Wieħed mill-oqsma tal-kultura Maltija li minn dejjem laqatni huwa t-toponomastika, jiġifieri l-istudju ta’ l-ismijiet tal-postijiet. Għax minbarra li jservi bħala mezz ta’ identifikazzjoni ġeografika, kull isem huwa mgħobbi bl-informazzjoni dwar l-art fejn jinsab, u xi ismijiet qodma iservu wkoll bħala l-aħħar ħażniet ta’ kliem Malti li llum qajla għadu jintuża u li għaldaqstant qed igħib għal dejjem. Tista’ tgħid li kull rokna fil-Gżejjer Maltin għandha isimha, xhieda ta’ l-attenzjoni li missirijietna kienu jagħtu lid-dettalji li kienu jilmħu madwarhom. F’dan l-artiklu xtaqt naqsam magħkom xi tagħrif li ġbart proprju dwar l-iżgħar fost it-tliet gżejjer ewlenin tagħna: Kemmuna. Billi Kemmuna hija magħrufa l-aktar għal xtutha, jixraq li nibdew bi vjaġġ mad-dawra tagħha; nitilqu sewwasew mill-iskoll kbir ta’ Kemmunett, li jinsab biswitha u li wkoll fih it-toponomastika tiegħu.

Kitba ta’ Alex Camilleri. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 8 (2004) Nru 28. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Kemmunett u Bejn il-Kmiemen

L-isem Kemmunett mhux għajr forma diminuttiva ta’ “Kemmuna”, minħabba r-rabta ġeografika bejn iż-żewġ gżejjer. Għalkemm tassew ċkejken (b’ medda ta’ 0.1 km2), Kemmunett għandu għamla ta’ gżira żgħira kompluta, aktar milli ta’ sempliċi skoll; għandu forma ta’ “S”, b’irjus ta’ blat maħruġa ‘l barra u daħliet tal-baħar minquxin bejniethom. Hemm saħansitra l-ħjiel ta’ wied, il-fdalijiet immermra ta’ porvlista ta’ żmien l-Ingliżi, u binja qadima donnha razzett b’taraġ wiesa’ għall-baħar. Il-ġenb ta’ Kemmunett li jħares lejn in-nofsinhar hu magħmul minn sies imdawwar u għoli, li jħaddan taħtu bajja żgħira miżgħuda b’għadd ta’ għerien dojoq u tawwalin. Is-sies jitbaxxa lejn il-lbiċ, u jintemm ħesrem f’Ras it-Tumbrell. Minn hawn, il-kosta tilwi lejn il-majjistral u tinbidel f’xatt baxx li jibqa’ sejjer matul il-baħar miftuħ sas-Sikka ta’ Kemmunett. Din is-sikka twila, li tħares lejn il-port ta’ l-Imġarr f’Għawdex, illum hija immarkata permezz ta’ baga minħabba li hija ta’ tiġrib għall-baħħara.

Bejn il-Kmiemen

Max-xaqliba l-oħra ta’ Kemmunett, sewwasew faċċata Kemmuna, hemm ukoll Ir-Ramla ta’ Kemmunett. Din id-daqsxejn ta’ ramla għandha għamla unika fil-Gżejjer Maltin: ma tinsabx ġo bajja, u tmiss mal-baħar fuq żewġ fronti opposti. Lejn il-punent għandha medda ta’ baħar li tifridha minn Kemmuna, filwaqt li mil-lvant il-baħar miftuħ jilħaqha minn ġo għar twil. Biswit Kemmunett, naraw żewġ skollijiet kbar u għoljin li, flimkien ma’ sitt blatiet oħra ferm iżgħar u baxxi mal-baħar, jissejħu L-Iskolji ta’ Bejn il-Bibien. M’għandniex xi ngħidu, il-fliegi qosra iżda mwiegħra li jifirduhom minn xulxin (kif ukoll minn Kemmunett u mill-eqreb ras ta’ Kemmuna) huma magħrufa mill-baħħara bħala Il-Bibien. Hawnhekk naraw ukoll żewġ ħnejjiet naturali mdaqqsin (jixbħu lit-Tieqa tad-Dwejra f’Għawdex, iżda iżgħar) li jidhru sew minn fuq il-vapur t’Għawdex meta dan ikun bi dritt Kemmuna.

Il-Bibien jiftħu għal ġo fliegu ferm itwal u pittoresk li jaqta’ għal kollox lil Kemmunett u l-Iskolji minn Kemmuna: Bejn il-Kmiemen, illum kummerċjalizzat bħala “Blue Lagoon”. Ta’ min igħid li l-isem kummerċjali, li b’xorti ħażina qed iwassal biex bil-mod il-mod jintesa l-isem proprju tal-post, lanqas biss huwa korrett għax din mhix laguna. Interessanti wkoll li hawn insibu l-uniku użu tal-plural miksur tal-kelma “Kemmuna” fl-ilsien Malti, u marbuta ma’ din il-lokalità nsibu wkoll idjoma partikolari li tintuża meta xi ħadd ikun indeċiż u bejn ħalltejn: “ninsab bejn il-kmiemen” (Aquilina, 1987). Sewwasew bi dritt ir-Ramla ta’ Kemmunett, il-qiegħ ta’ dan il-fliegu tant jitbaxxa li, jekk il-baħar ikun fieragħ, tista’ timxiha minn gżira għall-oħra bla ma tgħaddas rasek taħt l-ilma.

Insibu toponimi oħra marbutin ma’ Bejn il-Kmiemen. Ngħidu aħna, il-binja qadima li llum tintuża bħala latrina pubblika (iżda li dari kienet tal-gwardja kostjera) għadha magħrufa bħala L-Għassa ta’ Bejn il-Kmiemen. Ftit aktar lejn it-tramuntana, insibu daħla ċagħqija ħelwa taħt irdum baxx (magħmul minn blat artab kemmxejn ħamrani msejjaħ “depożitu Kwaternarju” mill-ġeologi), maqsuma fi tnejn minn ħarrieġa blat magħrufa bħala Iż-Żurżieqa, li matulha tista’ tinżel minn fuq l-irdum għall-baħar. Il-Ħnejja ta’ Bejn il-Kmiemen (arkata naturali ċkejkna) tinsab eżatt taħt iż-Żurżieqa, u ftit aktar ‘il hinn tinsab Is-Sikka ta’ Bejn il-Kmiemen jew Tax-Xilep. Din is-sikka hi parti mill-qortin (L-Imriek) li jofroq il-baħar ta’ Bejn il-Kmiemen minn dak tal-Fliegu t’Għawdex, il-medda baħar li tinsab bejn Kemmuna u Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex u li tifred liż-żewġ gżejjer minn xulxin.

Il-Fliegu t’Għawdex

L-Għassa fil-Qala ta’ Santa Marija

Matul dan il-fliegu, il-kosta ta’ Kemmuna tista’ titqies bħala sensiela ta’ tliet bajjiet imdaqqsin b’ħarriġiet ta’ art bejniethom iħarsu lejn Għawdex. Malli taqbeż is-Sikka ta’ Bejn il-Kmiemen u l-għar għoli (msejjaħ Għar Għana) fuq ix-xaqliba l-oħra ta’ l-istess ras, titfaċċa Daħlet il-Ħmara, l-inqas magħrufa fost dawn il-qaliet minħabba li mhix ramlija bħall-oħrajn. Minn dan il-post igħaddu l-cables u katusi ta’ l-ilma lejn Għawdex; u xi strutturi relatati fil-fatt inaqqsu mis-sbuħija ta’ din il-bajja pittoreska minħabba li ftit li xejn sar sforz biex dawn ikunu jaqblu aktar ma’ l-ambjent tal-post. Biex tgħaxxaqha, parti sew mill-għolja Ta’ Saver (li tħares fuq il-ġenb l-ieħor tal-bajja) tnaqqret ukoll minn żvilupp turistiku fil-viċin u munzell għoli ta’ blat maqtugħ intafa’ qrib ix-xatt.

Il-Qala ta’ San Niklaw, kultant magħrufa wkoll bħala Il-Port ta’ San Niklaw, tinsab ftit ‘il bogħod. Din id-daħla b’żewġ ramliet, imsemmija għal kappella li dari kienet tinsab fil-qrib, hija mifruda minn Daħlet il-Ħmara permezz ta’ ponta tawwalija msejħa Tal-Fanal, li fuqha għadhom jidhru l-fdalijiet ta’ lampa tal-ħadid (xi pied ‘il fuq mill-quċċata baxxa ta’ l-art) li kienet tiggwida lill-baħħara. Il-ponta hija pjuttost stramba, peress li narawha maqsuma fi tnejn minn daħla ta’ baħar dejqa, tawwalija u bi ġnub għoljin donnha ħondoq, li aktarx hija l-fdal ta’ għar twil li llum sfronda. Il-ġenb sħiħ tal-Qala ta’ San Niklaw illum huwa meħud minn lukanda kbira, li għarrqet mhux ftit l-ambjent u l-karattru tal-post. Wara waħda mir-ramliet żgħar fuq ġewwanett tal-qala, li illum huma wkoll privati u mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku, insibu għadd kbir ta’ qasab li jikber folt peress li din hi l-bokka ta’ wied żgħir (Il-Wied ta’ San Niklaw). Ftit metri ‘l bogħod mir-ramla ewlenija jinsab Il-Banju tas-Sinjura, għar ċkejken fil-baħar b’taraġ qadim maqtugħ fis-saqaf tiegħu għal għanijiet li mhumiex magħrufa u li wasslu biex inħolqot leġġenda fost l-abitanti ta’ l-imgħoddi dwar mara li kienet tinżel dan it-taraġ u tgħib f’daqqa.

Il-Kappella ta’ Santa Marija tal-Eġittu

Jekk inkomplu nduru max-xatt skond id-direzzjoni ta’ l-arloġġ, nerġgħu noħorġu ‘l barra mill-qala. U hekk naslu ħdejn Ħarġet l-Ozju, skoll wiesa’ maqtugħ għal kollox mill-art permezz ta’ ħondoq dejjaq bi ġnub weqfin, ħlief għal pont naturali li jsaqqaf parti mill-ħondoq. Din il-formazzjoni tal-blat, li f’xi kitbiet qodma qegħda indikata bħala “Ħaġret Kuzzu” jew “Ħaġret l-Użif”, inħolqot wara li parti minn xaqq kbir fil-blat (wieħed mill-faults ġeoloġiċi tas-sistema li fatmet ‘il Kemmuna minn Għawdex u Malta) sfat mgħarrqa u mwessgħa mill-baħar. U fil-qrib hemm ukoll L-Għar ta’ Ħaġret l-Ozju, għar żgħir fil-baħar li huwa imsejjaħ ukoll Għar id-Dubbien. Tgħid hija biss kumbinazzjoni li meta tidħol fl-għar idur għalik xebgħa nemus kbir li jistkenn fl-għar? Fil-qrib jibda kumpless turistiku ieħor (it-tieni medda mdaqqsa ta’ bini fuq din in-nitfa ta’ gżira !) li wkoll jidher bħal ġerħa kbira fil-pajsaġġ ta’ madwaru. Minn hawn ikollna ngħaddu minn mogħdija dejqa max-xifer tal-baħar, għax l-iżvilupp iwassal kważi sax-xatt, sa ma naslu fil-Qala ta’ Santa Marija (jew Il-Port ta’ Santa Marija). F’din il-bajja hemm l-akbar ramla f’Kemmuna, imwennsa minn masġar ta’ bruk xjuħ u minn bini antik (L-Għassa) li għadu jintuża sa llum mill-pulizija. Il-post ħa ismu mill-kappella antika ta’ Santa Marija ta’ l-Eġittu li għadha tinsab fil-qrib, u li hi meqjusa bħala waħda mill-eqdem fil-ġżejjer Maltin, iżda l-abitanti tal-post aktar jafuh bħala Il-Kola (aktarx taħsira djalettali ta’ “qala”). Anke l-wied kbir li jiżbokka hawn huwa magħruf bħala Il-Wied tal-Kola; dan iħaddan fih il-kotra tal-ftit raba’ li jeżisti fuq Kemmuna, u fih iferrgħu erba’ widien oħra li nitkellmu dwarhom dalwaqt.

L-Għerien tal-Imnieri

Kif nerħu r-ramla, naslu mill-ewwel f’wieħed mill-aktar imkejjen esposti f’Kemmuna: L-Imnieri. Fuq in-naħa ta’ ġewwa (biswit il-bajja), dan l-ilsien kbir ta’ art jidher bħala xatt baxx li jkennen ir-ramla u li jibqa’ ħiereġ sal-Ponta ta’ l-Imnieri. Dan huwa l-aktar tarf imbiegħed tal-gżira fuq in-naħa tal-grigal; bejnu u Ras il-Qala jintemm il-Fliegu t’Għawdex. F’din il-ponta hekk mikxufa, kif ukoll fi blata qribha mlaqqma Iż-Żerżieqa, il-qilla tal-maltemp naqqxet il-blat biex iffurmat mill-inqas żewġ ħnejjiet naturali u sensiela ta’ skollijiet baxxi; wieħed minnhom huwa maqtugħ ‘il barra sew bi dritt il-ponta u jissejjaħ bħalha (L-Iskoll ta’ l-Imnieri). Minħabba li d-dawra tal-ponta bis-sikek u l-iskollijiet tagħha hija mwiegħra għall-opri tal-baħar, jidher li fl-imgħoddi kienu jitqiegħdu xi dwal għall-baħħara; xhieda ta’ dan huwa listess isem “imnieri”, li mhuwiex għajr plural antikwat tal-kelma “mnara” (illum jintuża l-plural “imnajjar” minflok). Ix-xaqliba l-oħra ta’ din il-peniżola li tħares lejn il-baħar miftuħ tissejjaħ L-Imnieri ta’ Barra; hawnhekk, il-blat jogħla f’daqqa u jitfaċċaw għall-ewwel darba sisien għoljin u weqfin.

L-Irdum ta’ Kemmuna

L-ewwel ma naraw malli nibdew telgħin lejn il-quċċata huma żewġ daħliet imnaqqrin fis-sies u mħaddnin taħtu. It-tnejn li huma jidhru miżgħuda b’għerien kbar fil-baħar, li flimkien jissejħu L-Għerien ta’ l-Imnieri. Huwa post li jgħaxxaq bi sbuħitu, u huwa mfittex ħafna mill-bugħaddasa minħabba li fih ukoll għar twil taħt wiċċ l-ilma. Tassew ħaqqu prosit min, fis-snin sittin, fettillu jiftaħ bokka tad-dranaġġ proprju hawnhekk biex jaqdi l-ħtiġijiet ta’ l-istess żvilupp turistiku li ħassar il-bajjiet l-oħra! Faċċata l-Għerien ta’ l-Imnieri, is-sies jerġa’ jisporġi ‘l barra fil-Ponta tal-Merieħa (forsi taħsira ta’ “mirjieħa”, meta tqis il-qagħda mikxufa tagħha?). Ftit ‘il bogħod tidher Il-Bieqa (roqgħa ta’ tirxien kbar li nqatgħu mis-sies u waqgħu għal ġol-baħar) u mbagħad l-arkata kbira naturali magħrufa bħala Id-Darsa (minħabba l-għamla tagħa li tixbaħ lil darsa maqlugħa bl-egħruq mikxufa); din ta’ l-aħħar hemm ukoll min isejħilha “Sorm l-Iljunfant”, xebħ kemmxejn fantażjuż u aktar reċenti.

Minn hawn ‘il quddiem, fi kliem wieħed mill-ftit residenti ta’ Kemmuna, “jispiċċa s-sies u jibda l-irdum”. Għal ħafna Maltin, “sies” u “rdum” għandhom l-istess tifsira, mentri proprjament l-irdum għandu wkoll ħafna rdim u tirxien (boulders) taħt il-faċċata għolja tiegħu. L-Irdum ta’ Kemmuna huwa rdum għoli u li jsaħħar magħmul minn blat daqshiex li jdawwar il-lvant tal-gżira; fih jistkennu ħafna agħsafar tal-baħar u għadd ta’ xtieli li jikbru biss ma’ l-irdumijiet tal-gżejjer Maltin, bħax-xebb (Darniella melitensis). Fih ukoll rokna fejn joqtor l-ilma ħelu mill-blat (Il-Qattara), li trid tixxabbat ftit biex tasal għaliha. Xi tirxien kbar huma mdawrin bil-baħar u jitqiesu bħala skollijiet; l-aktar imbiegħda mill-art hija L-Imkebba jew Il-Qaqoċċa (skoll mikul minn taħt, li għaldaqstant jistrieħ fuq għonq irqiq u qisu qaqoċċa mkebba ta’ blat ippuntat). Hemm ukoll L-Iskoll tal-Balla jew L-Iskoll tal-Kaħli (sensiela ta’ tliet blatiet kbar li jibqgħu ħerġin ‘il barra fil-baħar u jidhru sew mill-Marfa f’Malta) u Majsi. Baħħâr xiħ minn Għajnsielem darba kien irrakkuntali kif, skond ma jingħad, isem din il-blata tawwalija u dejqa (qisha nejba kbira) tnissel bħala karikatura ta’ ċertu Majsi (jiġifieri Tumas), raġel Għawdxi ta’ l-imgħoddi li kellu mixja kemmxejn partikolari: “dritta qisha Majsi”. L-eqreb faċċata ta’ l-irdum hija maħkuma minn kunsenturi kbar li jwasslu biex praxex kbar ta’ blat jinqatgħu u jiġġarrfu bi vjolenza liema bħala kull tant żmien (bħalma seħħ lejn l-aħħar tas-snin ‘80), u l-inħawi isimhom magħhom: Ta’ Prexxa (skond ir-residenti ta’ Kemmuna, li huma ta’ nisel Mellieħi) jew Ta’ Proxxa (bl-Għawdxi). Sewwasew hawnhekk, bejn Ta’ Prexxa u l-Ponta ta’ l-Aħrax f’Malta, jibda l-Fliegu ta’ Malta (għal min iħares lejh minn Kemmuna) jew Il-Fliegu ta’ Kemmuna (kif jidher mill-Aħrax tal-Mellieħa). Għalkemm dan il-fliegu huwa usa’ mill-Fliegu t’Għawdex u għandu baħar fond, mill-ġenb ta’ Kemmuna toħroġ sikka kbira li fl-1889 inkalja fuqha l-bastiment Ingliż HMS Sultan; għadha magħrufa sal-lum bħala L-Iskolji tas-Sultan, u xi mapep tal-baħħara juru wkoll sikka oħra qribha (L-Iskoll ta’ l-Abjad tal-Proxxa).

Il-Fliegu ta’ Malta u l-punent tal-gżira

Il-Mixta

Hekk kif iddur għal ġol-fliegu tintlemaħ waħda mill-isbaħ irkejjen tal-gżira: Il-Mixta. Hawn tinsab daħla żgħira bi xtajta ċagħqija, imkennija ġo għar fil-baħar taħt sies imdaqqas; fil-għoli sew eżatt fuq din id-daħla, jispikka għar baxx iżda b’ħalq kbir, qisu niċċa enormi fil-blat li tidher anke minn Malta. Il-kelma “mixta” hija nom mimmat mill-istess għerq ta’ “xita” u “xitwa”, u tfisser post li jkennen mill-elementi. Fit-toponomastika tindika l-preżenza ta’ għerien kennijin fuq l-art (bħalma naraw f’Wied il-Mixta ħdejn Bengħisa, jew f’Il-Mixta ħdejn Għajn Għabdul), u f’Għawdex anke narawha tintuża direttament minflok il-kelma “għar” (Il-Mixta ta’ Wied ir-Riħan u l-Mixta tal-Qortin, it-tnejn qrib Wied ir-Riħan fin-Nadur). Ta’ min isemmi li f’xi mapep uffiċċjali ta’ żmien l-Ingliżi l-isem narawh spellut ħażin bħala “Mishta”, filwaqt li f’xi pubblikazzjonijiet Maltin (fosthom il-mapep Ingliżi li nqalbu lura għall-Malti, kif ukoll fil-verżjonijiet tradotti tal-kitbiet magħrufa ta’ De Soldanis) din sfat mgħawwġa għal “Miskta” u saħansitra “Mistika”! Fl-istess inħawi hemm ukoll It-Trunċiera tal-Mixta, batterija ta’ żmien il-Kavallieri mibnija f’għamla ta’ nofs tond fl-1716 u armata bil-kanuni; uffiċċjalment kienet imsejħa “Batteria di Santa Maria” u t-triq antika li tgħaqqadha mat-torri (li għadha teżisti wkoll) hija murija fil-mapep bħala “Triq il-Batterija”. Sewwasew taħt it-trunċiera hemm skoll imdaqqas fil-baħar u arkata naturali fil-baħar li tissejjaħ Il-Ħnejja jew inkella L-Arkata. Lanqas jitwemmen li post il-ġmiel tiegħu bħalma huwa dan intagħżel fl-1980 biex fih issir bokka oħra tad-dranaġġ, f’dal-każ għal razzett tal-ħnieżer!

Il-Batterija ta’ Santa Marija jew kif inhi margħrufa wkoll: It-Trunċiera tal-Mixta

Il-bqija tal-ġenb ta’ Kemmuna li jħares lejn Malta huwa xatt baxx u pjuttost monotonu, li matulu tista’ tgħid tispikka biss id-daħla ta’ Wied Ernu, li llum isservi bħala l-port ewlieni ta’ Kemmuna peress li fiha jistgħu jorbtu bastimenti mdaqqsin. L-isem ta’ din il-bajja spiss jidher fil-mapep bħala “Wied Ternu” (aktarx taħsira ta’ “Wied t’Ernu”) u kittieba oħra rnexxielhom ikissruh għal “Wied Ormu” wkoll; iżda lkoll isemmu l-“wied”, li fil-fatt bilkemm jidher meta żżur il-post. Il-promontorju, jew aħjar qortin, li jkennen lil dan il-port żgħir min-naħa tal-punent (bejn wieħed u ieħor taħt it-torri) jissejjaħ Il-Qortin tas-Suldati. Man-naħa l-oħra ta’ Wied Ernu hemm għar imdaqqas b’toqba fis-saqaf (blowhole) li minnha r-raxx tal-baħar ifawwar fil-maltemp. Għall-kompletezza, nsemmu wkoll Is-Sala (wesgħa żgħira bejn Il-Mixta u Wied Ernu, fejn ġieli tiltaqa’ ma’ xi sajjied bil-qasba li jkun intasab hemm għall-kwiet), Ix-Xifer l-Aħmar jew Il-Faxx (saff irqiq ta’ blat ħamrani, magħmul minn ħamrija iffossilizzata li tissejjaħ “depożitu Kwaternarju” mill-ġeologi), Taħt l-Imnadar  (fejn dari kien hemm mandra qadima li minnha m’għad fadal xejn għajr ħajt tas-sejjiegħ imġarraf) u Taħt it-Torri. Il-post ismu miegħu, għax fuq din ix-xaqliba jsaltan It-Torri ta’ Kemmuna (magħruf mill-abitanti bħala It-Torri), li kien inbena mill-Granmastru Alof de Wignacourt fl-1618 u kien uffiċċjalment imsemmi “Torre di Santa Maria”. Fil-viċin tinsab ukoll Il-Ponta Rqieqa (kultant imsejħa wkoll L-Irqieqa ta’ Kemmuna jew Ir-Ras l-Irqieqa), ilsien dejjaq u baxx faċċata ċ-Ċirkewwa f’Malta, fejn il-Fliegu jiftaħ mill-ġdid għal ġol-baħar miftuħ u għaldaqstant spiss ikun hemm kurrent qawwi.

L-Iskoll ta’ taħt il-Mazz u L-Għar ta’ Bla Saqaf

Malli ddur mal-ponta, li tingħaraf mill-bogħod permezz tal-fanal żgħir li jinsab fuqha, il-bixra tal-kosta terġa’ tinbidel. Il-blat jogħla f’daqqa sa ma jsir sies ta’ bosta sulari, imsejjaħ Il-Mazz, li jdawwar qala imdaqqsa u sabiħa ferm li hija msemmija għalih: Il-Qala tal-Mazz. ħarsa mill-qrib lejn dawn l-inħawi, mill-Ponta Rqiqa ‘l ġewwa, turina għadd ta’ skulturi naturali, waħda isbaħ mill-oħra: Il-Ħruq ta’ l-Irqieqa (żewġt ixquq, jew ħruq, qrib il-ponta), L-Għar ta’ Taħt it-Torri (għar kbir u fond, b’ramla ġo fih), L-Iskoll ta’ Taħt il-Mazz (skoll għoli xi seba’ sulari u bil-ponta, qisu nejba ġganteska ħierġa minn wiċċ il-baħar), u L-Għar ta’ Bla Saqaf. Dan ta’ l-aħħar ġieli jissejjaħ ukoll It-Tieqa jew Taħt il-Ħnejja, u huwa ħofra kbira u fonda qrib xifer l-irdum, b’żewġ bokok daqshiex: waħda fil-ġenb ta’ l-irdum li minnha jidħol il-baħar, u oħra fis-saqaf li tinfed ma’ wied żgħir qrib l-irdum. L-għamla ta’ dan l-iskerz tan-natura tixbaħ kemmxejn lill-Maqluba (qrib il-Qrendi f’Malta), tant li xi geoloġi jaħsbu li ssawwar bl-istess mod bħala dagħbien kbir taħt l-art li mbagħad aktar tard il-baħar nifidlu ġenbu. Il-wied ċkejken li llum iferra’ (jew aħjar isawwab, għax mill-għoli) l-ilma tiegħu għal ġol-Għar ta’ Bla Saqaf huwa l-Wied ta’ Skalanova, u jidher li ħa ismu minn taħsira ta’ “Scalo nuovo”, taraġ li kien inqata’ fil-blat fl-inħawi ta’ Il-Bibien (li jinsabu fil-viċin) xi ftit aktar minn mitt sena ilu bħala post għall-iżbark u li llum ittiekel mill-elementi tant li bilkemm għadu jidher. ħarsa lejn mappa, jew aħjar lejn ritratt mill-ajru, malajr turi li dan il-wied aktarx kien ferm akbar, u li Il-Bibien u Bejn il-Kmiemen mhumiex għajr partijiet mill-bokka tal-wied li llum jinsabu mgħarrqa taħt il-baħar. Dan ifisser ukoll li Kemmunett u l-Iskolji ta’ Bejn il-Bibien dari kienu biċċiet mill-ġenb tal-wied, li maż-żmien tnaqqxu u tkissru mill-baħar sa ma ġew kif nafuhom illum.

Il-Ponta L-Irqieqa

Ftit ‘il bogħod mill-Wied ta’ Skalanova tinsab daħla tal-baħar bi ġnub għoljin u kennija ħafna, li għandha bokka idjaq mill-bqija tad-daħla. Tissejjaħ Il-Bejta tal-Fenek (forsi minħabba l-għamla ta’ mina twila naturali b’saqaf baxx li tinfdilha l-ġenb) u aktarx hija wkoll il-fdal ta’ ħofra fonda oħra daqshiex li sfrundat taħt il-Wied ta’ Skalanova, tant li l-fdalijiet tal-mogħdija ta’ l-ilma (li kienet tkompli mal-wied) għadhom jidhru minquxa fuq iż-żewġ naħat tagħha bil-baħar bejniethom. Hija tassew ħasra li fl-1990 ftit li xejn ingħata każ tal-ħarsien ta’ dan l-ambjent hekk sbejjaħ meta ddaħħlu l-inġenji u l-blat tqatta’ bl-addoċċ biex sar moll f’din id-daħla, tant li tħalliet tiċrita kerha f’din ir-rokna hekk pittoreska. Wara l-Bejta tal-Fenek nerġgħu naslu ħdejn Il-Bibien, u b’hekk dorna dawra sħiħa max-xtut tal-gżira.

L-intern tal-gżira

Il-ġewwieni tal-gżira tista’ tgħid li huwa magħmul minn sensiela ta’ għoljiet mirjieħa b’art xagħrija (jiġifieri ambjent bil- blat fil-wiċċ, fejn jibker is-sagħtar u xtieli oħra li jixbħuh), mifrudin minn widien baxxi. L-ogħla quċċata, sewwasew fuq L-Irdum ta’ Kemmuna, qiegħda f’Tal-Liebru u taqbeż il-225 pied minn wiċċ il-baħar; jista’ jkun li l-isem għandu x’jaqsam mal-fniek tal-grixti li jiġġerrew hawnhekk, peress li “liebru” ġieli tintuża biex tirreferi għall-fenek salvaġġ. Warajha tiġi l-Ħatba s-Sewda (għolja xi 200 pied), li qiegħda aktar lejn il-lbiċ qrib ir-razzett tal-ħnieżer; ta’ min igħid li l-kelma “ħatba” hija biss forma djalettali ta’ “ħotba”, u li l-isem m’għandu xejn x’jaqsam max-xitla magħrufa bħala “ħatba s-sewda”, minkejja li din tikber hawn. F’għoli ta’ 175 pied hemm ukoll Il-Wardija, li kemm isimha (taħsira ta’ “guardia”) kif ukoll ix-xaqliba fejn tinsab (qrib it-torri) jindikawha bħala lokal mnejn kienet issir l-għassa. Skond xi awturi, x’imkien f’Kemmuna hemm ukoll Ħotbet il-Fejġel, iżda din qatt ma rnexxieli niskopri fejn qiegħda.

Il-Palazz

Hemm tliet sistemi ta’ widien ewlenin: Il-Wied tal-Kola, Wied San Niklaw u l-Wied ta’ Skalanova, li diġà ltqajna mal-bokok tagħhom matul id-dawra tal-kosta. L-akbar sistema hija dik tal-Wied tal-Kola; għal ġo dal-wied jiftħu erba’ widien oħra li jibdew proprju bejn l-għoljiet li għadna kemm semmejna: Il-Wied l-Aħmar (l-akbar fost il-widien, li ħa ismu mil-lewn ħamrani ta’ l-art, aktarx minħabba xi depożiti Kwaternarji li jinsabu mal-ġenb tal-punent tiegħu); Wied Imdied (wied ieħor imdaqqas, li ismu jidher indirettament f’xi mapep billi l-artijiet ta’ madwaru huma indikati bħala Ta’ Wied Imdied); Il-Wied tal-Bieqa (wied baxx ħafna, li jibda minn fuq l-irdum bi dritt Il-Bieqa), u wied ieħor żgħir wara l-kappella. L-art imżerżqa magħrufa bħala It-Taġen, biswit il-kappella, ukoll tferra’ għal ġol-Wied tal-Kola.

Partijiet imdaqqsin minn dawn il-widien (għajr għall-Wied ta’ Skalanova) fihom ir-raba’ maħdum, u xi nħawi oħra aktarx li kienu jinħadmu fl-imgħoddi. Għaldaqstant, niltaqgħu ma’ bosta ismijiet ta’ egħlieqi msemmija għall-prodotti tar-raba’ jew għal dettalji agrikoli oħra: Tar-Rummien (fil-Wied tal-Kola), Tal-Palma (f’Wied Imdied), Tal-Ful (fuq Bejn il-Kmiemen), Tad-Demmiela (fir-ras ta’ Wied Imdied) u Fuq il-Qiegħa (ħdejn il-Wardija). Qrib tal-Wardija nsibu wkoll żewġ ismijiet marbutin mat-trobbija tal-bhejjem: Dar il-Baqra li fil-fatt huwa għar artifiċjali qadim li kien jintuża bħala maqjel, u Ta’ l-Ifrat (plural ta’ fart, jiġifieri barri). Ma’ dawn inżidu wkoll l-ismijiet li juru d-daqs tal-għalqa, il-kwalità tal-ħamrija, jew l-għamla tar-raba’: Il-Wejba (fil-Wied tal-Kola), Il-Modd (fuq L-Irdum ta’ Kemmuna), It-Tliet Imdied (bejn Il-Wied l-Aħmar u Wied Imdied), Il-Ħażina (fir-ras ta’ Wied Imdied), Ir-Ramlija (fuq Bejn il-Kmiemen, u li xi żmien ilu kienet bdiet tintuża bħala miżbla) u Tal-Maktur (qrib Il-Ħażina); minkejja isimha, Il-Ħażina fiha masġar qadim u sabiħ magħmul minn għadd ta’ siġar xjuħ taż-żebbuġ. Jidher ukoll li fl-imgħoddi l-art fuq Kemmuna kienet imqabbla għand aktar minn gabillott wieħed, bħalma jixhdu Ta’ Caruana (taħt Il-Wardija) u Ta’ Ġaland (qrib tal-Bejta tal-Fenek).

Toponimi oħra jagħtuna ħjiel ta’ dettalji ġeoloġiċi, billi jiddeskrivu l-lewn tal-blat u l-ħamrija li tifforma minnu. L-istess bħall-Wied l-Aħmar u l-Ħatba s-Sewda li diġà semmejna, għandna wkoll Il-Ħamra jew L-Għalqa l-Ħamra (isem ieħor għall-Modd) u l-Ħabel l-Abjad (taħt il-Ħatba s-Sewda). Il-kelma “ħabel” hawn tfisser għalqa tawwalija u dejqa fuq ġenb ta’ wied, u m’għandhiex x’taqsam ma’ l-irbit. U nsibu wkoll mill-inqas toponimu wieħed (Tal-Berwieq, fuq Wied Ernu) marbut ma’ l-ekoloġija tal-post, peress li jirreferi għal xitla salvaġġa li hija kotrana fl-inħawi u li tindika l-kundizzjoni ta’ ambjent imfaqqar (aktarx wara sfruttar bla rażan mill-bniedem fl-imgħoddi) li qed jibda jirkupra, bħalma kultant naraw fl-egħlieqi li jkunu ilhom żdingati.

It-Torri ta’ Kemmuna

Ngħidu xi ħaġa fuq xi binjiet storiċi u fdalijiet qodma li jinsabu fuq Kemmuna. L-aktar magħrufin fosthom qegħdin qrib tal-baħar u għaldaqstant diġà tajniehom titwila: il-kappella ta’ Santa Marija, It-Torri, It-Trunċiera tal-Mixta, u ż-żewġ għases. Iżda hemm oħrajn ukoll. Bla dubju, l-akbar u l-aktar importanti huwa Il-Palazz, bini qadim ta’ żmien il-Kavallieri (fih ukoll stemma ta’ xi Granmastru minquxa f’wieħed mill-ħitan, iżda din bilkemm tingħaraf tant kemm hi mikula) li jinsab qrib ħafna tat-Torri u li tkabbar madwar mitt sena ilu biex jintuża bħala sptar. Għalhekk huwa magħmul minn swali mdaqqsa li jagħtu għal fuq kuruturi miftuħin bil-loġoġ madwar bitħa kbira li għandha t-titlu uffiċċjali ta’ “Misraħ il-Libertà”, isem kolonjali kemmxejn bombastiku li aktar tistenna li tiltaqa’ miegħu f’xi pjazza ewlenija ta’ belt kbira milli fuq gżira kważi diżabitata! Il-ftit residenti tal-gżira llum joqogħdu fil-Palazz jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu.

It-triq li tgħaddi minn quddiemu ssemmiet “Triq Congreve”, għall-gvernatur Ingliż Sir Walter Norris Congreve. Din it-triq tibqa’ sejra sa Santa Marija (sewwasew sa moll u remissa qodma qrib l-Għassa, li kellhom x’jaqsmu ma’ l-użu ta’ l-isptar), filwaqt li fergħa tagħha (“Triq Kemmunett”) twassal għal Bejn il-Kmiemen u San Niklaw. F’salib it-toroq, hemm siġra tal-bruk (Tamarix africana) magħrufa bħala Is-Siġra tan-Nofs, u eżatt warajha jidher ukoll Il-Forn, bini ieħor imdaqqas madwar bitħa kbira kompluta b’għadd ta’ mqawel. Dari fih kien jinħema l-ħobż, u għad li partijiet mill-bini llum qed jaqgħu, it-tagħmir prinċipali (il-forn tal-ħobż, il-bank tal-ġebel bil-lembijiet fejn kienet issir l-għaġna, u l-armadji fejn l-ikel kien jitqiegħed biex jibqa’ sħun) għadu sħiħ peress li kien ġie irrestawrat xi snin ilu. Fuq għolja fil-qrib hemm ukoll ċimiterju qadim, li jintagħraf mill-bogħod billi huwa mdawwar b’ħajt għoli.

Iċ-Ċimiterju

Fix-xagħra ta’ wara l-Forn hemm bir qadim magħruf bħala Il-Bir tat-Tiġieġ, li ta ismu lill-art kemmxejn ogħla li tifirdu minn San Niklaw: Fuq il-Bir tat-Tiġieġ. Jeżistu wkoll bjar oħra qodma: wieħed qrib il-kappella ta’ Santa Marija, u ieħor fond ħafna mistur qalb ix-xagħri qrib il-Wied tal-Bieqa. Hemm ukoll spejjer fondi, uħud minnhom armati bi ġwiebi qodma maġenbhom u bi kmamar għall-makkinarju goff li kien jintuża fi snin mgħoddija għall-ippumpjar ta’ l-ilma tal-pjan. Fost dawn il-kumplessi għandna Il-Mutur ta’ San Niklaw (ħdejn ras il-Wied ta’ San Niklaw), Il-Mutur tan-Nofs (fejn il-Wied l-Aħmar u Wied Imdied jingħaqdu mal-Wied tal-Kola) u tnejn oħra bħalhom, fil-Wied tal-Kola u l-Wied l-Aħmar.

Min ifittex bir-reqqa jintebaħ ukoll b’xi għerien ċkejknin artifiċjali, donnhom oqbra, imxerrdin ‘l hawn u ‘l hinn (ngħidu aħna, fil-Wied ta’ Skalanova, f’Wied Imdied, u taħt il-Ħatba s-Sewda). Skond resident lokali, dawn kienu tħaffru fl-irkejjen l-aktar imwarrba bħala kenn ta’ malajr f’każ ta’ maltemp qawwi. Akbar minnhom hemm Għar il-Ħamrija, maqjel maqtugħ fil-blat fil-ġenb l-għolja li tifred il-Wied l-Aħmar minn Wied Imdied; f’dan l-għar jolqtuk l-għadd ta’ slaleb imnaqqxin fis-saqaf tiegħu. Fuq il-quċċata mirjieħa ta’ l-istess għolja hemm ukoll żewġ giren (waħda minnhom imġarrfa għal kollox) li aktarx ukoll kienu jintużaw għall-kenn mill-elementi.

Egħluq

F’dan l-artiklu, ippruvajt nagħti ħarsa kemm jista’ jkun informattiva lejn it-toponomastika ta’ Kemmuna fl-isfond ġeografiku, storiku u folkloristiku tagħha, u lejn ir-rabta qawwija li dan l-aspett lingwistiku għandu ma’ l-ambjent kampanjol u mal-baħar. Dawn l-elementi kollha magħġuna flimkien jagħtu lill-post l-identità tiegħu, u tkun tassew ħasra kbira jekk dan il-karattru jitħalla jitnaqqar u jiftaqar. Fl-aħħar tletin sena, il-kummerċjalizzazzjoni bla ħniena ta’ din il-ġawhra tan-natura mhux biss wasslet għal qerda bla sens ta’ l-ambjent innifsu, iżda għamlet ukoll ħilitha biex tipprova tnessi ismijiet awtentiċi bħal Bejn il-Kmiemen sabiex minflokhom jiddaħħlu titli eżotiċi bħal “Blue Lagoon”. Daqstant ieħor, niftakar operatur partikolari jiftaħar li hu stess ivvinta l-isem “Crystal Lagoon” (tassew oriġinali !) minflok Il-Bejta tal-Fenek u l-Qala tal-Mazz, u li qed jagħmel ħiltu kollha biex dan l-isem jibda jintuża dejjem aktar fil-pubblikazzjonijet lokali. Filwaqt li bosta awturi, minflok ma jindenjaw ruħhom iffitxu l-isem korrett tal-post qabel ma jippubblikaw xogħolhom, erħilhom jivvintaw ismijiet bl-addoċċ għal kull okkażjoni, tant li llum ġieli aktar tiltaqa’ ma’ ismijiet foloz bħal “Lantern Point” minflok Il-Ponta Rqieqa, “Santa Maria Caves” minflok L-Għerien ta’ l-Imnieri (li, wara kollox, ma jinstabux f’Santa Marija) u “Smuggler’s Cove” (aktar qisu isem ta’ dverna milli ta’ xatt il-baħar) minflok Wied Ernu. Ma’ dawn inżidu wkoll l-ismijiet ibbastardjati bħal “San Niklaw Bay” (nofsu Malti u nofsu Ingliż) u “Santa Maria Bay” (nofsu Taljan u nofsu Ingliż), u l-forom Taljanizzati “Comino” (“comino” jew “cumino” hija t-traduzzjoni Taljana ta’ “kemmun”, tip ta’ ħwawar li jintuża fit-tisjir) u “Cominotto” (diminuttiv ipotetiku ta’ “comino”), li nħolqu fi żminijiet meta l-Malti ma kienx għadu rikonoxxut bħala lingwa uffiċċjali! Din l-injoranza kulturali qegħda toħnoq il-karattru tal-post b’pass dejjem aktar mgħaġġel, u hija wkoll sintomu ta’ marda usa’ li bil-mod il-mod qed toqtol is-sbuħija ta’ l-ilsien Malti. Għaldaqstant, nittama li dan l-artiklu jgħin biex jimtela xi ftit minn dan il-baħħ kulturali. Nagħlaq billi nrodd ħajr lil dawk kollha li għenuni niġbor din l-informazzjoni sabiex ma tintilifx, u nistieden ukoll lil min għandu xi tagħrif ieħor biex jaqsmu magħna wkoll.

(C) Alex Camilleri

Riferenzi

  1. Agius de Soldanis, Giovanni Pietro Francesco (Sek. XVIII): Il Gozo Antico e Moderno, Sacro e Profano. Verżjoni maqluba għall-Malti minn Mons. }użepp Farrugia (1936): Għawdex bil-}rajja Tiegħu; Edizzjoni “facsimile” maħruġa mill-Fondazzjoni Belt Vittorja (1999).
  2. Aquilina, Joseph (1987): Maltese-English Dictionary. Midsea Books Ltd.
  3. Anonima (bla data): Piano dell’isola del Gozzo, Commino e parte dell’isola di Malta (mappa qadima fl-arkivju nazzjonali t’Għawdex)
  4. Boffa, Charles (1966): The Islets of Comino & Filfla. Lux Press.
  5. Borg, Antonino (c.1795): Piano dell’Isola di Malta, Gozo e Commino, riprodotta f’Cini, Charles(1992): Gozo – A Journey in the Past. Ars Nova Publications.
  6. Farruġia Randon, Stanley & Farrugia Randon, Robert (1995): Comino, Filfla and St. Paul’s Island.
  7. Mapep qodma riprodotti fil-Wignacourt College Museum tar-Rabat, u (Plan of Comino – G.C. 12.6.72) fir-records tad-Dipartment tax-Xogħlijiet Pubbliċi
  8. Penza, Carmelo (1969): Il-Flora Maltija Mediċinali
  9. Zingarelli, Nicola (2003): Vocabolario della Lingua Italiana. Zanichelli Editore.

Komunikazzjonijiet personali:

  1. Massimino (“Siminu”) Azzopardi – sajjied minn Għajnsielem u ex-kaptan tal-lanċa għal Kemmuna
  2. Mattew Azzopardi – sajjied minn Għajnsielem u ex-kaptan tal-lanċa għal Kemmuna
  3. Salvu Vella (“Il-Venew”) – resident ta’ Kemmuna
  4. Anġlu Vella – resident ta’ Kemmuna
  5. Victor Scicluna – ex-PWD Kemmuna
  6. Dun Ġużepp Hili – barklor Għawdxi tal-laneċ turistiċi
  7. Pullu Buttiġieġ (“Taċ-Ċerna”) – sajjied mix-Xewkija u barklor ta’ luzzu għal Kemmuna