Din hi taqsima oħra, il-ħames waħda, minn sensiela ta’ kitbiet maħsuba biex il-Maltin u l-Għawdxin jerġgħu jsiru midħla tal-karattri fittizji tal-fantasija li dari kienu jixgħelu l-istħajjil u l-fantasija ta’ niesna. Jekk din hi l-ewwel darba tiegħek li qed taqra l-kitba ta’ dis-sensiela, ikun tajjeb li tfittex u taqra wkoll l-introduzzjoni, li għandek issibha HAWN. Fl-introduzzjoni għamilniha ċara li l-ħsieb tagħna hu li nagħtu biżżejjed tagħrif biex aħna l-Maltin inkunu nistgħu inpenġu x-xbiha  tal-ħafna  karattri tal-fantasija li jeżistu mistoħbija fil-kultura tagħna, b’mod li l-karattri jkunu jingħarfu minn xulxin – bl-istess mod ta’ kif aħna nagħrfu x-xbiha ta’ Father Christmas, Batman, Superman, Xummiemu, u l-bqija.  Bis-saħħa t’hekk, mhux biss it-tagħrif folkloristiku ta’ kull karattru ma jintilifx, imma wkoll dawn il-karattri ma jmutux, u jerġgħu jieħdu l-ħajja biex tistagħna l-kultura Maltija.  Inħossu li hu importanti li x-xogħol jinqara kollu f’daqqa.  Il-karattri li tkellimna fuqhom s’issa tista’ ssibhom HAWN

Illum imiss li nitkellmu fuq

IT-TORK TAT-TARAĠ

Il-palazzi u d-djar il-kbar tas-sinjuri, fl-ibliet u l-irħula ta’ Malta, x’aktarx li kien ikollhom iktar minn sular wieħed.  Dan ifisser li ried bilfors ikun hemm taraġ biex titla’ minn sular għall-ieħor.  It-taraġ kellu bżonn poġġaman biex isserraħ idek miegħu, ħalli ma taqax għal isfel int u tiela’ jew nieżel.    Dari, l-indani ta’ dawn it-turġien kienu jkunu xi ftit mudlama u, speċjalment billejl, ried ikollok fanal miegħek jekk ma ridtx li tieħu tarġa b’oħra u teħodha għal wiċċek.

Għal ħafna u ħafna snin, Malta kienet pajjiż fqir, u ftit kien hawn sinjuri bil-palazzi u djar kbar.  Imma sas-seklu sbatax u tmintax, l-Insara Ewropej kienu rebħu l-ġlieda mal-Mislem fuq min hu l-kmand tal-baħar Mediterran, u allura l-kummerċ bejn l-artijiet kiber u l-ġid materjali żdied.  L-effett ta’ dan kollu nħass f’Malta wkoll.

Andrea Brustolon kien skultur famuż Taljan minn Belluno, qrib il-belt ta’ Venezja.  Twieled fl-20 ta’ Lulju 1662, u miet fis-sena 1732.  Kien jaħdem l-iktar fl-injam, u ħafna mill-knejjes ta’ Venezja huma miżgħuda bix-xogħolijiet tiegħu fl-injam.  Imma għamel ukoll ħafna għamara għas-sinjuri, u kellu ħabta ta’ kif id-dirgħajn u s-saqajn tal-pultruni, siġġijiet, sufanijiet, u gradenzi li kien jaħdem kien jiskolpi fihom suriet ta’ bnedmin.  Qabel ma daħal id-dawl elettriku, fid-djar kien ikun hemm bżonn ta’ ħafna xemgħat u msiebaħ.  Fi Franza, fid-djar tas-sinjuri, saret moda li jkollhom biċċa għamara msejħa  gueridon, li ma kienet xejn ħlief mejda tonda, tal-injam, maħsuba biex fuqha tqiegħed xi kandilabru biex jagħti d-dawl lill-kamra.  Andrea Brustolon ħadem għexieren minn dawn l-imwejjed, ħafna minnhom bis-saqajn magħmula minn xbieha minquxa ta’ raġel jew mara b’ġilda sewda u b’ilbies stramb.  Dan kien għall-bidu tas-seklu tmintax, meta l-bniedem l-abjad kien ħebb għall-pajjiżi Afrikani ta’ taħt id-deżert tas-Saħara, u kaxkar minn hemm eluf ta’ suwed fil-jasar lejn l-artijiet il-ġodda tal-Amerika ta’ fuq u t’isfel.  L-ilsiera suwed saru komuni fid-djar tas-sinjuri, iseftru, jaqdu, u jaħdmu, u li jkollok l-ilsiera ġod-dar kien sinjal li int ilħaqt, u sirt xi ħaġa.   Nies ta’ ġilda sewda saru komuni anke minquxa fl-injam tal-għamara, u bħala statwi tal-ġebel jew tal-ġibs, imqiegħda f’postijiet fejn jidhru ħalli jżejjnu d-dar.  Ħafna huma tal-fehma li kienu l-imwejjed tondi ta’ Andrea Brustolon li bdew il-moda ta’ statwi u statwetti ta’ nies suwed bħala tiżjin ġod-dar; moda li f’ħakka t’għajn xterdet mal-Italja kollha u mad-dinja tal-Punent.

Andrea Brustolon.  Esibit li hemm fil-Mużew ta’ Rezzonico ta’ Venezja (mill-internet).

Malta qatt ma kienet maqtugħa għal kollox mill-kumplament tad-dinja, u din il-moda ta’ statwi ta’ nies suwed lebsin xi ftit stramb sabet ruħha fid-djar ta’ xi Maltin ukoll.   L-istatwi kienu jitqiegħdu kull fejn jidhirlu sid id-dar, imma l-aktar li kienu jolqtu l-għajn kien dawk l-istatwi kbar tal-ġebel li kienu jagħmlu parti mill-poġġaman tat-taraġ.  Aktarx iva milli le, l-istatwa kien ikollha f’idha lanterna jew, tal-anqas, bażi li fuqha setgħet titqiegħed lanterna, biex b’hekk l-indana tat-taraġ tikseb ftit dawl.  Il-Maltin kellhom ħabta li jsejħu “Tork” lil kull minn hu iswed, ikrah, jew stramb, u r-raġel iswed f’qiegħ il-poġġaman tat-taraġ iserraħ dahru mal-mensola t’isfel nett qalgħuhielu “it-Tork tat-Taraġ”.

Gueridon.  Mill-internet

Ix-xemgħat u l-lanterni ta’ dari kienu jagħtu dawl bati u għajjien.  L-indani tat-taraġ xorta kienu jibqgħu mudlama u tal-biża’, speċjalment għat-tfal iż-żgħar li jgħixu fid-dar.  Biex tkompli tgħaxxaqha, mal-ħajt, int u tiela’ t-taraġ, kienu jiddendlu ħafna inkwatri b’temi reliġjużi.  L-aktar moda fit-taraġ kienu stampi li juru “l-mewt it-tajba” u “l-mewt il-ħażina”.  Fl-inkwatru tal-mewt it-tajba kien hemm ħafna anġli u qaddisin, imma f’dak tal-mewt il-ħażina kien hemm ix-xjaten qed iġorru l-moribond lejn l-infern bis-sodda b’kollox.  Bejn id-dlam u d-dawl inemnem, bejn it-Tork l-iswed imqabbad mal-poġġaman, u x-xjaten iġorru n-nies lejn l-abbissi tal-infern, it-tfal kienu jitilgħu t-taraġ jiġru mwerwrin, saqajhom ma’ daharhom.  Il-ġenituri kienu wkoll jikkonfermaw, li t-Tork tat-Taraġ kien ikun lest għat-tfal imqarbin, jitfagħhom ġo xkora, u joħodhom miegħu fil-kantina, li d-dħul għaliha kien ikun ħafna drabi minn bieb taħt l-istess taraġ.  It-Tork tat-Taraġ, fi żmienu, kien werwer ħafna nies, u daħal fil-fantasija ta’ ħafna tfal.  Mhux ta’ min iħallih jintilef.

Int u tiela’ t-taraġ mudlam fid-djar kbar ta’ dari, mal-ħajt kont tilmaħ inkwatri tal-mewt it-tajba u l-mewt il-ħażina; inkwatri mimlijin anġli u xjaten

Imma meta niġu biex inpenġuh ikollna nħabbtu wiċċna mal-fatt li t-Torok tat-Taraġ li għad hawn f’xi djar u palazzi huma ta’ ħafna għamliet u suriet.  L-istejjer li jingħadu fuq it-Tork tat-Taraġ ftit jgħinuna, ħlief li jikkonfermaw li t-Tork kien jaqbad it-tfal imqarbin, jitfagħhom ġo xkora u jniżżilhom fil-kantina.  Ħafna drabi, meta fl-istejjer tal-biża’ jissemma xi Tork, ikun jinħass ċar li dak it-Tork ma jkun ħadd ħlief il-Ħares.  Importanti li niftakru li l-Ħares m’għandux x’jaqsam mat-Tork tat-Taraġ.  Huma żewġ karattri differenti.  Biex il-kobba tkompli titħabbel, il-Malti jaf ukoll ħafna leġġendi ta’ meta xi Torok niżlu l-art minn fuq ix-xwieni tagħhom u serqu n-nies minn djarhom, fosthom ħafna tfal, u ħaduhom fil-jasar.  Lanqas dawn it-Torok m’għandhom x’jaqsmu mal-karattru tal-fantasija li għandna f’moħħna.

Ilsir b’rasu mqaxxra u bil-beżbuża.  Statwa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt.

Allura kif se npenġuh? Fl-ikonografija tagħna għażilna li nuru t-Tork liebes ta’ lsir – jiġifieri b’rasu mqaxxra ħlief għal beżbuża waħda fuq nett, b’żaqqu barra, u madwar għonqu biċċa qafla b’dak li qisu tapp tas-sufri mdaħħal ġo fiha.  Lill-ilsiera hekk kienu jlibbsuhom biex jingħarfu u jintgħażlu mill-kumplament tal-poplu.[1]  Din it-tip ta’ “uniformi” kienet maħsuba biex tumilja – speċjalment b’dik ir-ras imqaxxra u l-beżbuża ħierġa minn ġol-qargħa.  Dari, ras bla xagħar ma kinitx apprezzata ħafna.  Sa kellna qawl li jgħid: “Il-fartas tmisslux il-barjola” – il-barjola kienet bħal skufja bil-ponta twila, li tintlibes fir-ras.  Dari l-ebda raġel ma kien joħroġ barra “xuxa” – jiġifieri bla xi għata f’rasu – kappell, beritta, milsa – tkun xi tkun, imbasta b’rasu mgħottija.  Fil-knisja biss kien ikollu jikxifha.  L-ilsiera, anke jekk ikollhom ix-xagħar, kienu jqaxxruhulhom.  Minbarra l-umiljazzjoni li jkun meħud minn pajjiżu u mġiegħel jagħmel xogħol iebes f’pajjiż li hu l-għadu iddikjarat tar-reliġjon tiegħu, l-ilsir kien ikompli jitbekket billi jlibbsuh b’dal-mod.  Mhux ta’ b’xejn li l-ilsir jisħet xortih, qalbu timtela bil-qrusa, u jkun dispost li jagħmel xi vendikazzjoni. Mela t-Tork tagħna għamilnieh bħal dan l-ilsir umiljat u rrabjat, u lest biex jagħmel xi waħda minn tiegħu.  It-Tork tat-Taraġ ismu miegħu – irid ikun mal-poġġaman tat-taraġ, jew talanqas wieqaf f’xi indana mudlama.  Aħna għamilnieh qed jaqla’ minn postha il-ħaġra l-kbira li tissejjaħ “il-mensola” u li sservi biex il-piż kollu tal-poġġaman tat-taraġ iserraħ fuqha.  Forsi tgħiduli: Il-għala?  Isimgħu ftit din l-istorja li dari kienet tingħad fl-Isla[2]:

Koppja żagħżugħa, ħafna snin ilu, kriet dar fi triq dejqa u qadima l-Isla.  Qabel ma daħlu jgħixu fiha kellhom bżonn ikaħħlu u jbajjdu xi ftit il-ħitan tad-dar, fuq u isfel.  Ġew bżonn sellum u marru jissellfu wieħed mingħand il-ġara.  Il-ġara qaltilhom li żewġha kien barra fuq xogħlu, imma meta jerġa’ lura d-dar wara x-xogħol kienet se tgħidlu biex iwasslilhom is-sellum huwa stess.  Ir-raġel hekk għamel, mar bis-sellum, sab il-bieb tad-dar miftuħ, daħal, u serraħ is-sellum ma’ ħajt ta’ bitħa nterna.  Hu u ħiereġ ‘il barra sema’ d-daħka ta’ tifel ċkejken.  Ħares ‘il fuq u ra tifel ta’ xi tliet snin jixxabbat għal isfel minn tieqa fil-għoli li kienet tagħti għal fuq il-bitħa.  Ir-raġel għolla leħnu biex iwissi lit-tifel.  L-għajjat tiegħu semgħuh il-kopja li kienu fuq qed ibajdu, u xirfu rashom minn tieqa oħra biex jaraw x’ġara.  Ir-raġel qallhom biex jieħdu ħsieb it-tifel għax kien qed jixxabbat għal isfel, imma meta reġa’ ħares lejn it-tieqa ma ra xejn.  It-tifel kien għeb.  Il-koppja qalulu li huma kienu għadhom kemm iżżewġu u ma kellhomx tfal.  Ir-raġel, miskin, instaram u nfixel.  Skuża ruħu, baxxa rasu, u ħareġ ‘il barra.  Hu u ħiereġ ir-raġel tefa’ ħarstu fuq it-Tork tat-Taraġ li kien hemm f’tarf it-taraġ f’dik id-dar, u bħal dehirlu li rah jitbissem!  B’ġismu mqajjem xewk xewk, ir-raġel ħareġ jiġri ‘l barra mill-bieb li kien għadu miftuħ.  Imma lanqas laħaq għamel erba’ passi fit-triq li ma  jismax ħoss qawwi bħal ta’ bini jiġġarraf.  Reġa’ lura jiġri, biex jittawwal mill-bieb miftuħ, u jara ħerba sħiħa.  It-taraġ kien waqa’ u miegħu ġibed is-saqaf tal-intrata.  Ir-raġel kien ċert li kien it-Tork tat-Taraġ li ġibed kollox għal isfel, imma ma tkellem xejn u ma qal xejn lil ħadd, għax beża’!

Statwetta magħmula minn Richard Bartolo.  Ritratt u manipulazzjoni grafika ta’ John Spiteri Gingell.  Żaqqu barra, xagħru mqaxxar, u bil-beżbuża. Richard Bartolo ħadmilna statwetta ta’ ħafna mill-karattri li se nsemmu f’din is-sensiela.  Fil-każ tat-Tork tat-Taraġ qagħdna tista’ tgħid għal kollox fuq l-istatwetta tiegħu, għax ħarġet tajba ħafna.

It-Tork jiġbed il-mensola u jaqleb it-taraġ għal isfel.

Statwetta magħmula minn Richard Bartolo.  Ritratt u maipulazzjoni grafika ta’ John Spiteri Gingell.

L-istatwetta ta’ Richard Bartolo minn diversi angoli.

 

It-Tork tat-Taraġ.  Pittura tal-artist Joseph Bugeja li dehret fil-wirja b-isem ta’ Hotel Babaw li l-artist tella’ fil-Belt Valletta fl-2016.

(C) Ġużi Gatt

REFERENZI

[1]Muscat, Joseph, Slaves on Maltese Galleys, PIN, Malta 2004, 10

[2] Verżjoni ssimplifikata ta’ din l-istorja dehret fl-Imnara, ħarġa nru. 39. Vol. 10/4, paġna 24.