, ma jdakkarx xtieli differenti ma’ xulxin. L-għasel maħdum mis-sagħtar ikollu lewn ħamrani. Dak meħud mis-silla, miż-żahar tal-larinġ, u mix-xewk ikun bajdani u mrammel.

2) L-GĦABRA TAD-DAKRA (pollen) li teħel ma’ ġisimhom muswaf huma u jduru fuq il-fjuri, tinġabar ukoll min-naħal, billi, kif għidna qabel, in-naħla tomxot l-għabra għal ġo but li għandha fuq saqajha ta’ wara. Fil-kaxxa tan-naħal, l-għabra tad-dakra titħallat man-nektar u t-taħlita tingħata lid-dud li jfaqqas mill-bajd u tittiekel ukoll min-naħal daqsxejn żgħir fiż-żmien. Mill-għabra d-dud jieħu l-proteini li għandu bżonn biex jikber. L-għabra li jifdal tinħażen ġot-toqob tax-xehda u tingħalaq b’rita rqiqa magħmula mill-għasel biex tintuża meta jiġi l-waqt. L-għabra ta’ fjuri u żahar differenti tkun ukoll ta’ lewn differenti, u biż-żmien, min irabbi n-naħal jibda jinduna fuq liema fjuri u siġar qed imur jirgħa n-naħal. Kif diġa għidna, jekk ikun jista’, in-naħal iħobb iżomm ma’ tip wieħed ta’ għabra u nektar u jieħu dejjem mill-istess tip ta’ siġra jew xitla. Meta ma jkunx jista’ jagħmel mod ieħor pero, in-naħal ilaqqat minn kull fejn isib. Jikkalkulaw li bejta tan-naħal tuża madwar tletin kilo ta’ għabra tad-dakra fi staġun wieħed. Biex tinġabar din l-għabra kollha n-naħal idakkar miljuni ta’ żahar u nwar u siġar u xtieli, b’ġid kbir għall-bidwi.

3) L-ILMA (water) jittieħed min-naħal bl-istess mod ta’ kif jieħu n-nektar. L-għasel jitħallat ma ftit ilma meta dan jintema’ liż-żgħar fid-duqqajs. Meta tkun is-sħana n-naħal idaħħal l-ilma ġol-kaxxa biex dan jevapora jew itir u jnaqqas it-temperatura ta’ ġol-kaxxa tan-naħal.

4) ŻAFTURA (propolis) hi bħal reżina li twaħħal qisha kolla, u li n-naħal jiġborha minn xi siġar u arbuxxelli. Tintuża ġol-kaxxa biex in-naħal ikaħħal u jsodd xi xquq, jew iwaħħal fejn ikun hemm bżonn. Hawn xi razez ta’ naħal li jużaw iż-żaftura biex jibnu bħal barrikata u jimblukkaw biha parti mid-daħla għal ġol-kaxxa.

IŻ-ŻIFNA TAN-NAĦAL

In-nektar, l-għabra tad-dakra, l-ilma, u ż-żaftura jinġabru skond iż-żmien tas-sena u skond kemm ikun hemm duqqajs fil-bejta. Jekk in-naħla taħsel isib sors tajjeb ta’ nektar u għabra, din tħabrek biex tagħti din l-aħbar lil sħabha. Peress li n-naħal ma jitkellmux, jinqdew b’dik li tissejjaħ ŻIFNA (bee dance) biex jgħarrfu lil xulxin ‘il fejn u liema naħa qiegħed is-sors ta’ ġid, ħalli naħal oħra jitħajru jiġbdu lejn dik in-naħa wkoll. Din iż-żifna ssir fuq wiċċ ix-xehda, u n-naħla ddur f’għamla ta’ ċirku, jew ċrieki, u xi kultant iżegleg il-warrani b’mod li n-naħal jifhmu lejn liema naħa għandhom jiġbdu u kemm iridu jtiru ‘l bogħod.

Jekk iż-żifna tkun għamla ta’ ċirku, ikun ifisser li l-ikel hu qrib: inqas minn għaxar metri. Iktar ma l-ikel ikun ‘l bogħod, iktar iċ-ċirku jitfattar sakemm isir żewġ ċrieki għamla ta’ numru tmienja. Ħin minnhom, in-naħla tibda żżegleg il-warrani biex turi n-naħa ta’ fejn qiegħed l-ikel. Iktar ma tħaffef fiż-żfin, iktar l-ikel ikun qrib. Aktar ma timxi bil-mod u tkarkar saqajha, aktar l-ikel ikun ‘il bogħod. Imma rridu niftakru ħaġa importanti ħafna: din iż-żifna ssir fuq xehda mqiegħda wieqfa, u ġewwa l-kaxxa tan-naħal FID-DLAM. L-istudjużi jaħsbu li n-naħal jistgħu jsegwu l-movimenti taż-żifna permezz ta’ l-antenni, jew il-qrun, li għandhom. Oħrajn jgħidu li għan-naħal, li jgħodd hu IL-ĦOSS taż-żifna. Hi kif inhi. In-naħal jifhmu l-messaġġ, u jerħula dritt ‘l fejn tgħidilhom seħbithom.

META JOFROĦ IN-NAĦAL.

Meta n-naħal ġol-bejta jiżdied b’mod li l-qolla, jew il-kaxxa, jew il-ħofra li jkunu fiha ma tibqax tesagħhom, in-naħal JOFROĦ (to swarm); jiġifieri jinqasam billi nofsu jibqa’ fil-kaxxa fejn ikun, imma ma’ reġina ġdida, u n-nofs l-ieħor joħroġ mar-reġina x-xiħa biex idabbar rasu xi mkien ieħor. In-nofs li joħroġ ‘il barra jgħidulu l-FERĦ (swarm). Meta jasal il-waqt li joforħu, l-ewwel ma jagħmlu n-naħal hu li jrabbu reġina ġdida, u jibdew billi jibnu ċella apposta għaliha. Fil-fatt ir-reġina tant hi mportanti, li n-naħal ilestu iktar minn ċella rjali waħda: ilestu minn tnejn sa tnax-il waħda, għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, reġina waħda biss titħalla tgħix. Id-dudu li jfaqqas fiċ-ċella rjali jitrabba fuq il-ħalib tan-naħal kif fissirna aktar ‘il fuq. In-naħal ħaddiema jkunu jafu preċiż meta jkun wasal il-ħin li r-reġina l-ġdida tkun lesta biex toħroġ miċ-ċella. Iraqqu l-għatu taċ-ċella biex jgħinuha toħroġ. Min-naħa tagħha hi tgerrem tliet kwarti mad-dawra ta’ l-għatu li jkun jagħlaqha ġewwa, timbotta, u l-għatu jinfetaħ qisu bieba b’ċappetta. Fil-ħin ta’ qabel toħroġ, fil-kaxxa tan-naħal ikun hemm eċitament mhux tas-soltu. In-naħal jitraskuraw xi ftit ix-xogħol, isiru nervużi, u jkun aħjar jekk twarrab minn ħdejn il-kaxxa tagħhom f’ħin bħal dan għax malajr jagħtuk ix-xewka. Malli r-reġina timbotta l-għatu u tixref rasha ‘il barra, tittallab l-ikel b’ilsienha barra. In-naħal iħaffu biex iżoqquha. Meta toħrog ‘il barra, tmattar saqajha u titfarfar ftit biex tnixxef ġisimha li jkun għadu niedi, in-naħal, f’kemm ili ngħidlek, iżarmaw iċ-ċella u ta’ ġo fiha, għax ċella rjali tintuża darba biss. Malli tiġi f’tagħha, ir-reġina twerżaq twerżiqa rqiqa u niffieda. L-irġejjen li jkunu għadhom ma ħarġux minn kamrithom jisimgħuha, u boloh li huma, jwiġbuha. Mhux magħruf jekk din tkunx twerżiqa ta’ biza’ jew ta’ sfida, imma hi x’inhi, bit-tweġiba tagħhom, ir-reġina li tkun diġa barra ssib lil min għadu ġewwa u tibda tqatta’ fix-xema’ taċ-ċella sakemm toqtol lil ta’ ġo fiha. In-naħal ħaddiema jagħtu wkoll daqqa t’id f’dil-biċċa xogħol. Jekk jiġri li żewġ irġejjen joħorġu fl-istess ħin, dawn ifittxu lil xulxin u jiġġieldu għall-mewt; sakemm waħda tagħti x-xewka u toqtol lill-oħra.

Imma xi jkun ġara mir-reġina x-xiħa? Din tkun diġa dabbret rasha u telqet ‘il barra ma’ nofs in-naħal ta’ ġol-kaxxa ftit qabel ma r-reġina l-ġdida tkun lesta biex tiftaħ l-għatu taċ-ċella u tixref ‘il barra. Minn xi ftit jiem qabel, in-naħal ħaddiema jkunu naqqsulha l-ikel li s-soltu jżoqquha bih, biex din tnaqqas xi ftit mill-bajd. Meta tkun mimlija bajd, ir-reġina ma jkollhiex saħħa ttir. Li kellek twaqqagħha minn ġol-kaxxa, għandha mnejn issib il-ħila terġa’ tidħol ġewwa; imma jkollha tidħol bil-mixi għax tkun tqila wisq biex ittir. Hawn min jaħseb li tkun ir-reġina li tmexxi l-ferħ il-ġdid ‘il barra mill-kaxxa, imma dan m’hu veru xejn. Ġieli n-naħal ikun imġennen biex joħroġ, b’ħafna minnu jtir barra l-kaxxa, imma r-reġina ma ssibx is-saħħa biex taqbad u ttir. In-naħal ikollu bħal ħmar jerġa’ jidħol ġewwa u jittama li forsi l-għada, l-eċċellenza tagħha tkun lesta biex ittir.

Jista’ jagħti l-każ li mqar wara li jitlaq l-ewwel ferħ, xorta jkun hemm wisq naħal fil-kaxxa. F’każ bħal dan, l-ewwel reġina ġdida li toħroġ tista’ titlaq ‘il barra ma’ ferħ ieħor, għalkemm x’aktarx li dan ikun iżgħar minn ta’ qablu. Qabel ma jitlaq ‘il barra mall-ferħ, in-naħal jiffanga fl-ikel, u jimla żaqqu b’kemm tesa’ għasel. Dan jagħmlu biex il-glandoli jipproduċu biżżejjed xema’ biex in-naħal ikun jista’ jibni x-xehda l-ġdida. Jikkalkulaw li n-naħal jikkonsma tliet kilogrammi u nofs ta’ għasel biex jipproduċi nofs kilo xema’. Mhux ta’ b’xejn li x-xema’ tan-naħal hi għalja.

IS-SUGU TAR-REĠINA.

Ix-xogħol fil-bejta tan-naħal jimxi preċiż qisu arloġġ. Imma jiżbalja min jaħseb li r-reġina tmexxi u tikkmanda kollox. F’ċertu sens, hawn min jara r-reġina bħala “vittma” tan-naħal ħaddiem. Veru li n-naħal dejjem għaddej iżoqqha u jdur biha, imma veru wkoll li l-ħin kollu jħaxkinha u jagħlaqha fuq dik il-parti tax-xehda li fiha ċ-ċelel vojta li jridu jimtlew bil-bajd. Jekk jiddeċiedi li m’għadhiex tajba għax-xogħol jimbuttaha għal fuq iċ-ċelel irjali li fihom tinbied il-bajda li tkun maħsuba biex tikber f’reġina ġdida li tqalfat ir-reġina x-xiħa ‘il barra. Imma veru wkoll li mingħajr ir-reġina, in-naħal jitħawwad u jitgerfex. Ir-raġuni ewlenija hi sustanza li tipproduċi r-reġina, u li m’ilhiex ħafna magħrufa mill-istudjużi. Għalkemm m’għandhiex il-glandoli li jipproduċu x-xema’, jew il-glandoli li jipproduċu l-ħalib tan-naħal, ir-reġina tipproduċi sustanza li tissejjaħ is-SUGU TAR-REĠINA (queen’s substance). Is-sustanza tinħadem fir-ras, imma minn hemm tgħaddi għal aktar ‘l isfel fil-ġisem. Hu għalhekk li n-naħal ħaddiem il-ħin kollu jilgħaq u jdur mar-reġina: ikun qed jieħu minnha s-sugu li tipproduċi, jilgħaqu minn fuqha u jgħaddih lil ta’ ħdejh, biex, ftit ftit, kull naħla tieħu gidma minnu. Is-sugu għandu l-ħila jikkontrolla l-metaboliżmu tan-naħal, u ma jħallihomx jiżviluppaw il-kapaċita li jbidu huma wkoll il-bajd. F’ċertu sens, is-sugu tar-reġina qisu droga. Sakemm kulħadd ikun qed jirċievi minnu, in-naħal ikun kuntent u jaħdem għal qalbu. Imma malli l-provista tnin jew tmajna, in-naħal jitqanqal u f’kemm trodd salib jibdew jinbnew iċ-ċelel irjali biex jilqgħu fihom irġejjen ġodda biex iqallftu lix-xiħa ‘il barra.

JISSOKTA

(C) Ġużi Gatt