In-NAĦLA (bee) mhux biss tagħtina l-GĦASEL (honey) u x-XAMA’ TAN-NAĦAL (beeswax), imma wkoll tgħin lill-bidwi fit-TIDKIR (pollination) tal-uċuħ tar-raba’ u tas-siġar. Ħafna fjuri jiddependu fuq xi speċi jew oħra ta’ naħal biex l-GĦABRA TAD-DAKRA (pollen) li jkun hemm fuq l-ANTERI (anthers), jew il-parti maskili ta’ fjura waħda, tittieħed għal fuq l-ISTIGMA (stigma), jew il-parti femminili ta’ fjura oħra. Ħafna siġar tal-frott ma jagħmlux frott bl-abbundanza jekk ma jiddakkrux min-naħal. Fost dawn insemmu s-siġar tal-LEWŻ (almonds), tat-TUFFIEĦ (apple), tal-LANĠAS (pear), tal-GĦAJNBAQAR (plum), tan-NASPLI (medlar) u tal-ĦAWĦ (peach). Fost il-ħxejjex tar-raba’ nsemmu s-SILLA (clover), il-QARA’ AĦMAR (pumpkin) u l-ĠULBIENA (vetch).

Dan l-artiklu huwa l-ewwel minn sensiela dwar in-naħal u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

Jeżistu, anke f’Malta u Għawdex, ħafna speċi ta’ naħal, imma l-bniedem indaħal biex irabbi waħda biss minnhom: dik li tissejjaħ Apis mellifera, jew NAĦLA TAL-GĦASEL (honeybee). Fi żmienna n-naħla li qed tissejjaħ bl-isem ta’ Apis mellifera rutneri, ġiet identifikata bħala n-naħla indiġena Maltija.

Dari, il-Maltin kienu jrabbu n-naħal ġo qolla tal-fuħħar, u li allura kienet tissejjaħ QOLLA TAN-NAĦAL. Imma daż-żmien in-naħal jitrabba ġo kaxxi ta’ l-injam li jissejjħu KAXXI TAN-NAĦAL (bee hives). Fil-kaxxi jkun hemm tliet tipi ta’ naħal. Ikun hemm ir-REĠINA (queen bee), li hi naħla mara, żviluppata biżżejjed biex tbid il-bajd, u li jkun hemm waħda biss minnha fil-kaxxa tan-naħal kollha, il-BGĦULA (drones), naħal irġiel li minnhom ikun hemm ftit, u li jservu biss biex jiffertilizzaw u jgħammru lir-reġina, u n-NAĦAL TAL-GĦASEL (worker bees), naħal nisa li (f’ċirkustanzi normali) m’humiex kapaċi jbidu l-bajd, imma jagħmlu x-xogħol kollu li hemm bżonn fil-produzzjoni tal-għasel u t-trobbija taż-żgħar fil-bejta. Minn dat-tip ta’ naħal ikun hemm eluf.

Ġol-kaxxa, in-naħal jibnu ix-XEHDA (honeycomb), li tkun magħmula mix-xema’, u jkun fiha mijiet ta’ ĊELEL (cells) jew toqob żgħar b’sitt iġnieb. Iċ-ċelel ikunu ta’ żewġ daqsijiet: ċelel żgħar, fejn jitqiegħed il-bajd li jfaqqas f’naħal tal-għasel ħaddiema, u fejn jinħażnu l-għasel u l-għabra tad-dakra li n-naħal jieħdu mill-fjuri; u ċelel kbar, fejn jitqiegħed il-bajd li meta jfaqqas isir bgħula, jew naħal irġiel. Fil-ġranet tar-rebbiegħa u tas-sajf, ir-reġina ddur ċella ċella, u tbid bajda f’kull waħda minnhom. Ġot-toqob iż-żgħar tbid bajda ffertilizzata, li meta tfaqqas issir naħla ta’ l-għasel, u ġot-toqob il-kbar tbid bajda MHUX ffertilizzata li meta tfaqqas issir bagħal.

Minn kull bajda li tfaqqas, joħroġ DUDU (larva), u n-naħal ħaddiema jżoqquh u jduru bih waqt li jkun għadu fiċ-ċella. Meta d-dudu jikber biżżejjed, (jiġifieri wara tmienja jew disat ijiem jekk id-dudu jkun ta’ naħla komuni jew ta’ reġina, u għaxart ijiem jekk id-dudu jkun ta’ bagħal), in-naħal JITBQU jew jagħlqu ċ-ċella (capping the cell) b’għatu tax-xema’, u hemm ġew, fid-dlam, id-dudu IRABBI IL-FOSDQA (cocoon), u minn sitta sa tnax-il ġurnata wara, jinbidel f’naħla ta’ l-għasel ħaddiema, bagħal, jew reġina, igerrem l-għatu tax-xema’ u joħroġ minn ġoċ-ċella.

F’ċerti staġuni u f’ċerti kundizzjonijiet, in-naħal jibnu fix-xehda ċelel oħra, differenti mill-oħrajn, weqfin minflok mimdudin, b’fetħa minn taħt minflok b’fetħa minn quddiem, li jkunu maħsuba biex jilqgħu fihom bajda li meta tfaqqas issir reġina tan-naħal. Id-dudu li jfaqqas ikun preċiż bħal dak li jfaqqas minn kull bajda oħra ffertilizzata. Imma n-naħal, lil dan id-dudu jżoqquh b’ikel speċjali li jissejjaħ ĦALIB TAN-NAĦAL (bee milk/royal jelly), sustanza li n-naħal isajruha ġo l-istonku tagħhom. Dan l-ikel hu sustanzjuż ferm, u bih id-dudu jikber f’naħla kompluta minn kollox, u li tissejjah reġina tan-naħal. Ħlief fl-ewwel ftit ġranet, id-dud l-ieħor li jfaqqas minn bajd ieħor jintema’ biss għasel u għabra tad-dakra li tkun ittieħdet mill-fjuri. Dan l-ikel hu sustanzjuż ukoll, imma mhux biżżejjed biex jipproduċi reġina, imma jagħmel biss jew naħla komuni jew bagħal. Minn meta jfaqqas sakemm joħroġ mill-fosdqa, id-dud tan-naħal jissejjaħ DUQQAJS (brood), u xehda li tkun mimlija bajd, dud, u fosdoq tissejjaħ ix-XEHDA TAD-DUQQAJS (broodcomb). Fil-kaxxa tan-naħal ikun hemm xehed oħra li n-naħal jużawhom biex fihom jaħżnu l-għasel ħalli jkollhom x’jieklu huma u jitimgħu d-duqqajs. Wara li r-reġina tan-naħal tbid bajda f’ħafna mit-toqob tax-xehda tad-duqqajs, in-naħal ħaddiem idawwarha b’qatra ħalib tan-naħal, u l-bajda tfaqqas u joħroġ id-dudu. Wieħed u għoxrin ġurnata wara (24 ġurnata jekk ikun bagħal) in-naħla tkun lesta; toħroġ mit-toqba u tibda ħajjitha fil-bejta.

IL-ĦAJJA ĠOL-KAXXA TAN-NAĦAL

Meta jkunu fl-aqwa tagħhom, fil-kaxxa tan-naħal jista’ jkun hemm bejn tletin u sittin elf naħla tal-għasel, ftit mijiet ta’ bgħula jew naħal irġiel, reġina waħda, xehed mimlija bid-duqqajs, u xehed oħra mimlija bil-ħażna tal-għasel u l-għabra tad-dakra. Ix-xogħol li jrid isir ġol-kaxxa, jitqassam bejn in-naħal skond kemm għandhom żmien. In-naħla ta’ l-għasel ħaddiema tqatta’ l-ewwel jumejn ta’ ħajjitha tnaddaf iċ-ċella fix-xehda minn fejn ħarġet biex ir-reġina tkun tista’ terġa’ tbid bajda oħra fiha. Fit-tielet jum tibda żżoqq id-dud li jkun faqqas mill-bajd u li jkun daqsxejn kbir fiż-żmien (aktar minn tlett ijiem). Dan tagħmlu sal-ħames jum, meta mbagħad in-naħla jikbrulha l-glandoli li bihom tista’ tipproduċi “l-ħalib tan-naħal”, u allura tibda żżoqq id-dud iż-żgħirnett, li jkollu bżonn dan l-ikel speċjali. It-tmigħ tad-dud tan-naħal, kbir u żgħir, mhix xi biċċa xogħol ħafifa, għax jikkalkulaw li kull dudu jrid jintema’ elf u tliet mitt darba kuljum, jew madwar 10,000 darba f’għomru. Fl-għaxar jum ta’ ħajjiethom, in-naħal ta’ l-għasel jaqbdu xogħol ieħor. Jibdew jilqgħu t-tagħbija ta’ provisti li jġib lejn il-bejta n-naħal li jkun iħuf fl-għelieqi qalb il-fjuri. In-naħal iż-żgħir jieħu l-ikel li jġiblu n-naħal il-kbir, u jaħżnu f’dawk it-toqob tax-xehda li jservu ta’ maħżen. Ta’ tnax-il ġurnata, taħt żaqq in-naħla jikbru l-glandoli li jippermettu lin-naħla tagħmel ix-xema’ li tintuża fil-bini tax-xehda. Glandoli oħra jippermettu lin-naħla ġġerragħ l-ikel li tieħu mill-fjuri u tagħmlu għasel. Xi naħal jingħataw l-inkarigu li joqogħdu jrewħu ġwinħajhom ġol-kaxxa, biex it-temperatura tibqa’ kif għandha tkun. Ftit ftit, in-naħla tibda tagħmel xi titjira qasira ‘l barra mill-kaxxa, biex titgħallem fejn qiegħda, ħalli tkun kapaċi terġa’ ssibha meta titbiegħed minnha. Ta’ sbatax-il ġurnata n-naħla ta’ l-għasel tikbrilha dik li aħna nafuha bħala x-XEWKA (sting), u tingħata l-inkarigu li tgħasses id-daħla tal-kaxxa, biex tbarri minnha kull għadu li jażżarda jipprova jidħol. Dan tagħmlu sal-21 ġurnata, meta mbagħad titqies li kibret biżżejjed u ssir naħla ħaddiema li ddur il-ward u l-fjuri fir-raba’ u tieħu l-provisti lejn il-kaxxa. Ma’ dan kollu li għidna, irridu niftakru li n-naħal jipprattika wkoll il-prinċipju tal-“flessibilta fuq il-post tax-xogħol”. Jekk ikun hemm bżonn, ngħidu aħna jekk jiġi żmien ta’ abbundanza ta’ fjuri fir-raba’, mhux ħaġa kbira li naħla żgħira fiż-żmien toħroġ qabel il-waqt u tmidd idejha għax-xogħol ‘l barra mill-kaxxa. Jew jekk, ngħidu aħna, hemm ħafna bajd fix-xehda tad-duqqajs, naħal kbir fiż-żmien ma jiddarrasx jgħin fit-tmigħ u l-kura tagħhom.

Għomor in-naħla jiddependi miż-żmien tas-sena li fih tkun faqqset. Jekk tilħaq fiż-żmien meta ix-xogħol tal-ġbir ta’ l-għabra tad-dakra mill-fjuri jkun fl-aqwa tiegħu, in-naħla tant taħdem u tinkedd li ma twassalx iktar minn ħames jew sitt ġimgħat. Imma jekk tfaqqas fiż-żmien meta x-xogħol fl-għelieqi jkun naqas, tista’ tgħix bejn ħamsa u sitt xhur, tistrieħ ftit fiż-żmien tal-ksieħ, u twassal sa l-istaġun il-ġdid, meta n-natura terġa’ tieħu l-ħajja u jerġa’ jasal ix-xogħol il-kbir.

Ġisem in-naħla qiegħed magħmul apposta biex iserviha għax-xogħol li trid tagħmel. Għandha LSIEN (tongue) twil li tużah biex tiġbed is-sustanzi li jkollha bżonn mill-fjuri, u meta ma tkunx qed tużah, tista’ titwih u tagħlqu f’postu. Għandha bħal XEDAQ (mandibles) żgħir li bih tomgħod u tagħġen ix-xema’ li jkollha bżonn għax-xehda. Fuq rasha għanda żewġ ANTENNI (antennae), li hawn min jgħidilhom “qrun” li bihom in-naħla tista’ TTIEGĦEM (taste), IXXOMM (smell) u TMISS (touch). Għandha tliet pari saqajn: Fil-par ta’ quddiem għandha bħal difer li jissejjah GĦATLA (antenna cleaner) li bih in-naħla tnaddaf l-antenni mit-trab u l-għabra li teħel magħhom. Fiż-żewġ saqajn tan-nofs ikun hemm difer jew għatla oħra li n-naħla tużaha biex taqla’ l-qtar tax-xema’ li joħorġu mill-glandoli li n-naħla għandha taħt żaqqha. Ix-xema’ tmur dritt fix-xedaq ġo ħalqha, biex in-naħla tomgħodha u tagħġinha biex tibni x-xehda. Is-saqajn ta’ wara jkollhom bħal MOXT (brush). Hi u taqbeż minn fjura għall-oħra, in-naħla timtela bl-għabra tad-dakra li teħel ma’ ġisimha muswaf. Bil-moxt li għanha ma’ saqajha, in-naħla tomxot l-għabra għal ġol-BUT (pollen basket), u meta l-but jimtela, terġa’ ddur lejn il-kaxxa tan-naħal biex taħżnu fix-xehda.

IR-REĠINA

Fil-kaxxa tan-naħal ikun hemm reġina waħda biss. Tkun ikbar minn-naħal l-oħra; ġwinħajha ftit itwal, għalkemm fil-għajn jistgħu jidhru iqsar, imma dan għaliex ir-reġina għandha żaqqha itwal. Sidirha usa’ u jleqq iktar minn ta’ kulħadd; saqajha itwal u ta’ lewn iktar jgħajjat. Li kellek taraha tippassiġġa u tħuf fuq ix-xehda tistħajjilha qisha. . . reġina. In-naħal l-oħra jduru biha, jitimgħuha u jnaddfuha. M’għandhiex bwiet fejn iġġor l-għabra tad-dakra, u ma tipproduċi la għasel u lanqas xema’. Ilsienha hu qasir wisq biex terda’ mill-fjuri. Dmirha hu wieħed: li tbid il-bajd, u meta dan ix-xogħol ma tibqax tagħmlu sewwa, sħabha jikkonfoffaw biex itajruha minn fuq it-tron.

Ir-reġina tfaqqas minn bajda ffertilizzata, l-istess tip ta’ bajda li minnha jfaqqsu n-naħal ta’ l-għasel ħaddiema. Dil-bajda, imma, titqiegħed f’ċella ikbar u speċjali. Id-dudu li jfaqqas minnha, minflok jintema’ l-ħalib tan-naħal għall-ewwel tlett ijiem biss (bħal ma jiġri fil-każ tad-dud l-oħra), in-naħal, lil dan, iżoqquh bil-ħalib tan-naħal il-ħin kollu; sakemm jasal iż-żmien li jitbqu, jissiġillaw jew jagħlqu ċ-ċella ħalli d-dudu jrabbi l-fosdqa. Fi żmien sebat ijiem, ir-reġina l-ġdida tgerrem l-għatu tax-xema’ li jkun jagħlaqha ġewwa, u toħroġ biex tibda saltnatha fuq in-naħal l-oħra. L-ewwel ħaġa li tagħmel hi li tattakka u toqtol l-irġejjen l-oħra li jkunu għadhom ma ħarġux miċ-ċella: għax in-naħal jipprepara aktar minn reġina waħda; imma l-ewwel waħda li toħroġ, toqtol lill-oħrajn billi tagħtihom ix-xewka. Ix-xewka tar-reġina ma tkunx bħal tan-naħal l-ieħor u r-reġina ma tmutx meta tagħti x-xewka, bħalma jiġri fil-każ tan-naħal ħaddiem. Għall-ħabta tat-tieni ġimgħa ta’ ħajjitha, ir-reġina toħroġ mill-bejta u ttir ‘l fuq fl-ajru. Dak ikun is-sinjal li hi tkun lesta biex titgħammar. Il-bgħula, jew in-naħal irġiel, meta jintebħu b’dan, itiru b’ġirja waħda għal fuqha. Qabel kienu jaħsbu li r-reġina titgħammar ma’ bagħal wieħed biss. Imma llum jafu li r-reġina tista’ tilqa’ anke sa għaxart irġiel. Dawn il-bgħula mhux bilfors li jkunu minn tal-kaxxa tagħha, imma jistgħu jkunu rġiel jew bgħula minn kaxex jew bejtiet oħra ġirien. Ir-reġina kapaċi taħżen ġo fiha l-isperma tar-raġel (jew irġiel) u żżommha ħajja għas-snin kollha ta’ ħajjitha. Wara dit-tgħammira, (jekk ir-reġina tħoss li għandha biżżejjed sperma) ir-reġina tidħol ġol-kaxxa u ma terġa’ titgħammar qatt aktar. Tista’ tgħid li qatt aktar ma
terġa’ toħroġ mill-kaxxa, u qatt aktar ma terġa ttir, ħlief jekk in-naħal jofroħ jew jinqasam (imma fuq dan ngħidu aktar ‘l quddiem). Biex ir-reġina titgħammar trid issib ġurnata ta’ bnazzi u xemx. Jekk, minħabba l-maltemp, jgħaddu ħafna jiem u r-reġina tibqa’ ma tkunx tista’ tagħmel it-titjira tagħha biex titgħammar, din tiftaħ tbid xorta waħda. Imma billi ma jkunx ingallat jew ffertilizzat, il-bajd tagħha jfaqqas biss f’bgħula. U jekk jiġri li tiftaħ tbid qabel il-waqt, ma tkunx tista’ titgħammar iżjed.

Ir-reġina tgħix għal tlieta jew erba’ snin. L-għadd ta’ naħal fil-kaxxa jiddependi minn kemm tbid bajd ir-reġina; u r-reġina tbid il-bajd skond kemm in-naħal sħabha jżżoquha ħalib tan-naħal. In-naħal ikollhom ħalib skond l-ikel li jsibu ‘l barra mill-kaxxa. Jekk in-naħal jibda dieħel fil-kaxxa bl-għabra tad-dakra u n-nektar li jinġabar mill-fjuri, ir-reġina titħajjar tiftaħ tbid, ngħidu aħna ftit mijiet ta’ bajd kuljum. Imma fl-aqwa ta’ l-istaġun, meta n-natura tkun fl-aqwa tagħha, ir-reġina tbid mqar sa elfejn bajda kuljum. Iktar ma jibda dieħel iż-żmien, ir-reġina tnaqqas mill-bajd, u tista’ anke tieqaf għal kollox għal xi żmien fix-xitwa.

IL-BGĦULA

Il-bgħula huma l-irġiel tan-naħal. Isem ieħor għalihom hu “dakar, dkur”. Minnhom jista’ jkun hemm xi ftit mijiet, u minn dawn il-mijiet, xi ftit, tgħoddhom fuq is-swaba’ ta’ jdejk, jirnexxilhom jgħammru (jdakkru) lir-reġina. Ikunu xi ftit ikbar min-naħal ta’ l-għasel ħaddiema, u għandek mnejn titfixkilhom mar-reġina. Imma malajr tinduna bl-iżball meta tilmaħ xi għaxra minnhom, jew iktar, fuq l-istess xehda. Il-bgħula m’għandhomx xewka, u ma ssibhomx is-sena kollha fil-kaxxa. Issibhom l-aktar bejn Mejju u Settembru. Ma jgħinu xejn fix-xogħol li jrid isir ġewwa l-kaxxa tan-naħal, għax ġisimhom mhux maħluq għalhekk. Jekk iridu, jafu jieklu weħidhom mill-għasel u l-għabra ġot-toqob tax-xehda, imma jippreferu li jħallu lin-naħal l-ieħor jitmagħhom u jżoqqhom! Jekk naħla ta’ l-għasel tidħol ġo kaxxa li mhix tagħha, in-naħal l-oħra jkeċċuha ‘l barra. Imma l-bgħula jilqgħuhom mqar f’kaxxi li m’humiex tagħhom. In-naħal donnhom li jaħdmu aktar għal qalbhom meta jkollhom il-bgħula jduru magħhom. Imma dan jgħodd biss fiż-żmien ta’ l-abbundanza. Kull sena, malli tibda riesqa x-xitwa, in-naħal ta’ l-għasel ikeċċu lill-bgħula ‘l barra mill-kaxxa bla kliem u bla sliem, u jħalluhom imutu bil-ġuħ. Il-ftit li jirnexxielhom jitgħammru, imutu eżattment kif idakkru lir-reġina, u jaqgħu mejta fl-art mill-għoli.

Jissokta.

(C) Ġużi Gatt