Il-Munqar u lil hinn minnu.

Kitba ta’ Alex Camilleri . L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 31, 2007. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Il-Munqar

Lura mal-baħar, il-ġenb għoli ta’ Wied Babu jibqa’ ħiereġ sa bi dritt il-Kap tal-Ħnejja u għandu tarfu minfud mill-Għar tal-Munqar [147] (imsemmi wkoll L-Għar ta’ l-Għarusa), għar bi tliet bokok imsemmi għal formazzjoni tal-blat li tinsab fil-għoli eżatt fuqu u li minħabba għamlitha tissejjaħ Il-Munqar [148]. Il-Munqar jagħti wkoll ismu lill-medda ta’ baħar miftuħ u salvaġġ ta’ Taħt il-Munqar [149], b’sies għoli matulha u Ħalq l-Iljun [150] (għar mhux fond, iżda bil-bokka kbira) mal-quċċata tiegħu. Fost l-artijiet għoljin ta’ fuq is-sies hemm Ta’ Pietru [151] u In-Nadur [152], isem li spiss tiltaqa’ miegħu fi mkejjen għoljin b’veduta tajba. Il-baħar jibqa’ dejjem fond sa ma tasal Id-Daħla [153], rokna ftit aktar kennija (f’xi mapep jidher mhux biss l-isem Id-Daħla iżda anke Ir-Rokna [154]) li għandha magħha sikka baxxa (It-Tirxa [155]), żewġ għerien imdaqqsin (L-Għar tad-Daħla [156] u ieħor maġenbu) u żewġ ħnejjiet żgħar max-xatt. Jidher li anke hawn kien importanti għall-għassa fl-imgħoddi, kif jixhdu l-ismijiet “Guardia ta’ Tirxija” u Għoxx id-Dejma [157]; il-kelma “għoxx” hawn tidher fit-tifsira qadima tagħha li tfisser bejta u m’hix xi kelma vulgari. Wara d-Daħla, is-sies jilwi ftit lura lejn ix-xlokk u jieħu bixra lixxa l-istess bħalma rajna fix-Xaqqa, Għar Manwel u Taħt l-Imnajdra. Dan peress li hawn terġa’ tixref parti oħra importanti tas-sistema ġeoloġika tal-Magħlaq, u jekk taqbad il-minżel li mill-art għolja Tax-Xagħra [158] jieħdok ‘l isfel max-xatt baxx (Il-Blieqa [159]) tintebaħ li dan huwa mitwi u mfellel mhux ftit minħabba sensiela ta’ xquq (faults) qrib ħafna ta’ xulxin. Mat-tarf tal-majjistral tal-Blieqa (qrib id-Daħla) hemm minfes żgħir li jinfed ma’ għar taħt il-baħar, filwaqt li fuq ix-xaqliba l-oħra hemm skoll żgħir u xi għerien madwaru. Minn hawn ‘il quddiem is-sies jerġa’ jaqta’ dritt għal ġol-baħar u jsejħulu Ġebel Gravuż [160] minħabba l-blat dgħajjef u perikoluż tiegħu. Wara l-posti tas-sajd imsejħin Qabar l-Għarib [161] (dari post tal-għassa— “Guardia ta’ l-Għarib”) u Ix-Xmiex [162] (jew L-Ixmiex), hemm kemmxejn ta’ daħla fil-blat (In-Nofs [163]) u xaqq tawwali b’għar fond ġo fih li s-sajjieda isibuh bħala L-Għarajfa [164] iżda li f’xi mapep jidher miktub bħala “Il-Ħrejfa” (aktarx tkissira ta’ l-istess isem). Minkejja li forsi jixbaħ il-kelma “għar”, isem il-post huwa diminuttiv ta’ “għorfa”, u għaldaqstant ifisser “għorfa żgħira”.

 

Il-bokka ta’ Wied il-Bassasa

 

It-torri tal-Wardija

Aktar ‘l hinn, is-sies jibda jitbaxxa u jieħu l-isem Taħt il-Għassa [165], għax fuqu hemm rokna maqtugħa fil-blat bħala post għall-għassa jew għal xi kanun żgħir. U sewwasew taħt din jiftaħ għar kbir fil-baħar, L-Għar ta’ Taħt il-Għassa [166]. Ftit ‘il bogħod, l-isem tax-xatt jinbidel għal Ġebel Maqtugħ [167] u hemm għar ieħor (Għar Bassasa [168]) li għalkemm ma tantx jispikka, huwa twil ferm u għandu tliet bokok, waħda minnhom mgħarrqa taħt l-ilma. Jekk minn hawn iddur wara Ir-Ras [169] (isimha magħha), tidħol f’Wied il-Bassasa [170], daħla sabiħa b’żewġ friegħi li huma l-bokok ta’ Wied Ganu [171] lejn il-punent u Wied il-Bassasa (jew Wied il-Ħallelin [172]) fuq il-lvant. Dan ta’ l-aħħar huwa t-tarf ta’ Wied Ħareb [173], wied twil li jibda minn taħt Bubaqra u jintgħaraf mit-Torri tal-Wardija [174] (ieħor fost it-tlettax ta’ De Redin, mibni fl-1659) li jindokrah mill-għoli tal-Wardija [175] (taħsira ta’ “guardia”. L-istess bħal “nadur”, dan l-isem insibuh f’postijet għoljin b’veduta tajba għall-għassa). Fih jinstab ukoll Għar Ħallelin [176], li jittawwal għal fuq il-wied u jintlaħaq permezz ta’ skaluni tal-ħadid imwaħħlin f’ġenb il-wied. Malli ddur wara Ix-Xifer [177] (ix-xoffa l-oħra tal-bokka, bi dritt ir-Ras), hemm daħla oħra li jgħidulha Il-Bassasa [178] minħabba l-ħsejjes qawwijin li tagħmel meta l-baħar imqalleb jisforza l-arja minn ġo toqob ċkejknin fil-blat. Eżatt ‘il barra mill-Bassasa, is-sies jerġa’ jogħla u fih żewġ għerien: Il-Ħisir [179] (għar b’għajn ċkejkna ġo fih— Il-Qattara) u Għar Bieb il-Ħamiem [180] (jew Bieb Għar Ħamiem), imsemmi għall-ħamiem li jbejjet fih. Imbagħad imiss Il-Minkba [181], fejn il-kosta tibqa’ ddur lejn il-lvant. U fl-aħħarnett jasal it-tarf għoli tal-Kap tal-Bajtar [182] jew Ras il-Bajtar (minħabba bajtra tax-xewk kbira li tikber fl-irdum, hi stess indikata bhala Il-Bajtra). Dan huwa l-aktar xifer imbiegħed li jidher minn Wied iż-Żurrieq u għaldaqstant igħidulu wkoll Il-Kap jew Il-Kap il-Kbir. Dettall żgħir ġo fih hija Ras l-Indjan, tinqixa naturali fil-faċċata tal-blat li ġġib dan ix-xebħ. Il-vjaġġ tagħna mal-kosta jieqaf hawn.

Filfla

Iżda dan l-artiklu ma jkunx komplut jekk ma nagħtux titwila lejn Filfla [1], li tidher fil-bogħod max-xefaq. Din il-gżira ċkejkna ta’ xi 0.06 km2 hija mifruda minn Wied iż-Żurrieq b’madwar 5km ta’ baħar fond f’Ta’ Nofs Fliegu [2]. Darba kienet magħquda ma’ Malta, iżda nfatmet minnha permezz taċ-ċaqliq tettoniku li semmejna. Filfla nnifisha hija l-fdal ta’ għolja magħmula minn blat tal-qawwi li jistrieħ fuq saff oħxon ta’ tafal, li biż-żmien sfat imdawra b’baħar li fil-maltemp isabbat minn kull naħa. U billi t-tafal jibda jċedi, il-blat ta’ max-xifer tqaċċat u waqa’ għal isfel, u mad-dawra kollha fforma rdum wieqaf b’eluf ta’ tirxien taħtu, max-xatt. Dan il-proċess naturali, li taha bixra li mill-bogħod tfakkrek f’kappell (quċċata ċatta, ġnub weqfin, u art baxxa taħthom) jidher li fi Żmien l-Ingliżi tħaffef aktar minħabba l-ħsara kbira li din il-gżira sofriet bil-bumbardamenti. Xhieda ta’ dan huwa l-għadd ġmielu ta’ bombi msaddin li għadhom jidhru kemm max-xatt kif ukoll f’qiegħ il-baħar.

Il-quċċata ta’ Filfla hija xagħra tawwalija u dejqa, b’żewġ xaqlibiet ewlenin li jaqtgħu ħesrem bħala rdumijiet: Ix-Xifer ta’ Fuq [3] (li jħares lejn Malta) u Ix-Xifer t’Isfel [4] (aktar baxx, lejn in-nofsinhar). Bejn l-1343 u l-1575 x’imkien fuq l-art għolja kienet tinsab il-kappella antika ta’ Santa Marija ta’ Filfla (suppost ġo għar imsejjaħ L-Għar tal-Madonna), filwaqt li matul il-pesta ta’ l-1813-1814 mar igħix fuq Filfla ċertu Ġanni Attard bil-familja tiegħu u aktarx bena xi razzett ċkejken. Dawn illum għabu għal kollox għajr għal xi fdal ta’ pedamenti, filwaqt li pittura antika fuq l-injam kienet ittieħed mill-kappella lejn iż-Żurrieq (l-ewwel lejn il-kappella ta’ San Lew f’Bubaqra, imbagħad lejn il-knisja parrokkjali fejn għadha tinsab sa llum). Peress li llum il-quċċata m’għadhiex tista’ tintlaħaq u ma jinħassx daqstant l-impatt tal-bniedem, il-veġetazzjoni tikber folta saħansitra fl-irqajja’ l-aktar mirjieħa, u jgħammru wkoll xtieli u annimali li qajla ssibhom band’oħra, ngħidu aħna tip partikolari ta’ tewm kbir (Allium commutatum) li jikber sa żewġ metri, u xi bebbux rari. Filfla hija wkoll magħrufa għall-kwantità ta’ agħsafar li jbejtu fuqha, bħall-gawwi u l-kanġu ta’ Filfla li ssemma’ propju għaliha. Imbagħad hemm ukoll il-gremxula ta’ Filfla (Podarcis filfolensis filfolensis) li tinsab biss hawnhekk; hija sewda u akbar minn “oħtha” ta’ Malta, u għandha rabta folkloristika peress li kien jingħad li għandha żewġt idnub. Din tad-dnub hija qlajja’ li forsi ġejja minn xi kumbinazzjoni partikolari. Kull gremxula (anke dik li naraw kuljum f’Malta) tista’ titlef denbha jekk dan ikun meħtieġ biex taħrab mill-periklu, u mbagħad bil-mod jikbrilha ieħor ġdid; f’każijiet tabilħaqq rari, ġieli l-ewwel denb ma jitqaċċatx sew filwaqt li t-tieni wieħed jikber xorta, u hekk tista’ tisfa b’żewgt idnub. Mhix xi ħaġa marbuta ma’ Filfla.

Filfla mill-ajru

Billi x-xagħra tmil kemmxejn lejn in-nofsinhar, fix-Xifer t-Isfel kien hemm wied ċkejken (illum fadal biss ħjiel tiegħu) li kien iferra’ mill-irdum ‘l isfel lejn il-baħar miftuħ, u fil-qrib kien jinsab Il-Minżel ta’ Filfla [5], mnejn dari kienu jitilgħu għal fuq qabel ma dan l-aċċess iġġarraf għal kollox. Sewwasew taħt fejn kien jinsab il-minżel hemm “sikka” (pjuttost ġemgħa ta’ blatiet kbar imwaqqa’ taħt wiċċ il-baħar) magħrufa bħala L-Imniżżla [6]; sajjied xiħ li jiftakarha kif kienet qabel saħansitra spjega li “minn hawn kont titla’ tiġri fuq Filfla dari”. Minħabba s-saff tat-tafal, fix-xlokk tax-Xifer t’Isfel kien hemm ukoll nixxiegħa żgħira, magħrufa bħala Il-Qattara [7].  Is-sajjieda kienu jagħmlu ħofra fit-tafal biex jinġabar l-ilma, iħallu n-naqal joqgħod, u mbagħad jimlew ir-reċipjent li jkollhom. Skond xi dokumenti, il-furbani ġieli kienu jieqfu jimlew l-ilma minn Filfla qabel ma jħebbu għall-eqreb xtut Maltin, tant li l-Kavallieri kienu ppruvaw jisploduha biex jeħilsu minn dan l-uġigħ ta’ ras darba għal dejjem. Ma kienx irnexxielhom, u n-nixxiegħa baqgħet teżisti sakemm fl-aħħar inqerdet mill-bumbardamenti ferm eqlel ta’ Żmien l-Ingliżi.

Marki oħra tal-bumbardamenti jidhru wkoll mal-faċċata għolja tax-Xifer ta’ Fuq, sewwasew qrib ir-ras imsejħa Fuq id-Dahar [8], li tħares lejn Għar Lapsi f’Malta. Dan it-tarf għoli ħa ismu mis-sikka twila magħrufa bħala Id-Dahar [9], li toħroġ minn taħt ir-riħ tiegħu. Ir-ras opposta ta’ Filfla, li tagħti lejn il-lvant, hija saħansitra ogħla u tilħaq l-għoxrin sular minn wiċċ il-baħar; tispikka mill-bogħod qisha muntanja rqieqa mifruqa fi tnejn b’xaqq tawwali tul il-faċċata tagħha. Taħtha, il-kosta tilwi ħesrem qrib L-Iskoll tax-Xlokk [10] (blata oħra li tixref ‘il fuq minn wiċċ l-ilma) u jerġa’ jitfaċċa x-Xifer t’Isfel. Daqs nofs triq bejn i­ż-żewġt irjus ewlenin li semmejna, tinsab l-unika roqgħa ftit kennija tax-Xifer ta’ Fuq, li igħidulha Ir-Rokna [11].

Bombi fuq Filfla

Lejn il-punent-ilbiċ ta’ Filfla jidher skoll imdaqqas u m’ogħla żewġ sulari, li jissejjaħ Ix-Xutu l-Kbir [12] jew, skond xi kittieba, Il-Blata ta’ Santa Marija. Jidher saħansitra minn Malta, u huwa mifrud mix-Xifer t’Isfel ta’ Filfla permezz ta’ fliegu dejjaq li jgħidulu Il-Prajjot [13]. Dan l-isem jidher li huwa diminuttiv ta’ “port” u, skond sajjied Żurrieqi, jissejjaħ hekk “għax minn bejniethom tista’ taqsam għan-naħa l-oħra ta’ Filfla, allura qishom port”. Din l-ispjegazzjoni tidher aktar xierqa mit-tifsira mogħtija fid-dizzjunarju t’Aquilina, li jorbot it-tnissil ta’ “Il-Prajjet” (li huwa wkoll l-isem ta’ port naturali fil-Mellieħa) ma’ “prato”, deskrizzjoni li ftit li xejn għandha x’taqsam ma’ l-għamla tal-post. Mit-tarf tax-Xutu l-Kbir tibda s-sikka twila li diġà ltqajna magħha (Id-Dahar), u tibqa’ ħierġa għal distanza twila lejn il-punent f’għamla ta’ sinsla dejqa eżatt taħt wiċċ l-ilma, b’ġenb wieqaf faċċata Malta u ieħor aktar immejjel lejn in-nofsinhar. Lejn il-bidu tagħha, tispunta daqs pied ‘il fuq mill-baħar bħala skoll ieħor ċkejken: Ix-Xutu ż-Żgħir [14]. Skond xi sajjieda, dari dan kien jixref aktar ‘il fuq mill-baħar iżda, billi l-Ingliżi kienu jisparaw fuqu, illum m’għadx fadal wisq minnu. U tabilħaqq, f’qiegħ il-baħar taħtu sa llum għad hemm il-bombi. Skond il-mappa ġeoloġika, Il-Prajjot huwa r-riżultat ta’ wieħed mix-xquq (faults) marbutin mal-proċess ta’ ċaqliq ta’ l-art; pariġġu hemm ukoll qasma oħra dritta taħt wiċċ l-ilma bejn ix-Xutu l-Kbir u x-Xutu ż-Żgħir li tkompli aktar fil-fond bħala faċċata lixxa.

Jekk taqdef ‘il barra mix-Xifer t’Isfel lejn in-nofsinhar, il-qiegħ tafli jmil għal xejn għal xejn u jibqa’ dejjem baxx, hekk li jsibuh bħala Il-Qasira [15]. Skond ir-rakkonti tas-sajjieda, l-Ingliżi kienu jibnu simenta fuq Il-Qasira, jiżbgħuha bajda u darba fis-sena tiġi l-frejgata tispara fuqha. Ferm ‘il barra minn Filfla, il-qiegħ tafli jieqaf ħesrem f’madwar żewġ sulari fond, u t-tarf ta’ sikka saħansitra aktar baxxa jitfaċċa qisu tarġa (kontinwazzjoni tax-xaqq ġeoloġiku ta’ ħdejn ix-Xutu ż-Żgħir). Hawnhekk wasalna fl-Imgħarrqa ta’ Ġewwa [16], il-bidu ta’ sikka li bħala firxa tiżboq lil Filfla u li tissejjaħ L-Imgħarrqa [17]. Il-wiċċ ta’ l-Imgħarrqa jibqa’ dejjem baxx u jidher minn wiċċ il-baħar, u f’xi partijiet huwa mżewwaq b’toqob, għerien żgħar u mini minquxin fil-blat, iżda mbagħad wara x-xaqliba l-aktar imbiegħda (L-Imgħarrqa ta’ Barra [18]), il-blat jaqta’ f’daqqa bħal sies għoli taħt il-baħar, u hemm anke għar imdaqqas fil-faċcata tas-sies li jintlaħaq biss mill-bugħaddasa. Minn hawn ‘il quddiem, il-qiegħ jilħaq fond ta’ aktar minn 50 metru, u ma jerġax jitbaxxa.

Egħluq

Nittama li f’dan l-artiklu rnexxieli niġbor it-tagħrif għani li jeżisti dwar it-toponomastika ta’ uħud mill-isbaħ xtut ta’ Malta, kif ukoll li nagħti ħjiel kemm jista’ jkun ċar u interessanti dwar kif dan il-wirt kulturali u lingwistiku huwa minsuġ ħaġa waħda ma’ l-ambjent naturali, il-pajsaġġ u l-istorja tagħhom. Nixtieq ukoll inrodd ħajr lil kull min għenni niġbor l-informazzjoni (b’mod partikolari lil Karmenu Pace).

(C) Alex Camilleri

Riferenzi

  1. Abela, Gio. Francesco (1647): Della Descrittione di Malta Isola nel Mare Siciliano con le sue Antichità ed Altre Notitie (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1984).
  2. Aquilina, Joseph (1987). Maltese-English Dictionary. Midsea Books Ltd.
  3. Bartholomew Malta & Gozo Holiday Map (bla data). HarperCollins Publishers (ISBN 0-7028-3538-2).
  4. Boffa, Charles (1966): The Islets of Comino & Filfla. Lux Press.
  5. Castagna, Pietro Paolo (1866): Lis Storia ta Malta Bil Gzejer Tahha (sic). Edizzjoni facsimile mitbugħa minn Midsea Books Ltd. (1985).
  6. Farrugia Randon, Stanley & Farrugia Randon, Robert (1995): Comino, Filfla and Paul’s Island.
  7. Gatt, Michael (2006). Il-Ġeoloġija u l-Paleontoloġija tal-Gżejjer Maltin – II (Sensiela Kullana Kulturali, nru. 69). Pubblikazzjonijiet Indipendenza.
  8. Mangion, Tony (1983). Maltese Towns and Villages: Wied iż-Żurrieq. Heritage Vol. 3 Nru 49. Midsea Books Ltd.
  9. Pedley, Martyn; Hughes Clarke, Michael & Galea, Pauline (2002). Limestone Isles in a Crystal Sea: The Geology of the Maltese Islands. PEG Ltd.
  10. Spiteri, Stephen C. (1994). Fortresses of the Cross. Heritage Interpretation Services.
  11. Spiteri, Stephen C. (1996). British Military Architecture in Malta

 

Komunikazzjonijiet personali:

  1. Bdiewa (anonimi) f’dawn il-postijiet: Il-Misqa (1993), Il-Maqluba (1995), Ta’ Dnat/Ix-Xwieki (2002)
  2. Barklor (anonimu) f’Wied iż-Żurrieq, 1995
  3. Edwin Lanfranco, 2007
  4. Feliċ (bidwi xiħ mill-Qrendi) f’Iż-Żelliqat, 1995
  5. Frans Farrugia (minn Ħal Għaxaq), snin ‘90
  6. Ġiġi (raħħâl min-Nigret), 1996
  7. Ġużi Gatt, 2007
  8. Karmenu Pace (mill-Qrendi), 2006
  9. Karmnu “Is-Siks” (miż-Żurrieq), 1996
  10. Maria Degiorgio (mis-Siġġiewi), 2002
  11. Mark Scicluna (miż-Żurrieq), 1989
  12. Nassab (anonimu) f’Ta’Melħa ħdejn Wied Fulija, Iż-Żurrieq, 1993
  13. Ninu (sajjied) f’In-Niffied, 1995
  14. Nisa (anonimi, min-Nigret), 1995
  15. Manwel “Il-Malel” (min-Nigret), 2005
  16. Michael (kaċċatur miż-Żurrieq) f’Wied il-Bassasa, 1994
  17. Peppi Spiteri “Ta’ Qazzitu” (mill-Qrendi), 2005
  18. Renè Attard (minn Ħaż-Żebbuġ), 1999
  19. Salvu “Ta’ Kejli” (miż-Żurrieq), 2005
  20. Salvu Buġeja “Ta’ Peppi ta’ Pietru” (nannuwi, miż-Żurrieq), 2007
  21. Sajjieda (anonimi) f’dawn il-postijiet: Ix-Xwieki (1999), Ix-Xaqqa (1993), L-Ilsna (1996), In-Niffied (1995), Wied iż-Żurrieq (1993, 1995), Wied il-Bassasa (1990, 2002)
  22. Żeppi Magro (sajjied mill-Qrendi), 1995