Sena ilu kont ktibt dwar L-Imtaħleb u l-inħawi ta’ madwaru. F’dak l-artiklu ma setax jonqos li nsemmi l-Baħrija għal darba darbtejn, peress li ż-żewġ postijiet jinsabu maġenb xulxin tant li diffiċli tgħid fejn jispiċċa wieħed u jibda l-ieħor. Minħabba din il-kontinwità ġeografika, bejn l-Imtaħleb u l-Baħrija naraw ukoll xebħ naturali u rabtiet storiċi. It-tnejn li huma magħrufin għas-sbuħija tal-pajsaġġ tagħhom imżewwaq b’widien milwiema li jħaddru s-sena kollha, xagħriet għoljin u mirjieħa, sisien weqfin, u baħar fond u miftuħ beraħ li jagħti dehra tabilħaqq salvaġġa. Din id-darba xtaqt naqsam magħkom xi tagħrif propju dwar il-Baħrija, u se nibda sewwasew fejn kont waqaft id-darba l-oħra. Tlaqna…

Kitba ta’  Alex Camilleri dwar it-toponomastika tal-Baħrija u l-madwar. L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 38, Vol. 10, Nru 3 (2014). L-ixbihat meħudin mill-internet u minn Google Maps.

Agħfas fuq l-ixbieha hawn fuq biex tara l-mappa fuq qies akbar.

L-Irdum tal-Vigarju u l-Qlejgħa tal-Baħrija

Ras ir-Raheb

Fl-aħħar artiklu konna wasalna sa L-Irdum tas-Sarġ [2], li huwa magħmul minn tliet taqsimiet ewlenin, bħall-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli u L-Imtaħleb: ix-xagħriet għoljin jieqfu ħesrem f’xifer wieqaf li minn taħtu tixref medda mdaqqsa ta’ art taflija; din imbagħad tibqa’ nieżla f’għamla ta’ żurżieqa wiesgħa sa ma tasal f’tarf ta’ sies għoli u żonqri li jaqta’ dritt għal ġol-baħar. Fi bnadi oħra, dan l-isem narawh fejn ikun hemm xi roqgħa baxxa qisha sarġ jew sella bejn żewġ għoljiet, għalkemm hawnhekk ix-xebħ mhux daqstant ċar. F’xi kitbiet qodma, jidher ukoll isem ieħor li aktarx qed jirreferi għall-istess post: L-Irdum tas-Segreto (jew, skond Castagna, Rdum is-Segrieti), isem li għall-bidu jidher kemmxejn stramb jekk mhux ukoll misterjuż. Iżda hawn ta’ min jinnota li ‘Segreto’ kien it-titlu ta’ uffiċċjal ewlieni ta’ l-Universitas (l-amministrazzjoni lokali ta’ Malta fi żminijiet medjevali u b’mod aktar limitat fi żmien il-Kavallieri) li kien inkarigat, fost oħrajn, mill-artijiet u l-qbiela, u mit-taxxi dovuti lis-sultan. Aktar lejn it-tamuntana, bejn wieħed u ieħor malli taqbeż l-irziezet qodma f’Ta’ Ġordajna [3] u l-posta tas-sajd li tinsab taħthom (Il-Marġa [4]), l-irdum jibdel ismu għal L-Irdum tal-Vigarju [5]. Jidher li f’dawn l-inħawi kemm is-segreto kif ukoll il-vigarju kienu akkwistaw taħt idejhom naqra art mhux ħażin…

Propjament, l-irdum jibdel mhux biss ismu iżda wkoll is-sura tiegħu. Iż-żurżieqa tat-tafal tibda tidjieq u tieħu bixra dejjem aktar wieqfa, u l-passaġġ ċatt ta’ mas-sies t’isfel isir aktar imtarraf u mwiegħer. F’punt imsejjaħ Ta’ Żeppita [8] (jew Ta’ Żeppit) tispikka qasma tawwalija li tfellel il-faċċata tas-sies. Hawnhekk, il-blat man-naħa tal-Irdum tas-Sarġ tqaċċat pulit qisu maqtugħ b’sikkina u għaldaqstant is-sies sħiħ irtira ftit lura, filwaqt li l-medda l-oħra baqgħet ibbuzzata ‘il barra f’għamla ta’ ħanek dejjaq li jafuh bħala Il-Ħotba l-Kbira [6]. Darba, xi sajjieda kienu rrakkontawli kif wieħed raġel li kien qed jistad minn hawn fuq, żelaq u kejjilha għaI ġol-baħar (Taħt ta’ Żeppita [7] jew Taħt ta’ Żeppit) bosta sulari ‘l isfel. Kien ixxurtjat li ma ġralu xejn, għajr li ħa qatgħa liema bħalha u tixriba tajba. Aktar ‘l hinn lejn il-majjistral, fejn is-sies ewlieni jibda jitbaxxa ftit ftit, hemm għar imdaqqas u mwarrab li jintlaħaq biss b’dgħajsa; s’issa għadni ma nafx x’jismu. Imbagħad imiss Iż-Żugraga [9] (jew Iż-Żugraga l-Kbira), ħaġra daqsiex li tqaċċtet mill-quċċata għolja tal-irdum u rrumblat ‘l isfel minn fuq it-tafal sa ma straħet eżatt ħdejn xifer is-sies ta’ taħt. Tagħti l-impressjoni li qiegħda f’bilanċ prekarju, aktar u aktar meta tqis li qed tistrieħ fuq il-ponta tagħha, appuntu qisha żugraga. Tat ukoll isimha lill-baħar ta’ madwarha (Taħt iż-Żugraga [10]). Mhux wisq ‘il bogħod hemm oħra iżgħar u aktar kwadra li wkoll sabet ruħha f’tarf is-sies. Din ta’ l-aħħar isejħulha Il-Ġebla [11] jew inkella Iż-Żugraga ż-Żgħira, u x-xifer fejn tinsab igħidulu Il-Pulptu [12] billi jisporġi ‘l barra bħal pulptu ġo knisja. Taħthom, jiġifieri Taħt il-Ġebla [13], hemm bħal minżel naturali mnejn is-sajjieda jixxabbtu għal fuq blata mal-baħar li tinsab maqrusa bejn Il-Pulptu u L-Għoli [14], xifer ieħor ismu miegħu fejn tista’ tgħid jintemm ħesrem is-sies. Dan għaliex hawn stess jinsab xaqq ġeoloġiku (fault) li matulu seħħ ċaqliq tettoniku qawwi hekk li minn hawn ‘il quddiem jitfaċċa xatt pjuttost baxx u għeri, imsejjaħ Blat il-Baħrija [16] jew Il-Blat tal-Baħrija, li dwaru se nitkellem aktar tard. Il-grif taż-żewġ blokok ta’ art iħaxknu kontra xulxin għadu jidher mal-ġenb mikxuf ta’ dan ix-xaqq, tant li tah ismu (Il-Ġidra tal-Għoli [15] – hawnhekk ‘ġidra’ tindika wiċċ ta’ blat kemmxejn imqalla’ jew mikul).

Il-Blata tal-Melħ

Qabel ma nħallu għal kollox l-Irdum tal-Vigarju u nkomplu lejn il-Blat tal-Baħrija, ta’ min ngħidu xi ħaġa fil-qosor dwar il-quċċata ta’ fuq l-irdum, li ġġib l-istess isem (Ix-Xagħra tal-Vigarju [17]) aktarx għax dari kienet taqa’ taħt l-istess sid. Din ix-xagħra tibqa’ ħierġa minn mal-kumplament tal-artijiet watjin ta’ madwar l-Imtaħleb, u għandha l-għamla ta’ qortin tawwali. Ġenbha, li huwa wkoll is-saff ta’ fuq nett ta’ l-Irdum tal-Vigarju, fih kotra ta’ għerien u mqawel qodma mħaffrin fil-blat artab tas-sekonda, l-istess bħalma konna rajna madwar l-Imtaħleb għalkemm ġeneralment iżgħar. Iżda mbagħad, aktar ‘l hinn, il-qortin jirqaq u jitbaxxa sa ma kważi jisfa fix-xejn, sewwasew fejn jinfduh xi passaġġi li jibqgħu neżlin għal ġol-artijiet imżerżqin ta’ taħtu. Dan peress li jinsab mikxuf minn tulu fuq żewġ xaqlibiet (imiss mal-Irdum tal-Vigarju fuq naħa u ma’ Wied il-Baħrija [81] fuq l-oħra), hekk li ġarrab l-effetti ta’ l-erożjoni fuq iż-żewġ fronti. U għalkemm l-għonq ta’ art li jifred l-irdum mill-ġenb tal-wied jerġa’ jibda jogħla, jibqa’ irqiq qisu galletta u ftit wara jaqta’ ħesrem, bit-tarf tiegħu qisu xprun kbir ippuntat lejn il-majjistral. Propju taħt dan l-ixprun hemm żewġ tnaqqiriet fondi fejn l-Irdum tal-Vigarju u l-ġenb ta’ Wied il-Baħrija nifdu ġo xulxin, bil-ħotba Tal-Mas [18]  imdeffsa bejniethom. Minn hawn, il-blat jerġa’ jogħla u tibda quċċata oħra bi ġnub weqfin qisha fortizza naturali kbira, isimha magħha: Il-Qlejgħa [19] (jew Il-Qlejgħa tal-Baħrija, inkella Il-Qalgħa tal-Baħrija bħalma tidher f’xi kitbiet qodma fosthom dawk ta’ G.F. Abela u ta’ Ciantar. ‘Qlejgħa’ hija diminuttiv ta’ ‘qalgħa’, kelma qadima li tfisser fortizza jew kastell, u fit-toponomastika dawn iż-żewġ kelmiet narawhom fl-ismijiet mogħtijin lil għoljiet li joffru difiża naturali mill-għedewwa – mhux biss f’Malta (eż. Il-Qalgħa tal-Imġarr, Wied il-Qlejgħa, eċċ.) iżda wkoll fi Sqallija (billi l-ismijiet ta’ bliet u rħula fil-għoli bħal Caltagirone, Calascibetta, Caltabellotta u Caltavuturo tnisslu minn din l-istess kelma Semitika wara li Sqallija kienet għamlet żmien sew taħt il-ħakma Għarbija). U tabilħaqq fuq Il-Qlejgħa tal-Baħrija għad hemm il-fdalijiet importanti ta’ raħal iffortifikat li kien inbena hawn fi Żmien il-Bronż, għalkemm illum ma tantx għadhom jidhru daqstant sew. Il-Qlejgħa tkopri medda sew ta’ art, sakemm fl-aħħar tintemm f’ponta dejqa (Il-Ponta tal-Qlejgħa [20] jew Il-Ponta tal-Baħrija) li tħares għal fuq Fomm ir-Riħ [48], b’veduta panoramika mill-isbaħ tal-parti ta’ fuq ta’ Malta u saħansitra tan-naħa t’isfel t’Għawdex. Sewwasew taħt ir-riħ tal-Qlejgħa jinsab il-Blat tal-Baħrija li diġà semmejt – u issa wasal il-waqt li naqbdu l-mogħdija li tinfed minn bejn il-Qlejgħa u l-ħotba Tal-Mas u tinżel għal hemmhekk wara li tgħaddi biswit ġabra ta’ għerien qodma li kienu abitati fil-Medjuevu u li għadhom jintużaw sal-lum.

Il-Blat tal-Baħrija

Jekk tħalli barra l-medda ta’ bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi, il-kosta ta’ bejn Ħal Far u Fomm ir-Riħ (magħrufa mal-baħħara bħala Wara Malta jew Mal-Ġebel, jiġifieri r-rotta li ssegwi l-blat għoli) hija magħmula kollha kemm hi minn sisien weqfin u għoljin, bil-ftit aċċessi naturali għall-baħar tgħoddhom fuq idejk: Wied Żnuber, Il-Bassasa u Wied Ganu, Il-Blieqa, Wied Babu, Ix-Xaqqa, Miġra l-Ferħa, u parti mill-Blat tal-Baħrija msejħa Il-Blata tal-Melħ [21]. Din ta’ l-aħħar tintlaħaq b’taraġ maqtugħ fil-blat, u hija pjattaforma ċatta ta’ blat żonqri li sfat mgħaddsa ‘l isfel minħabba ċaqliq tettoniku fl-inħawi. Is-sies xorta hemm qiegħed, iżda jinsab mgħarraq kważi għal kollox taħt wiċċ l-ilma: hawnhekk, qiegħ il-baħar ma jinżilx għal xejn għal xejn bħalma soltu naraw max-xtut baxxi, anzi malli tħalli l-art mill-ewwel issib baħar fond daqs 50 metru u aktar. Il-Blata tal-Melħ ħadet isimha mis-salini qodma li jiksu partijiet imdaqqsa minnha, u madwarha jidhru diversi opri qodma marbutin mal-ħsad tal-melħ, fosthom: spiera fonda li tinfed mal-baħar sabiex ikun jista’ jittella’ l-ilma; Il-Kamra tal-Melħ [22] (għar żgħir maqtugħ madwar żewġ sulari aktar ‘il fuq fl-irdum, ħdejn it-taraġ dejjaq li jinżel lejn il-Blata u s-salini tagħha); u taraġ ieħor wiesa’ u maqtugħ b’ċerta sengħa li jwassal sa mal-baħar biswit l-ispiera.

Fomm ir-Riħ

Matul il-Blata tal-Melħ hemm sensiela ta’ posti tas-sajd. L-ewwel waħda, int u ġej mill-Irdum tal-Vigarju, qegħda ftit qabel it-taraġ ta’ mal-baħar, u jgħidulha Is-Siġġu [23] peress li hemm bħal maqgħad naturali fejn sajjied jista’ jpoġġi komdu. Fuq in-naħa l-oħra tat-taraġ, hemm il-posta Tal-Majjistral [24] (hekk imsejħa minħabba l-pożizzjoni tagħha), Il-Gallarija [25] (fejn il-blat huwa maqtugħ minn taħt) u L-Imħôsa [26] (din imkien ma rnexxieli nsib xi tfisser, u nasal ngħid biss li tinstema’ qisha l-plural ta’ xi nom mimmat). Aktar ‘il hinn, il-blat huwa pjuttost aħrax u ppuntat minħabba l-effett tal-mewġ qalil li hawn jaħkem sew, u għaldaqstant isejħulu L-Ingiegeż [27] (plural miksur ta’ ‘niggieża’ li ma sibtux fid-dizzjunarju ta’ Aquilina). Fl-istess inħawi hemm ukoll Il-Minfes [28] jew inkella Il-Ġebla Ċavi; dawn iż-żewġ ismijiet huma minsuġin ħaġa waħda ma’ xulxin, u t-tifsira ta’ warajhom tagħtihielna ħaġra mdaqqsa u pjuttost ċatta li hemm mistrieħa fuq il-blat samm ta’ mal-baħar. Jidher li dari din kienet issaqqaf għar ċkejken (jew aħjar pett) b’saqaf imtaqqab, li kien jinsab eżatt ‘il fuq minn wiċċ l-ilma hekk li minnu kien jiżbroffa r-raxx tal-baħar fil-maltemp. Dan il-minfes (bl-Ingliż blowhole) maż-żmien sfronda, u kulma fadal minnu huwa ċ-ċavi (jiġifieri ġebla li torbot saqaf ta’ ħnejja) li ċediet għal fuq il-blata ta’ taħtha u li donnha qed tistenna ‘l baħar jeħodha minn ħin għall-ieħor.

Hawn wasalna f’wieħed mill-aktar trufijiet esposti f’Malta: Ir-Ras tal-Blata [29], magħrufa wkoll bħala Ir-Ras tal-Kbira jew sempliċement Ir-Ras. Din toffri spettaklu f’xi majjistralata qawwija meta l-mewġ jirkibha u jogħla magħha qisu jrid jiblagħha, iżda f’temp hekk trid tgawdi x-xena mill-bogħod u ma tazzardax tersaq lejha. Imma għala jsejħulha ‘tal-Kbira’? It-tweġiba jagħtihielna Il-Ħarq tal-Blata [30] (jew Il-Ħalq), ħondoq ġol-baħar li jinsab imrekken warajha u li jaqsam l-art f’biċċtejn. Għaldaqstant, il-parti li diġà rajna jsejħulha Il-Kbira (jew inkella Il-Blata) biex jagħrfuha miż-Żgħira [31] (jew Il-Blata ż-Żgħira) li tinsab fuq ix-xaqliba l-oħra, għalkemm l-isem iqarraq xi ftit ġaladarba ‘iż-żgħira’ fiha tista’ tgħid daqs ‘il-kbira’! Il-Ħarq tal-Blata (ismu miegħu, peress li ‘ħarq’ hija kelma oħra għal xaqq) aktarx li huwa l-fdal ta’ għar kbir sfrundat, u jifforma daħla tawwalija bil-ġnub weqfin li fuq ġewwa tidjieq f’daqqa qisha lembut u tibqa’ dieħla dejjem aktar bħala qasma fonda fil-blat. Din tifred għal kollox iż-żewġ nofsijiet tal-Blata tal-Melħ minn xulxin, għalkemm fuq ġewwanett tant tidjieq li bi ftit sogru tista’ taqbeż minn fuqha san-naħa l-oħra. Minħabba l-għamla partikolari tiegħu, Il-Ħarq tal-Blata joffri xi ftit tal-kenn għad-dgħajjes meta l-baħar ikun imċafċaf bir-riħ isfel, iżda ma tridx imqar toqrob lejh meta jkun jaqbel il-majjistral: il-mewġ dieħel minn faċċata jogħla f’daqqa meta jsib id-djuq u fuq ġewwanett jibda jsabbat b’qilla liema bħalha u jixrob lura kulma jilħaq.

Hekk kif taqbeż il-Ħarq tal-Blata, daqs nofs triq matul il-Blata ż-Żgħira, hemm posta magħrufa bħala It-Tumbrell [32], mnejn isir is-sajd għal din il-ħuta. Imbagħad imiss żewġ ħarriġiet qrib xulxin: Ir-Ras taż-Żgħira [33] (isimha magħha, billi s’hawn tasal Il-Blata ż-Żgħira) u Ir-Rexxieqa [35]. Rexxieqa hija għodda li tintuża, fost oħrajn, fil-kejl tal-qamħ biex tqaxqax iż-żejjed minn kontenitur imfawwar (bl-Ingliż ‘strickle’ jew ‘scraper’), u fil-fatt din il-blata għandha dan ix-xebħ billi mill-bogħod tidher qisha qed tħokk kontra r-Ras taż-Żgħira. Minkejja t-tifsila Semitika, din il-kelma fl-aħħar mill-aħħar tnisslet mill-verb Taljan ‘raschiare’ jew aktarx minn varjazzjoni djalettali tiegħu bl-Isqalli. Maqrusa bejn dawn iż-żewġt irjus hemm daħla ċkejkna fil-baħar bil-bokka tħares lejn il-punent, imsejħa Il-Ħalq taż-Żgħira [34]; hawn, għal darb’oħra naraw taħwida bejn il-kliem ‘ħalq´ u ‘ħarq’ li hija kemmxejn komuni fit-toponomastika Maltija, mhux biss minħabba x-xebħ bejn iż-żewġ kelmiet iżda wkoll billi t-tnejn li huma jaqblu mal-għamla tal-post. Pariġġ din id-daħla, hemm oħra kemmxejn akbar u bil-ġnub aktar għoljin man-naħa l-oħra tar-Rexxieqa, b’għar żgħir ġol-baħar fuq in-naħa ta’ ġewwa tagħha, iżda din s’issa għadni ma nafx x’igħidulha.

Razzett antik fl-inħawi tal-Għajn ta’ Snajsna

Mir-Rexxieqa ‘l hemm, il-kosta terġa’ togħla xi ftit, iżda żżomm dehra salvaġġa bħall-bqija tal-Blat tal-Baħrija u l-art tibqa’ mfella u mxaqqa peress li f’dawn in-naħat jiltaqgħu l-aktar żewġ sistemi ta’ qasmiet ġeoloġiċi importanti tal-Gżejjer Maltin: dik tal-Magħlaq li xaqilbet il-gżira ta’ Malta mill-lbiċ lejn il-grigal (u li b’hekk iffurmat is-sisien għoljin li rajna, minbarra li qatgħet lil Filfla minn ma’ Malta) u dik ta’ Fomm ir-Riħ li dalwaqt nagħtuha titwila. L-aktar xquq li jispikkaw huma dawk tal-Grampun [36], li jċarrtu l-faċċata wieqfa li tagħti għal fuq il-baħar, u jkomplu taħt wiċċ l-ilma f’forma ta’ gandotti fondi fil-blat . Mhux wisq ‘il bogħod hemm imbagħad L-Għar tat-Trozz, għar kbir u sabiħ li jittewweb minn taħt il-Ponta tal-Qlejgħa u l-artijiet iħaddru ta’ madwarha li jsibuhom bħala Il-Ġardin. L-għar għandu l-istess isem bħall-artijiet ta’ fuqu (It-Trozz jew Tat-Trozz [37]); dan jista’ jkun ġej minn laqam ta’ xi ħadd, u minkejja li d-dizzjunarju jorbot dan l-isem mal-kelma ‘trozza’ li fil-lingwaġġ tal-baħħara tindika pern jew qafla li torbot il-qlugħ ma’ l-arblu tal-bastiment jew inkella pinnur mal-fus li jdur fuqu, ma stajt nara ebda xebħ mal-post. F’Tat-Trozz hemm ukoll wied żgħir li jferra’ ilmijietu mill-għoli għal ġol-baħar eżatt quddiem il-bokka tal-għar, wara li jinżel minn fuq it-tafal u l-blat artab tal-bajjâd (middle globigerina limestone) sa ma jilħaq is-sies żonqri ta’ taħthom. Ta’ min igħid ukoll li madwar dan il-wied tinstab konċentrazzjoni pjuttost rari ta’ għoqod safranin (imsejħin ‘chert nodules’ bl-Ingliż) imxerrdin fil-blat tal-bajjâd; dawn jixbħu ż-żnied u meta jinkisru jew jixxellfu jsiru jaqtgħu qishom ħġieġ u għaldaqstant kienu jintużaw fi żminijiet preistoriċi bħala xfafar.

Fomm ir-Riħ u madwaru

Mit-Trozz tgħaddi qasma ġeoloġika oħra qawwija, li bla dubju għenet fit-tiswir kemm tal-wied kif ukoll tal-għar li jinsab taħtu. Tidher sew bħala faċċata wieqfa u lixxa ma’ ġenb il-wied; magħha jintemm ħesrem Blat il-Baħrija u jibda Ġebel ir-Raheb [40]. Hawnhekk il-kelma ‘ġebel’ tfisser muntanja jew sies għoli, u tabilħaqq dan huwa ħajt żonqri ta’ xejn inqas minn ħdax-il sular li jaqta’ dritt xemgħa għal ġol-baħar u minn hemm ikompli nieżel sa fond ta’ aktar minn sebgħin metru oħra. L-isem huwa marbut ma’ leġġenda qadima ta’ patri jew eremita, għax hekk tfisser il-kelma ‘raheb’ (suppost miktuba bl-“h” tan-nofs li ma tinħassx, kuntrarjament għall-ortografija ħażina bil-“ħ” li naraw b’bosta mapep). Mela dan l-imbierek raheb ma kienx daqstant qaddis, u fettillu jipprova jittanta tfajla li kien lemaħ fl-inħawi. Ħarbet minnu, iżda baqa’ jiġri warajha sa ma sabet ruħha maqbuda f’xifer is-sies. Billi ma riditx taqa’ taħt idejh, qabdet u tatha għal isfel akkost li ttemm ħajjitha, iżda x-xenqa li kellu wasslitu biex saħansitra qabeż għal warajha – u baqa’ mdendel. Din il-leġġenda tnisslet minn skerz tan-natura, għax hemm blata mas-sies li b’naqra fantasija min ikun għaddej minn taħtha fuq dgħajsa suppost jaraha tixbaħ lil ġisem ta’ patri. Il-blata nnifisha jsejħulha Ir-Raheb l-Imdendel [41], inkella L-Imdendel, Ir-Raheb, jew Ir-Raheb l-Imgħarraq. Taħtha hemm għar imdaqqas mal-baħar, b’għonq dejjaq fil-qiegħ li jinfed lejn bokka oħra madwar 25 metru aktar ‘l isfel taħt l-ilma; biswit l-istess għar hemm ukoll minfes (blowhole) li tidħol għalih minn bokka żgħira madwar żewġ sulari taħt wiċċ il-baħar.

Il-Kappella antika ta’ San Martin ġewwa l-Baħrija

Il-leġġenda li semmejt nisslet ukoll l-isem ta’ waħda mill-irjus ewlenin tal-Gżejjer Maltin, Ras ir-Raheb [42], fejn il-kosta tikser f’daqqa u s-sies jibda jħares lejn it-tramuntana minflok lejn il-lbiċ u l-punent. L-istess ponta jsejħulha wkoll Ras il-Knejjes, minħabba l-fdalijiet arkeoloġiċi li hemm kważi max-xifer nett (fosthom il-pedamenti ta’ bini Puniku jew Ruman, żewġ ħaġriet megalitiċi, bir, u barriera tal-wiċċ), li ilhom magħrufin għal sekli sħaħ u fl-għajdut popolari kienu meqjusin bħala knejjes antiki li ġġarrfu maż-żmien. Fil-qrib, iżda aktar lejn ix-xlokk, tinsab nixxiegħa permanenti magħrufa bħala Għajn Bierda [43].

Sewwasew minn Ras il-Knejjes tibda waħda mill-qasmiet ġeoloġiċi ewlenin ta’ pajjiżna, l-hekk imsejjaħ ‘Great Fault’ li ħanxar il-gżira ta’ Malta fi tnejn matul linja netta li tibqa’ sejra sa taħt it-Torri tad-Dahar f’Pembroke. Matul din il-linja seħħ ċaqliq tettoniku qawwi li refa’ l-artijiet li jinsabu lejn in-nofsinhar u x-xlokk tagħha (ngħidu aħna l-Baħrija, id-Dwejra, il-Mosta, in-Naxxar u Ħal Għargħur) filwaqt li niżżel l-artijiet ta’ man-naħa l-oħra (L-Imġarr, Binġemma, Burmarrad u l-Magħtab). Għalhekk, matul din il-linja kollha naraw irdum li jħares lejn it-tramuntana għal fuq witat ferm aktar baxxi, u huwa dan id-diżlivell f’daqqa li ta ismu lil inħawi bħal San Ġużepp tat-Tarġa (bejn il-Mosta u Burmarrad) u San Pawl tat-Tarġa (ma’ tarf in-Naxxar), kif ukoll lil Ġebel San Pietru (taħt Ħal Għargħur). U, m’għandniex xi ngħidu, l-aħjar ħjiel ta’ din il-qasma narawh propju mat-tul kollu tal-qala kbira ta’ Fomm ir-Riħ [48]. Hawn, sies lixx qisu rħama (jekk fhimt sew, dan huwa L-Irdum ta’ Fomm ir-Riħ [44] jew L-Irdum ta’ Wara d-Djar li jsemmi G.F. Abela) jibqa’ dieħel ‘il ġewwa minn Ras il-Knejjes sa ma jaħbat ma’ L-Irdum l-Aħmar [45], imlaqqam hekk minħabba d-depożiti Kwaternarji li jagħtuh lewn ħamrani. Filwaqt li s-sies man-naħa ta’ Ras il-Knejjes huwa magħmul għal kollox miż-żonqor jew qawwi ta’ taħt, u s-saffi l-oħra kollha ta’ fuqu jinsabu ħafna aktar fil-għoli (lejn il-Qlejgħa tal-Baħrija), dan ma jgħoddx għall-Irdum l-Aħmar u Rdum il-Pellegrin [46] li jkompli miegħu. Dawn ta’ l-aħħar huma magħmulin mill-qawwi ta’ fuq, u mis-saffi tat-tafal u l-bajjâd li jixirfu minn taħtu u li hawnhekk imissu mal-baħar ġaladarba s-saff taż-żonqor safa mgħaddas fil-fond (biex tilħqu, trid togħdos għal fuq sikka kbira li tinsab madwar nofs kilometru ‘l barra minn Irdum il-Pellegrin). Ħarsa aktar bir-reqqa turi wkoll effetti oħra tat-tħaxkin tettoniku, fosthom saffi milwijin u mgħawġin ġol-blat li sab ruħu maqrus bejn iż-żewġ blokok. Il-bajja ta’ Fomm ir-Riħ isimha magħha għax hi miftuħa beraħ għall-majjistral u l-punent, u l-artijet ta’ fuqha mhumiex wisq inqas mirjieħa hekk li meta jkun jonfoħ il-grigal tissogra li jixħtek ‘l isfel jekk tittarraf iżżejjed. Fl-unika rokna kennija fuq ġewwanett tagħha hemm Ir-Ramla ta’ Fomm ir-Riħ [47], fil-fatt ċagħqija mdaqqsa aktar milli ramla. Minn Fomm ir-Riħ jibdew ukoll il-Victoria Lines, trunċiera difensiva li kienu bnew L-Ingliżi fis-Seklu XIX biex jisfruttaw il-Great Fault bħala sur naturali, u l-ewwel medda tagħhom (u aktarx l-inqas magħrufa) tidher bħala foss wiesa’ mistur wara l-blat għoli li jagħti għal fuq iċ-ċagħqija. B’xorti ħażina, saritlu ħsara sew madwar 25 sena ilu meta tqatta’ l-blat biex parti mill-foss titkabbar f’ġibjun. It-triq li twassal lejn Fomm ir-Riħ min-naħat ta’ Binġemma tgħaddi minn ġo żewġ irħula (hamlets) tassew ċkejknin u antiki: Ta’ L-Abatija [49] u L-Imġarr ta’ Ġewwa [50] (jew L-Imġarr il-Ġewwieni). Dan ta’ l-aħħar jissejjaħ hekk biex jagħrfuh mill-Imġarr ta’ Barra (jew L-Imġarr il-Barrani) li kien ieħor bħalhom qabel ma kiber fis-Sekli XIX u XX biex sar ir-raħal ta’ L-Imġarr li naraw illum.ar

Il-widien tal-Baħrija

Għal ġo Fomm ir-Riħ ibattlu żewġ widien kbar u misqija b’nixxigħat dejjiema ta’ ilma ħelu: Wied Gerżuma [52] u Wied il-Baħrija [81]. Wied Gerżuma jibda minn ħdejn raħal ieħor ċkejken, Il-Kunċizzjoni [53], li jinsab biswit kappella b’din id-dedika. Ir-raħal innifsu tidħol għalih minn taħt arkata monumentali biswit iz-zuntier tal-kappella, li għandha skrizzjoni fuqha (“Fondazione Paola, 1731”) li tindika li nbniet fuq propjetà ta’ din il-fondazzjoni msemmija għall-Gran Mastru Antoine de Paule, għalkemm il-kappella nbniet madwar mitt sena wara fi żmien il-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena. Il-wied jifred il-Kunċizzjoni minn xagħra mdaqqsa msejħa Tal-Marġa [54] (marġa tfisser medda ta’ art watja) jew inkella Il-Marġa l-Wiesgħa, jew aħjar li kienet wiesgħa, għax illum aktar minn nofsha nbela’ mill-bini ġdid tal-Baħrija [60]. Din ix-xagħra fiha wkoll xi kalati antiki. Minn taħtha, il-wied jibda nieżel mar-raba’ Ta’ Gerżuma [55] u aktar ‘l isfel jikser u jibqa’ sejjer lejn l-artijiet Ta’ Għasfura [56], qabel ma jieqaf ħesrem f’tarf is-sies; hemmhekk jifforma ċarċara żgħira iżda għolja li fix-xitwa ssawwab ilmijietu direttament għal ġol-baħar qrib ir-Ramla ta’ Fomm ir-Riħ.

Fi triqtu lejn Fomm ir-Riħ, Wied Gerżuma jgħaddi bejn żewġ promontorji għoljin, jew aħjar qraten. Dak imsejjaħ Ta’ Kalumija [57], lejn il-lvant tal-wied, kien ġie ffortifikat fi Żmien l-Ingliżi għall-ħabta tal-1898 biex isaħħu punt strateġiku qrib it-tarf tal-Victoria Lines, u fih il-fdal ta’ kumpless militari bil-binja ewlenija tiegħu maqtugħa fil-blat u moħbija taħt l-art. Max-xaqliba l-oħra tal-wied hemm Il-Qortin l-Imdawwar [58], ilsien ta’ art għolja li jinsab sporġut ‘il barra mix-xagħra ta’ madwar il-Baħrija u li jifred lil Wied Gerżuma minn Wied il-Baħrija; ħa ismu minħabba li fuq ġenb minnhom isegwi t-tisripa ta’ Wied Gerżuma. Fuq l-art xagħrija tal-qortin hemm għadd ta’ fdalijiet arkeoloġiċi, fosthom oqbra, kalati u saħansitra tempju megalitiku żgħir. In-nuqqas ta’ apprezzament ta’ din il-wirt kulturali ħareġ ċar madwar għoxrin sena ilu, meta partijiet mit-tempju ntradmu bil-ħamrija.  Il-Qortin l-Imdawwar imil lejn it-tramuntana u jintemm f’ħarrieġa dejqa msejħa Il-Ponta tal-Qortin [59].

Il-Kappella tal-Kunċizzjoni

Wied il-Baħrija wkoll jinżel lejn Fomm ir-Riħ, din id-darba minn bejn Il-Ponta tal-Qortin u l-Ponta tal-Qlejgħa. Huwa wied twil, anzi sistema ta’ widien, u rasu tinsab f’Ta’ Wied Rini [64] ħdejn l-Imtaħleb, fejn qalb ix-xagħri hemm ħafna arbli koroh tat-telekomunikazzjoni li qed jaqgħu biċċa biċċa. Wied Rini [65] nnifsu huwa wied pjuttost baxx iżda twil, li jinżel bil-mod matul l-artijiet xagħrin ta’ Il-Wajdar [66] (kelma li tissemma fid-dizzjunarju, iżda biss bħala toponimu u ma tingħatax tifsira għaliha), Ix-Xagħra ta’ Fuq [67] (isimha magħha għax tinsab lejn ras il-wied) u Il-Borom ta’ Kosis [68]. Dan l-isem ta’ l-aħħar huwa kemmxejn kurjuż, ġaladarba ma jidhirx li hemm ebda blata jew struttura qisha borma. Min jaf jekk fil-fatt hux xi plural ieħor minsi ta’ ‘brama’, li tfisser qasma fil-blat jew inkella nixxiegħa taħt l-art? F’din il-parti ta’ Wied Rini fil-fatt hemm mina ta’ l-ilma,  b’niċċa quddiema li ġġib l-annu 1875 – forsi bħalha hemm oħrajn ukoll? Jew inkella suppost li niktbu ‘borgħom’, li hija xitla li tikber fix-xagħri? S’issa għad m’għandix tweġiba. Misturin wara l-mina u n-niċċa, hemm xi oqbra antiki mħaffrin fil-ġenb ta’ għolja tawwalija msejħa Ta’ Fantin [69]. Wied Rini jikser madwar din l-istess għolja sewwasew ħdejhom, u jgħaddi bejnha u bejn in-naħa l-ġewwenija tax-Xagħra tal-Vigarju. Ftit wara jingħaqad miegħu Il-Wied taż-Żebbuġ [70], wied ieħor imdaqqas li jinżel matul in-naħa l-oħra tal-għolja. Dan jibda mill-artijiet Ta’ Wied iż-Żebbuġ [71] (mhux wisq ‘il bogħod mill-kumpless ta’ giren imlaqqam It-Torri [72], li jispikka int u dieħel lejn il-Baħrija min-naħa tar-Rabat), u mbagħad ikompli minn bejn Iż-Żinżla [73] (imsemmi għal siġra taż-żinżel, b’mina oħra ta’ l-ilma qribha) u Ta’ Namura [74], fejn hemm xi għerien li kienu jintużaw bħala mqawel. Fil-qrib hemm ukoll Il-Ġnien tan-Nigra [75], imkennen ġo fergħa ċkejkna tal-Wied taż-Żebbuġ.

Malli jingħaqdu Wied Rini u l-Wied taż-Żebbuġ jibda Il-Wied tal-Marġa [76], mogħni b’miġra ta’ ilma ġieri matul is-sena kollha. Għaldaqstant, huwa fost il-ftit imkejjen fejn jikbru xtieli, annimali u siġar li jeħtieġu ambjent umdu, fosthom il-granċijiet jew qwabar ta’ l-ilma ħelu li dan il-wied huwa tant magħruf għalihom u s-siġar salvaġġi tal-luq li taw isimhom lill-artijiet ta’ ma’ qiegħ il-wied (Ta’ Ħbuliet il-Luq [77]). Aktar ‘l isfel, sewwasew qrib ġemgħa djar qodma magħrufin bħala Ir-Razzett tas-Sirena [78], għandu fergħa żgħira (Il-Wied tas-Sirena [79]) u nixxiegħa bl-istess isem (L-Għajn tas-Sirena [80]). Mhux wisq ‘il bogħod, il-Wied tal-Marġa jifnad u jibdel ismu għal Wied il-Baħrija. Dan jibqa’ nieżel lejn l-artijiet Ta’ Xafura [82] li jinsabu bejn il-Qlejgħa u l-Qortin l-Imdawwar; l-ismijiet “Ta Sciaüra” u “Ta’ Sciagura” li jidhru fil-kitbiet ta’ G.F. Abela u ta’ Ciantar aktarx li huma taħsiriet ta’ dan l-isem. Fl-istess inħawi tnixxi għal ġo fih L-Għajn ta’ Snajsna [83], li toħroġ minn taħt il-Qortin l-Imdawwar. Minn hawn, il-wied ikompli triqtu lejn Fomm ir-Riħ, fejn insibu t-tieni ċarċara li tkejjel l-għoli tas-sies. Iċ-ċarċara ta’ Wied il-Baħrija hija akbar minn dik ta’ Wied Gerżuma u tixħet għal isfel kwantitajiet sew ta’ ilma. Hija maqsuma fi tnejn peress li flok taqa’ dritt għal ġol-baħar, l-ewwel tferra’ mill-għoli għal ġo ħondoq qasir (iżda fond) li jaqta’ sa nofs l-għoli tas-sies, imbagħad tfur għal isfel minn fuq il-bokka tal-ħondoq. Billi qiegħ il-ħondoq huwa ftit sulari biss ‘il fuq mill-baħar, jintlaħaq mir-raxx tal-baħar u jsibuh bħala Wied il-Mielaħ [51]. Bejnu u Ras il-Knejjes, jiġifieri bi dritt il-Ponta tal-Qlejgħa, hemm wied ieħor qasir bir-raba’ maħdum, għalkemm dan ma nafx x’igħidulu.

Bejn il-Wied taż-Żebbuġ, il-Wied tal-Marġa u Wied Gerżuma hemm medda ta’ art għolja fejn jinsab ir-raħal tal-Baħrija. Qabel ma nbelgħet mill-ħafna bini ġdid li tellfilha l-karattru kampanjol tagħha, il-Baħrija kienet raħal ieħor ċkejken u pittoresk bħall-Imtaħleb u l-Kunċizzjoni. Tista’ tgħid, kien fiha biss ġabra ta’ ftit djar qodma u xi ħwienet żgħar miġburin madwar wesgħa mdaqqsa f’salib it-toroq (Il-Misraħ [61]), bil-kappella storika ta’ San Martin [62] (imsejħa wkoll San Martin tal-Baħrija) tittawwal għal fuqhom minn wara xi mqawel antiki li hemm fuq ġenb il-Misraħ. Il-kappella li hemm illum inbniet mill-ġdid għall-ħabta tal-1684 u baqgħet isservi bħala l-knisja ewlenija tar-raħal sal-1989 meta postha ħaditulha knisja ġdida li kienet għadha kemm inbniet fuq Il-Marġa l-Wiesgħa. Iżda r-raħal ċkejken tal-Baħrija kif ukoll l-ewwel kappella tiegħu kienu diġà jeżistu fl-1575. Taħt ir-riħ tal-kappella, hemm roqgħa tonda u kbira daqs nofs ir-raħal sħiħ, bl-art tagħha kemmxejn aktar baxxa minn wiċċ il-blat ta’ madwarha. Għalkemm illum tidher pjuttost ċatta, fil-fatt hija ħofra naturali (‘dolina’) mirduma li fl-aħħar mill-aħħar kienet għar naturali daqsiex mgħawwar mill-ilma tax-xita li jiskula taħt l-art. Dan l-għar baqa’ jikber sa ma fl-aħħar sfronda, l-istess bħalma ġara fil-Maqluba ta’ ħdejn il-Qrendi, iżda din tal-Baħrija hija eqdem u fuq skala akbar. Fil-fatt, tixbaħ ħafna lil Ħofret ir-Rizz (ħdejn Misraħ Suffara) li kont semmejt meta ktibt dwar l-inħawi tal-Imtaħleb, u bħalha mhix baxxa daqs kemm tidher, għax il-fond veru tagħha jinsab midfun taħt kwantità kbira ta’ naqal u ħamrija li mlewha fuq medda ta’ eluf ta’ snin. Peress li hija kennija u għandha ħamrija fonda, fiha medda mdaqqsa ta’ raba’ maħdum, qisha oasi qalb ix-xagħri. Għandha ġenb minnhom (man-naħa tal-kappella) aktar għoli mill-bqija, qisu rdum baxx, u fih hemm għar naturali kbir u wiesa’ (L-Għar l-Iswed [63]) li jħares għal fuq il-ħofra minn wara ħajt tas-sejjiegħ qadim li jostorlu l-bokka tiegħu. Fuq in-naħa ta’ ġewwa ta’ l-għar hemm kurutur twil li tħaffer fil-blat fi żminijiet aktar reċenti, li jinfed lura għal ħdejn il-kappella wara li jikser għal darba darbtejn; mad-daqqa t’għajn jidher li seta’ kien xi xelter imdaqqas ta’ żmien il-gwerra.

Egħluq

F’dan l-artiklu nittama li rnexxieli naqsam magħkom tagħrif interessanti dwar it-toponomastika ta’ din il-parti mwarrba tal-gżira Maltija, u dwar ir-rabtiet tagħha mal-wirt kulturali, l-ambjent naturali u l-pajsaġġi tant sbieħ ta’ dawn l-inħawi. Ħ

Bħal fil-każ ta’ artikli oħrajn, ippruvajt nagħti tagħrif kemm jista’ jkun sħiħ permezz ta’ stħarriġ fuq il-post u tiftix f’sorsi oħra frammentati. Iżda anke din id-darba ltqajt ma’ għadd ta’ dettalji neqsin dwar postijiet u fattizzi naturali li bla dubju isem ikollhom, madankollu s’issa la rnexxieli nsibu dokumentat u lanqas ma rnexxieli niksbu mingħand in-nies tal-post li ltqajt magħhom matul is-snin. Għaldaqstant, inħoss li għad hemm aktar x’niskopru, u nistieden lil kull min jaf xi ħaġa oħra dwar dawn l-inħawi biex huwa wkoll jaqsamha mal-qarrejja ta’ dan il-ġurnal. Fl-aħħarnett, xtaqt niżżi ħajr lil kull min għoġbu jipprovdili mqar biċċa informazzjoni dwar l-inħawi, għax mingħajr din l-għajnuna ma kontx inkun nista’ nikteb dan l-artiklu.

Riferenzi

  1. Abela, Gio. Francesco (1647): Della Descrittione di Malta Isola nel Mare Siciliano con le sue Antichità ed Altre Notitie (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1984).
  2. Ciantar, Giovannantonio (1772): Malta Illustrata, ovvero Descrizione di Malta Isola del Mare Siciliano e Adriatico, con le sue Antichità ed Altre Notizie, Divisa in Quattro Libri, del Commendatore F. Giovanfrancesco Abela, corretta, accresciuta, e continovata dal Conte Giovannantonio Ciantar. (Libro primo e secondo). Stamperia del Palazzo MDCCLXXII. Edizzjoni facsimile mniżżla mill-Internet permezz ta’ Google Books.
  3. Ciantar, Giovannantonio (1772): Malta colle sue città, fortificazioni, terre, villaggi, valloni e luoghi alpestri, con le sue isole adiacenti. Mappa estratta minn Ciantar, Giovannantonio (1772): Malta Illustrata [ara aktar ‘il fuq] u riprodotta f’Ganado, A. (2002): Mellieħa on maps of the 16th to early 19th centuries, fil-ktieb Mellieħa Through the Tides of Time maħruġ mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fl-2002.
  4. Anon (bla data). Il-Ħajja fil-Medjuevu f’Malta: Noti Importanti (http://hostingbydavi.info/abelamario/history/wp-content/uploads/2014/04/Il-Hajja-Fil-Medjuevu-FMalta.pdf, kif deher fit-12 ta’ Settembru 2014).
  5. Anon (bla data). Kappelli Maltin: Il-Kappella ta’ San Martin – Baħrija (http://www.kappellimaltin.com/html/san_martin.html, kif deher fit-13 ta’ Settembru 2014).
  6. Anon (bla data). Kappelli Maltin: Il-Kunċizzjoni f’Wied Gerżuma – limiti tar-Rabat (http://www.kappellimaltin.com/html/wied_gerzuma.html, kif deher fit-13 ta’ Settembru 2014).
  7. Aquilina, Joseph (1987): Maltese-English Dictionary. Midsea Books Ltd.
  8. Biedja u Sajd 77-78.
  9. Buhagiar, Keith (2007). Baħrija: Its archaeological significance. Melita Historica Vol XIV no 4. pp. 357-374.
  10. Buhagiar, Mario (1988). Two archaeological sites – Ras ir-RaĦeb, Malta, and Ras il-Wardija, Gozo. Melita Historica X no.1 pp. 69-87.
  11. Castagna, Pietro Paolo (1866): Lis Storia ta Malta Bil Gzejer Tahha (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1985).
  12. Dimech, Arturo (1956). Li Storja tal-Knisja Maltija minn Naufragju ta’ San Pawl saz-Zminijiet Taghna.
  13. Fsadni, Mikiel (1990). Il-Girna: Wirt Arkitettoniku u Etniku Malti. Pubblikazzjoni Dumnikana.
  14. Geographical Section General Staff, War Office, GSGS No 3852 (1911-1940). Malta Sheets I-X. Ordnance Survey Office (Southampton).
  15. Kunsill Lokali tar-Rabat (Kumitat Amministrattiv tal-Baħrija) (2013): Minuti tal-Laqgħa Numru A28 (26 ta’ Marzu 2013) (http://www.lc.gov.mt/mediacenter/PDFs/1_Minuti%20Bahrija%20A31.pdf, kif deher fit-13 ta’ Settembru 2014).
  16. Kunsill Lokali tar-Rabat (Kumitat Amministrattiv tal-Baħrija) (2014): It-Tieni Leġiżlatura: Minuti tal-Laqgħa Numru B02 (4 t’April 2014) (http://www.lc.gov.mt/mediacenter/PDFs/1_Minuti%20tal-Bahrija%20B02.pdf, kif deher fit-13 ta’ Settembru 2014).
  17. Pedley, Martyn, Hughes Clarke, Michael & Galea, Pauline (2002): Limestone Isles in a Crystal Sea: The Geology of the Maltese Islands. Publishers Enterprises Group (PEG) Ltd.
  18. Rolé, Avertano (2007): The Terraced Landscapes of the Maltese Islands. Ippubblikat f’Pedroli B, Van Doorn A, De Blust G, Paracchini ML, Wascher D & Bunce F (ed. 2007). Europe’s living landscapes. Essays on exploring our identity in the countryside. Landscape Europe/ KNNV.
  19. Spiteri, Stephen C. (1996). British Military Architecture in Malta.

 Komunikazzjonijiet personali:

  1. Patri Martin Caruana (Baħrija), 1996.
  2. Dun Alwiġ Deguara (Imġarr), 1993.
  3. Jesmond Muscat (Ħad-Dingli), 1999.
  4. Michael Galea (Rabat), 2000.
  5. Timothy Tabone (informazzjoni mogħtija lilu minn nies tal-lokal, f’Fomm ir-Riħ), 2008.
  6. Bdiewa (anonimi) f’dawn il-lokalitajiet: Wied il-Baħrija (1996); Tas-Santi (2004).

Sajjieda (anonimi) f’dawn il-lokalitajiet: It-Trozz (1989, 2001); Ir-Raheb l-Imdendel (1999); L-Irdum tas-Sarġ (2000); Il-Blata tal-Melħ (2000, 2001); Taħt il-Ġebla (2000); L-Irdum tal-Vigarju (2002); Għar id

Werrej għall-Mappa

L-Irdum tal-Vigarju u l-Qlejgħa tal-Baħrija

1.      Wara Malta / Mal-Ġebel 2.      L-Irdum tas-Sarġ / L-Irdum tas-Segreto / Rdum is-Segrieti
3.      Ta’ Ġordajna 4.      Il-Marġa
5.      L-Irdum tal-Vigarju 6.      Il-Ħotba l-Kbira
7.      Taħt ta’ Żeppita / Taħt ta’ Żeppit 8.      Ta’ Żeppita / Ta’ Żeppit
9.      Iż-Żugraga / Iż-Żugraga l-Kbira 10.    Taħt iż-Żugraga
11.    Il-Ġebla / Iż-Żugraga ż-Żgħira 12.    Il-Pulptu
13.    Taħt il-Ġebla 14.    L-Għoli
15.    Il-Ġidra tal-Għoli 16.    Blat il-Baħrija / Il-Blat tal-Baħrija
17.    Ix-Xagħra tal-Vigarju 18.    Tal-Mas
19.    Il-Qlejgħa / Il-Qlejgħa tal-Baħrija / Il-Qalgħa tal-Baħrija 20.    Il-Ponta tal-Qlejgħa / Il-Ponta tal-Baħrija

Il-Blat tal-Baħrija

21.    Il-Blata tal-Melħ / Il-Kbira / Il-Blata 22.    Il-Kamra tal-Melħ
23.    Is-Siġġu 24.    Tal-Majjistral
25.    Il-Gallarija 26.    L-Imħôsa
27.    L-Ingiegeż 28.    Il-Minfes / Il-Ġebla Ċavi
29.    Ir-Ras tal-Blata / Ir-Ras tal-Kbira / Ir-Ras 30.    Il-Ħarq tal-Blata / Il-Ħalq
31.    Il-Blata ż-Żgħira / Iż-Żgħira 32.    It-Tumbrell
33.    Ir-Ras taż-Żgħira 34.    Il-Ħalq taż-Żgħira
35.    Ir-Rexxieqa 36.    Il-Grampun
37.    L-Għar tat-Trozz 38.    Il-Ġardin
39.    It-Trozz / Tat-Trozz

Fomm ir-Riħ u madwaru

40.    Ġebel ir-Rahebar 41.    Ir-Raheb l-Imdendel / L-Imdendel / Ir-Raheb / Ir-Raheb l-Imgħarraq
42.    Ras il-Knejjes / Ras ir-Raheb 43.    Għajn Bierda
44.    L-Irdum ta’ Fomm ir-Riħ / L-Irdum ta’ Wara d-Djar 45.    L-Irdum l-Aħmar
46.    Rdum il-Pellegrin 47.    Ir-Ramla ta’ Fomm ir-Riħ
48.    Fomm ir-Riħ 49.    Ta’ L-Abatija
50.    L-Imġarr ta’ Ġewwa / L-Imġarr il-Ġewwieni 51.    Wied il-Mielaħ

Il-Baħrija u madwarha

52.    Wied Gerżuma 53.    Il-Kunċizzjoni
54.    Tal-Marġa / Il-Marġa l-Wiesgħa 55.    Ta’ Gerżuma
56.    Ta’ Għasfura 57.    Ta’ Kalumija
58.    Il-Qortin l-Imdawwar 59.    Il-Ponta tal-Qortin
60.    Il-Baħrija 61.    Il-Misraħ
62.    San Martin / San Martin tal-Baħrija 63.    L-Għar l-Iswed
64.    Ta’ Wied Rini 65.    Wied Rini
66.    Il-Wajdar 67.    Ix-Xagħra ta’ Fuq
68.    Il-Borom ta’ Kosis 69.    Ta’ Fantin
70.    Il-Wied taż-Żebbuġ 71.    Ta’ Wied iż-Żebbuġ
72.    It-Torri 73.    Iż-Żinżla
74.    Ta’ Namura 75.    Il-Ġnien tan-Nigra
76.    Il-Wied tal-Marġa 77.    Ta’ Ħbuliet il-Luq
78.    Ir-Razzett tas-Sirena 79.    Il-Wied tas-Sirena
80.    L-Għajn tas-Sirena 81.    Wied il-Baħrija
82.    Ta’ Xafura 83.    L-Għajn ta’ Snajsna