Wied iż-Żurrieq u madwaru.

Kitba ta’ Alex Camilleri . L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 31, 2007. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Malli taqbeż it-Torri tal-Ħamrija u Ħalq it-Tafal, il-kosta tieħu bixra aktar salvaġġa, bil-baħar aktar fond u miftuħ milli hu fl-inħawi ta’ Għar Lapsi u n-Niffied. Taħt is-sies jispikka L-Iskoll tal-Gawwija [83] (inkella Il-Ġebla tal-Gawwija, Il-Gawwija, jew Tal-Gawwija) li huwa maqtugħ sew mill-art u, għalkemm baxx, jogħla f’daqqa mill-qiegħ. Bi dritt l-iskoll, is-sies ikompli dejjem għoli u lixx sa ma jinżel għal ftit biss mal-baħar f’Ta’ Bexxiexa [84], xatt espost fejn il-blat huwa aħrax minħabba l-effetti tal-mewġ u tar-raxx tiegħu. Naħseb li r-riferenzi għal “Guardia ta’ But Scisa” fil-kitbiet ta’ G.F. Abela (1647) u ”But Scifa” f’dawk ta’ P.P. Castagna (1888) huma fil-fatt tgħaffiġa ta’ dan l-istess isem – għalkemm jista’ jkun ukoll li l-isem hu marbut ma’ Ta’ Buxiħ – blata taħt l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Malli ddur ma’ Ta’ Bexxiexa, il-blat jerġa’ jogħla f’sies b’4 għerien fil-baħar, tnejn minnhom jinfdu ma’ xulxin. Il-kosta tibqa’ miftuħa beraħ sa Ras il-Maqluba [85], il-bokka ta’ qala kbira u tonda li tissejjaħ Il-Maqluba jew Maqlubet il-Baħar. Din id-daħla kennija, iżda li ma tintlaħaqx mill-art, għandha xenarju spettakolari bi ġnub għoljin ferm u mimlija għerien. B’kollox fiha xi sitt għerien naturali (fosthom żewġ għerien kbar li jinfdu ma’ xulxin u ieħor twil ħafna b’ramla żgħira fil-ġewwieni tiegħu) u fil-qedem kienu tħaffru tnejn oħra artifiċjali. Il-bajja nnifisha aktarx li bdiet bħala għar kbir taħt l-art imħaffer mill-ilma ġieri, li mbagħad sfronda biex ifforma ħofra daqsiex (l-istess bħall-Maqluba l-oħra li hemm biswit il-Qrendi); maż-żmien laħaqha l-baħar, nifdilha ġenbha u kompla jgħawwar fiha biex taha d-dehra li għandha llum. L-art għolja ta’ fuq dil-qala jsibuha bħala Tal-Maqluba [87]. Bilkemm tilħaq iddur mal-ponta l-oħra mal-lvant tal-Maqluba li ma ssibx Ix-Xaqq [88], daħla ċkejkna fejn għal darb’oħra naraw ġenb qisu nċanat. Hawnhekk għandi naqra ta’ xogħfa li għallmitni kemm il-baħar ma tistax tafdah. Daqs ħmistax-il sena ilu, kont qbiżt ma’ xi ħbieb għal ġol-baħar imċafċaf, u għomna lejn il-kenn tal-Maqluba sabiex qgħadna nesploraw l-għerien, bla ma tajna każ li l-baħar kien qed jitqawwa. X’ħin ħriġna lura fil-baħar miftuħ mhux biss ħadna kedda biex qdifna qalb il-mewġ iżda sibna l-baħar iħabbat mal-blat li ma riedx iħallina nitilgħu l-art!

Wied iż-Żurrieq

Minn hawn ‘il quddiem, tinfirex il-medda kbira tax-Xagħra ta’ Ras il-Bajjada [89], li mill-għoli tinżel lejn il-baħar tant li x-xatt twil u miftuħ tagħha jsibuh bħala L-Imżerżaq [90]. Dan ix-xatt jasal sal-ħarrieġa żgħira ta’ Ras Masu [91], fejn hemm ukoll roqgħa ta’ baħar baxx (Il-Baxx ta’ Ras il-Bajjada [92]) u posta tas-sajd magħrufa bħala Il-Musbieħ [93]. Warajha hemm Il-Ponot ta’ Ras il-Bajjada [94], bil-blat aħrax u ppuntat minħabba li mikxuf għar-raxx tal-baħar, u l-ponta ewlenija ta’ Ras il-Bajjada [95] mal-bokka ta’ Wied iż-Żurrieq. Fuq dix-xaqliba tal-wied fl-1936 inbniet Il-Kamra t-Tonda [96], kamra militari li kienet tgħasses dan il-port, miksija bil-gagazza biex tinħeba aħjar mill-għadu. Il-blat ta’ taħtha ħa l-laqam minn fdal ta’ gorboġ li hemm biswit din il-kamra: Taħt il-Girbeġ [97]. Jidher li dawn l-inħawi minn dejjem kienu mgħassa, tant li fl-1647 hija dokumentata l-“Guardia ta’ Ras il-Bajjada”.

Ras il-Bajjada

Wied iż-Żurrieq [98], jew kif isibuh iż-Żrieraq u l-Qrendin, Il-Wied, huwa l-port naturali ewlieni ta’ din il-parti ta’ Malta, b’importanza kemm għas-sajjieda kif ukoll turistika. Jikkonsisti f’qala tawwalija u dejqa, li fil-fatt hija l-bokka mgħaddsa ta’ wied imdaqqas (Il-Wied taż-Żelliqat [99], jew Wied il-Ħofra) li jiġi minn wara l-Palazz tal-Gwarena [100] barra l-Qrendi, igħaddi minn bejn l-artijiet Ta’ Wied il-Ħofra [101], Iż-Żelliqat [102], u Il-Ħofra [103] u jinżel b’pendil wieqaf lejn il-baħar. Fi triqtu jiltaqa’ ma’ wied akbar (Wied Ħoxt [104]) li b’kumbinazzjoni jibda minn raba’ ieħor imsejjaħ Il-Ħofra [105] (din id-darba f’tarf il-Qasam iż-Żgħir ħdejn Ħaġar Qim) u jibqa’ għaddej dritt matul it-tramuntana tax-Xagħra ta’ Ras il-Bajjada. Iż-żewġ widien jingħaqdu flimkien f’post imsejjaħ Il-Ħmara [106] u jiffurmaw Il-Wied tal-Majla [107], ħondoq dejjaq u bi ġnub kemmxejn weqfin iżda pjuttost qsajjar minħabba li ma jdumx ma jsib il-baħar fl-aktar rokna ġewwenija ta’ Wied iż-Żurrieq. Hawnhekk, Il-Majla [108], il-baħar huwa baxx għal kollox u hawn ukoll ċagħqija ħelwa. L-ewwel parti ta’ Wied iż-Żurrieq tibqa’ dejqa u mserrpa, iżda mbagħad titwessa’ xi ftit biswit Id-Dikkiena [109], fejn jibda moll baxx li jwassal sa L-Iskal [110] (ismu miegħu, għax minn hawn ivaraw id-dgħajjes). Warajh, bi dritt Ras il-Bajjada hemm Il-Ponot [111] (illum imtajrin u nvellati biex taparsi jagħmlu x-xatt aktar komdu), mnejn ix-xatt idur u joħroġ għal kollox mill-Wied.

It-Torri ta’ Xutu

Il-port ta’ Wied iż-Żurrieq u l-bini li maż-żmien tela’ fuq ix-xaqliba tal-lvant tiegħu jintlaħqu minn triq ewlenija li sserrep ‘l isfel mill-Għolja ta’ Xutu [112]. Dan l-isem, li nerġgħu narawh saħansitra qrib Filfla, jidher ukoll marbut mat-Torri ta’ Xutu [113], li nbena madwar l-1640 fi żmien il-Granmastru Lascaris u huwa aktar matnazz mit-torrijiet l-oħra li kienu nbnew mill-istess Granmastru. It-Torri ta’ Xutu ntuża bħala mudell għat-tlettax-il torri (fosthom It-Torri tal-Ħamrija) tal-Granmastru De Redin (1659); il-kanun żgħir li għandu fuq il-bejt ilu hemm mill-1792. Qrib it-torri, hemm in-niċċa Tar-Rużarju [114] , u minn maġenbha tista’ tinżel lura lejn il-blat, li minn hawn jerġa’ jsir aktar wieqaf. Ġebla Tiċċaqlaq [115] (inkella Blata Tiċċaqlaq) hija mfittxija wisq mis-sajjieda, s’issa! Din l-ixkaffa fil-għoli hija maqtugħa minn taħt u titheżżeż meta l-ħalel iħabbtu taħtha; xi darba għad tinżel b’kollox.

Minn hawn timxi max-xifer lejn Taħt it-Torri [116], mnejn tista’ wkoll tixxabbat għal fuq blata baxxa mal-baħar, Il-Gradenza [117]. Wara dil-blata hemm Il-Ħalq [118], ftit aktar minn tnaqqira fid-dawra tax-xatt, imbagħad Iż-Żellieqa [119] (isimha magħha għax l-art f’dan ix-xifer hija mżerżqa lejn il-bahar). L-art ta’ madwar iż-Żellieqa igħidulha Tas-Suldati [120], forsi għax hija ras maħruġa ‘l barra f’pożizzjoni strateġika li minnha kienu jgħassu x-xtut. X’imkien ‘l hawn, qabel ma nbena t-torri kien hawn il-“Guardia tal-Ponta” u l-“Guardia ta’ Xutu”.

Il-Ħnejja

Il-kosta issa tilwi ‘l ġewwa f’daqqa u ssir sies għoli (Id-Dahar [121]) li mbagħad jerġa’ jikser ‘il barra lejn Il-Kap tal-Ħnejja [122] jew Il-Ponta tal-Ħnejja. Id-daħla mdaqqsa ta’ taħt is-sies, jiġifieri bejn iż-Żellieqa u l-Kap tal-Ħnejja, hija l-fdal ta’ għar kbir li minnu għad fadal biss il-parti l-ġewwenija, imsejħa Għar Qattus [123]. Fl-istess daħla hemm ukoll ieħor iżgħar li jsibuh bħala Għar Qattus iż-Żgħir [124] jew inkella Għar Filfla, għax ġo fih hemm blata li bi ftit immaġinazzjoni tagħti lemħa lil Filfla tant li laqqmuha Filfla ż-Żgħira. Hemm ukoll It-Tieqa [125], mina naturali li tinfed minn ġol-Kap tal-Ħnejja. U jekk tikser mal-kap, titfaċċa quddiemek xena mill-isbaħ: Il-Ħnejja [126]. Din hija l-akbar fost l-arkati naturali li naraw max-xtut Maltin, bil-bokka daqsiex u għolja aktar minn darbtejn daqs it-Tieqa tad-Dwejra f’Għawdex. Min ma jibżax mill-għoli jista’ wkoll jilħaq il-baħar ta’ Taħt il-Ħnejja [127] billi jixxabbat mas-Sieq tal-Ħnejja [128], jew Ir-Riġel. Dan il-plier mhux biss iżomm is-saqaf tal-Ħnejja iżda wkoll ikennen warajh għar kemmxejn fond, Għar il-Ħnejja [129] jew L-Għar il-Mudlam, ismu miegħu għax ma tilħqux sew ix-xemx. Id-dħul bid-dgħajsa għal ġo l-għar jista’ jsir minn fuq naħa waħda biss tar-Riġel, peress li L-Iskolli tal-Ħnejja [130] (ġemgħa ta’ blatiet kbar li waqgħu minn fuq għal ġol-baħar) jimbarraw id-dħul min-naħa l-oħra. Fil-qrib hemm ukoll tliet għerien oħrajn żgħar, fosthom wieħed tawwali u dejjaq fl-aktar parti ġewwenija ta’ Taħt il-Ħnejja (fejn l-irdum jidħol prattikament taħt it-triq ewlenija f’Ta’ Kinetta [131]), imbagħad jasal Għar Raddiena [132], kbir u tond u bil-qiegħ ramli. Ix-xenarju spettakolari ta’ madwar Għar Qattus, Il-Ħnejja u Għar Raddiena huwa mfittex wisq, u fil-bnazzi tara bosta dgħajjes mgħobbijin bit-turisti. Hawnhekk anke l-baħar innifsu jolqot l-għajn minħabba l-lewn iżraq tiegħu, dettall li wassal mhux biss għall-isem kummerċjalizzat ta’ dawn l-inħawi (“Blue Grotto”) iżda wkoll, skond x’uħud, għall-ismijiet taż-Żurrieq u Wied iż-Żurrieq. Sewwasew wara Għar Raddiena tiftaħ Id-Daħla tal-Wied [133], kalanka li tixbaħ lil Wied iż-Żurrieq iżda hija iżgħar u bil-ġnub ferm ogħla. Din mhix għajr il-bokka ta’ Wied Babu [134], l-akbar fost il-widien ta’ dawn l-inħawi u x’aktarx l-aktar wieħed fond fil-Gżejjer Maltin kollha.

Wied Babu

U tabilħaqq ma nistgħux nibqgħu għaddejjin mingħajr ma nżuru Wied Babu. Jekk nitilgħu mid-Daħla tal-Wied bħallikieku konna furbani, insibu ruħna f’qiegħ ta’ ħondoq fond b’sisien għoljin bosta sulari fuq iż-żewġ ġnub. Tikber kotrana widnet il-baħar (Palaeocyanus crassifolius), ix-xitla nazzjonali Maltija, filwaqt li fil-qiegħ hemm ukoll xi siġar xjuħ tal-ħarrub u Blata Qanċula [135], ħaġra kbira li żżerżqet ‘l isfel u straħet mal-ġenb b’mod li taħtha ħalliet bħal mina, mnejn fil-fatt igħaddi l-passaġġ. Wied Babu jibqa’ dieħel ‘il ġewwa minn taħt Il-Gwejdja [136] u Il-Ħotba [137] fuq ix-xellug (it-tnejn jindikaw għoljiet żgħar; “gwejdja” hija d-diminuttiv ta’ “gudja” li fisser għolja) u Il-Ġarġir [138] fuq il-lemin. Imbagħad, meta jasal taħt Il-Qonja [139] (li tfisser kanali għall-ilma), jofroq f’żewġ friegħi. Wied minnhom jibda fil-kontrada Tal-Għerien [140] mat-tarf taż-Żurrieq, filwaqt li l-ieħor (Wied Ħal Lew [141] jew Wied il-Bir) jaqleb minn Ħal Lew [142] mat-tarf tal-Qrendi. Dan ta’ l-aħħar kien itwal, iżda mbagħad meta ffurmat Il-Maqluba [143] (ħofra fonda xi ħdax-il sular, qisha borma) qasmitu fi tnejn. Ir-ras tiegħu llum tferra’ direttament għal ġol-Maqluba bħala wied għaliha, magħruf bħala Wied San Mattew [144] (għall-kappella ta’ San Mattew tal-Maqluba [145] li hemm biswitu) jew Wied il-Qrendi. Aktar milli l-wied innifsu, il-mapep isemmu l-artijiet ta’ madwaru bħala Ta’ Wied il-Qrendi [146].

Il-Maqluba

Il-Maqluba hija fost l-isbaħ eżempji ta’ għerien li l-ewwel tħaffru mill-ilma ġieri u mbagħad meta kibru wisq sfrundalhom is-saqaf; skond it-tradizzjoni popolari dan seħħ fil-medjuevu u hemm x’juri li din mhix qlajja’. Ngħidu aħna, għadu jidher nofs bir li bla dubju kien parti minn wieħed sħiħ li aktarx iġġarraf meta nbelgħet l-art. Mal-ġnub tal-Maqluba tikber is-siġra nazzjonali (l-għargħara – Tetraclinis articulata), filwaqt li fil-qiegħ imkennen illum hemm bħal bosk żgħir magħmul l-aktar minn siġar kbar tar-rand. Ta’ min igħid li kemm Wied Ħal Lew kif ukoll Wied San Mattew ġieli jsibuhom bħala Il-Wied tal-Maqluba. F’kitbiet qodma jidhru wkoll Wied ix-Xewk (x’imkien fil-viċinanzi tal-Maqluba) u Wied Bhim, aktarx laqam ieħor għal Wied Babu li għadu jidher fil-mapep b’ortografija żbaljata: “Il-Ħofra ta’ Wied Bħir”.

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri