Ix-xtut tal-Magħlaq u dawk ta’ taħt l-Imnajdra

Kitba ta’ Alex Camilleri . L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 31, 2007. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Malli ddur ma’ Ras Ħanżir, issib quddiemek medda ta’ xtut baxxi magħrufa bħala Il-Magħlaq [40], li tibda b’żewġ daħliet żgħar b’għar f’kull daħla. Wieħed mill-għerien (Għar iċ-Ċawl [39]) huwa twil u għandu ramla oħra ġewwanett. Imbagħad imiss Il-Baxx tal-Magħlaq [41], daħla oħra ċkejkna fejn bilkemm tista’ tgħum bla ma taħbat saqajk mal-qiegħ. F’din id-daħla jiżbokka Il-Wied tal-Magħlaq [42], li jinżel mill-għoli u jbattal ilmijietu hawn; id-dehra tiegħu minn isfel hija ddominata minn promontorju għoli, Il-Qrajten fuq il-Wied tal-Magħlaq [43]. Donnu li dan il-wied darba kien xmara, u l-materjal li kien iġorr għal isfel għadu jidher max-xatt bħala munzell kbir ta’ ħamrija ffossillizzata b’ħafna ġebel tond ġo fiha. Dan il-blat għandu lewn ħamrani u jissejjaħ Depożiti Kwaternarji. L-interess xjentifiku tal-Magħlaq ma jiqafx hawn, peress li aktar ‘il fuq qrib il-Wied tal-Magħlaq u l-Imnajdra kien hemm ukoll depożiti oħrajn ġo xi fissuri u għerien, u fihom kienu nstabu l-fdalijiet ta’ iljunfanti, ippopotami u annimali oħrajn li llum għebu mill-Gżejjer Maltin (l-istess bħalma kien seħħ f’Għar Dalam); dan qabel ma ttertqu bil-barrieri. U bħalma diġà rajna, isem il-Magħlaq huwa wkoll marbut ma’ waħda mill-aktar żewġ sistemi tettoniċi importanti f’Malta (is-sistema l-oħra hija dik tal-“Victoria Lines”). Fil-viċin tinsab ukoll mina naturali mistura wara d-depożiti tal-Magħlaq, b’bokka fuq ix-xatt u oħra fil-baħar u b’ċagħqija żgħira f’nofsha, u quddiem din joħroġ ilsien ta’ blat prominenti, immejjel mhux ftit u minfud mill-ħnejja naturali ferm sabiħa ta’ Għar Ħaxixa [44]. Biswit ix-xaqliba l-oħra tal-ħnejja hemm ukoll għar imdaqqas li jħares lejn il-lvant bħallikieku biex jara x-xemx tielgħa filgħodu. Sewwasew wara l-għerien li għadna kemm semmejna, xaqq ġeoloġiku ieħor bħal ta’ Għar Manwel joħloq ħondoq fond li jissejjaħ Ħalq is-Siġar [46] aktarx għas-siġar tat-tengħud u tat-tin li jikbru fih. Fil-qiegħ nett tal-ħondoq tinsab għadira tassew ħelwa, imdawra għal kollox bl-art, li tinfed mal-baħar miftuħ minn ġo mina fonda taħt l-ilma. F’xi mapep, ‘l hawnhekk jidher l-isem Il-Mitqub [45]  jew Għar il-Mitqub (toponimu li tiltaqa’ miegħu fejn ikun hemm xi għar jinfed), iżda mhux ċar għal liema wieħed mill-għerien li semmejna qed jirreferi sewwasew. Il-kosta lejn il-lvant ta’ Ħalq is-Siġar hija magħmula minn sies lixx li sat-tarf l-ieħor tiegħu ma jaqta’ xejn għajr għal minżel naturali mnaqqar f’nofsu.

Il-bjar preistoriċi tal-Misqa

Ħaġar Qim

Ma jkunx xieraq li ngħaddu minn dawn l-inħawi mingħajr ma mqar insemmu l-fdalijiet preistoriċi famużi li jinsabu tassew fil-qrib. It-tempji ta’ L-Imnajdra [47]  (isem li jfisser mandra żgħira) qegħdin fuq ix-xifer għoli li jagħti fuq Ħalq is-Siġar u biswit il-qrajten li semmejna. Bejn l-Imnajdra u l-bidu tal-Wied tal-Magħlaq, hemm ukoll Il-Misqa [48] (nom mimmat li jindika ħażna ta’ l-ilma għat-tisqija) li fil-fatt huwa grupp ta’ bjar ta’ l-istess żmien preistoriku. Wieħed minn dawn il-bjar għad għandu għatu tal-ġebel fi stat tajjeb; kważi tani l-biki nisma’ wieħed mill-bdiewa tal-post jirrakkonta kif qrabatu kienu kissru l-għotjien antiki tal-bjar l-oħra biex minnhom kisbu l-ġebel għall-ħitan tas-sejjiegħ! L-artijiet maħduma ta’ madwar Il-Misqa isibuhom bħala Il-Qasam il-Kbir [49], biex jagħrfuhom mill-Qasam iż-Żgħir [50] li jinsab madwar it-tempji l-oħra ta’ Ħaġar Qim [54] (kultant imsejħin ukoll Ġebel Qim mix-xjuħ tal-post). Il-kelma “qim” tfisser wieqaf, u ġejja mill-istess għerq ta’ “mqajjem”; m’għandhiex x’taqsam ma’ l-użu tat-tempji għall-qima ta’ l-allat kif ġieli kienu jgħallmuna fl-iskejjel.

Mill-Imnajdra, Ħaġar Qim jintlaħaq permezz ta’ mogħdija dritta li taqsam bejn ix-xagħra Ta’ l-Imnajdra [52] u dik Ta’ Glidi [53] u tibqa’ tielgħa sa l-artijiet għoljin Ta’ Ħaġar Qim [54]. Jeżisti wkoll Il-Qasam iċ-Ċkejken [55], iżda dan qiegħed aktar ‘il bogħod lejn San Niklaw fuq in-naħa l-oħra tat-triq ewlenija li llum tgħaqqad lil Għar Lapsi ma’ Wied iż-Żurrieq. Matul l-istess triq, f’Tas-Sruġ [56] fuq ix-xaqliba l-oħra tal-Wied tal-Magħlaq, hemm xi katakombi moħbijin taħt il-ħitan tas-sejjiegħ qalb ir-raba’.

Il-veduta tal-kosta mill-inħawi tan-Niffied

Sewwasew taħt it-tempji nsibu waħda mill-isbaħ meded tal-kosta Maltija: In-Niffied [57]. Tintlaħaq minn Ħalq is-Siġar jew inkella mill-Imnajdra, u mill-għoli tistħajjilha qisha pala t’id b’ħamest iswaba’ ħerġin għal ġol-baħar u sitt daħliet imkennija bejniethom. Hawnhekk, il-mewġ għamel xalata sħiħa mill-blat artab, u għaldaqstant ix-xatt huwa miżgħud b’għerien, mini u ħnejjiet naturali. L-ewwel daħla igħidulha Irsejjen [58]: ħondoq tawwali u dejjaq, maqrus bejn l-ewwel ilsien (Il-Ponta ta’ Rsejjen [59]) u s-sies wieqaf li jkompli ġej minn Ħalq is-Siġar. Għandha xtajta ċagħqija li tintlaħaq faċilment minn passaġġ għan-niżla, u skoll tawwali fil-bokka. L-iskoll huwa mlaqqam Il-Ħmar [60] jew Dahar il-Ħmar, u xi darba kien magħqud ma’ l-eqreb art bi ħnejja naturali li llum inqerdet; ħdejh hemm ukoll għar fil-baħar. Dettall kurjuż ieħor huwa li meta ffurmat id-daħla ta’ Rsejjen (li bdiet bħala xaqq ikkaġunat minn ċaqliq ta’ l-art), qasmet fi tnejn il-wied ċkejken li mill-blat wieqaf ta’ Taħt l-Imnajdra [61] kien jinżel lejn il-baħar, tant li ż-żewġ tulijiet tal-wied għadhom jidhru fuq il-ġnub opposti, bil-baħar bejniethom. Il-parti t’isfel ta’ dan l-istess wied, li llum hija maqtugħa mill-art li dari kienet taqleb l-ilma għal ġo fiha, taqsam il-Ponta ta’ Rsejjen u tintemm f’dagħbien żgħir (sinkhole) li jaqa’ dritt għal ġot-tieni daħla, magħrufa bħala Il-Ħawħa [62]. Għadu jidher ukoll il-materjal li fl-antik kien inġarr għal isfel mill-wied, bħala borġ ieħor imdaqqas ta’ Depożiti Kwaternarji li f’dal-każ isibuhom bħala Il-Ġebel l-Aħmar [63]. Il-Ponta ta’ Rsejjen stess tibqa’ nieżla għal xejn għal xejn taħt il-baħar, u taħt is-sikka tagħha hemm ħnejja naturali mgħarrqa.

Il-ponta ta' Ras il-miġnuna bi ħnejja naturali fit-tarf

Il-ponta ta’ Ras il-Miġnuna bi ħnejja naturali fit-tarf

Ix-xtut baxxi iżda weqfin tal-Ħawħa jtintlaħqu biss bil-għawm wara li tinżel minn ġod-dagħbien li semmejna. Matulhom hemm erba’ għerien żgħar: tnejn fil-baħar, u tnejn oħra ‘l fuq mill-ilma li jidhru mill-bogħod għax għandhom bokka wiesgħa, tant li wieħed minnhom isibuh bħala L-Għar il-Kbir [64] jew L-Għar tal-Faċċata. Hekk kif taqbeż dan l-għar l-ewwel tiltaqa’ ma’ sensiela ta’ blatiet ċkejknin fil-baħar, fosthom L-Imdawra [65] (blata tawwalija max-xatt, qisha pedistall ta’ kolonna) u Il-Maqtugħa [66] (skoll żgħir ftit aktar ‘il barra) u mbagħad tilħaq ir-ras kemmxejn matnazza tan-Niffied il-Kbir [67], minfuda min-naħa għall-oħra minn toqba dejqa fuq l-art. Malli ddur man-Niffied il-Kbir hemm daħla oħra żgħira, ukoll mimlija bl-għerien, fosthom L-Għar li Jiżloq [68] b’ċagħqija ġo fih. Imbagħad imiss In-Niffied iż-Żgħir [67], ponta oħra li tmil lejn in-nofsihnar qisha rampa u minfuda b’mina naturali mdaqqsa li tat isimha lill-post, Għar in-Niffied [70]; fl-aħħar snin mis-saqaf waqa’ xi blat kbir li kważi sadd il-mina. Għawma minn ġo din il-mina, jew inkella madwar il-ponta, twasslek għal ġo daħla oħra li jsejħulha Denb il-Bagħal [71] jew Denb il-Bagħla, li tista’ tintlaħaq ukoll mill-art permezz ta’ passaġġ li jixbaħ lil dak ta’ Rsejjen. Aktarx li dan l-isem huwa xebħ dovut għall-għamla tal-blat fuq ix-xaqliba l-oħra tad-daħla (Il-Ponta ta’ Denb il-Bagħla [72]), fejn l-art tmil bħal fin-Niffied iż-Żgħir, ix-xatt huwa mdawwar, u saħansitra s-saffi tal-blat huma mgħawġin minħabba t-tagħfis qawwi li seħħ waqt il-proċessi tettoniċi. Wara l-kisra fix-xatt, tasal għal Ras il-Miġnuna [73] (jew Ras il-Ħamrija), ilsien twil u riqiq li jħares lejn ix-xlokk bi ħnejja sabiħa fit-tarf tiegħu.

Għar Ħanex [74] huwa għar kbir imrekken wara Ras il-Miġnuna, b’daħla mdaqqsa quddiemu li dari kienet parti minnu. Għandu ramla żgħira ġo fih, u fuq ġewwa tiegħu jinfed ma’ Denb il-Bagħal minn ġo “tieqa” dejqa (It-Toqba ta’ Għar Ħanex [75]) li fil-fatt hija l-unika aċċess li dan l-għar għandu mill-art. Maġenb Għar Ħanex, fuq in-naħa l-ġewwenija ta’ Ras il-Miġnuna, hemm ukoll mina naturali twila u dejqa li wkoll tinfed lura lejn Denb il-Bagħal. Fuq il-ġenb l-ieħor ta’ Għar Ħanex hemm l-aħħar waħda mill-irjus tan-Niffied: Is-Solf [76]. Dan l-ilsien ta’ art huwa tawwali, irqiq u bi ġnub għoljin; għandu wkoll minżel naturali xi ftit imwiegħer mnejn tista’ tinżel sal-bajja ta’ quddiem Għar Ħanex. L-aħħar fost is-sitt daħliet hija Ħalq it-Tafal [77], ħondoq wieqaf u dejjaq marsus bejn is-Solf u s-sies lixx irħama (kontinwazzjoni tas-sies ta’ Ħalq is-Siġar u Rsejjen) li jerga’ jitfaċċa propju hawnhekk. Bla dubju, ħadet isimha mill-għamla tad-daħla u mit-tafal li jinsab fiha wara li nqabad fit-tħaxkin tettoniku qawwi li seħħ tul il-qasma kbira li tgħaddi minn hawn. Eżatt fuq Ħalq it-Tafal isaltan It-Torri tal-Ħamrija [78], wieħed mit-tlettax-il torri li nbnew mill-Granmastru Martin De Redin fl-1658-9 biex iħarsu x-xtut, u anke qabel kien hemm posta tal-għassa (il-“Guardia ta’ Ras il-Ħamrija”, skond G.F. Abela li ħareġ il-ktieb tiegħu madwar tnax-il sena qabel ma nbena t-torri).

Ħalq it-Tafal u t-Torri tal-Ħamrija

Madwar in-Niffied, il-qiegħ huwa kullimkien baxx, u anke jekk titbiegħed mill-kosta lejn il-baħar miftuħ issib il-qsura tas-Sikka tal-Ħamrija [79], waħda mis-sikek ewlenin ta’ madwar il-Gżejjer Maltin. Minħabba li tifrex fuq medda wiesgħa, is-sajjieda jagħmlu distinzjoni bejn il-partijiet differenti tagħha. Il-ħâfa ta’ faċċata n-Niffied, li tidher ukoll mill-art, isejħulha L-Iskoll ta’ Art ma’ Art [80] (jew sempliċement L-Iskoll), filwaqt li lejn il-punent jinsab Il-Vajrit ta’ Bi Dritt il-Magħlaq [81] (ismu miegħu, peress li “vajrit” huwa tip ta’ qiegħ bi rqajja’ ramlin u oħrajn miksijin bl-alka). Aktar lejn ix-xlokk hemm ir-roqgħa ta’ Ġebel Qim Fuq il-Ħajt [82], li ssibha jekk issalpa bi dritt Ħaġar Qim u tibqa’ ħiereġ sa ma tara l-Għar tal-Battâx fil-bogħod (il-“ħajt” huwa l-irdum ta’ Ħad-Dingli, u dan l-għar qiegħed fil-bidu tiegħu).

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri