Billi l-gżira ta’ Malta hija mxaqilba sew mill-lbiċ għall-grigal, id-dawra sħiħa minn Bengħisa sa Fomm ir-Riħ hi magħmula kważi għal kollox minn irdumijiet għoljin. Dan il-ġenb tal-gżira is-sajjieda isibuh bħala Wara Malta jew Mal-Ġebel [1]; il-kelma “ġebel” hija fis-singular u tfisser muntanja jew sies għoli. Ħlief għal xi rqajja’ ċkejknin fejn xi widien kbar jinfdu sal-baħar (ngħidu aħna, f’Wied Żnuber u Miġra l-Ferħa), xtut baxxi mal-baħar jinsabu biss madwar Għar Lapsi u Wied iż-Żurrieq. F’dan l-artiklu xtaqt indawwarkom ftit propju ma’ din il-parti tal-kosta.

Kitba ta’ Alex Camilleri . L-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 31, 2007. Ix-xbihat meħudin minn Google Maps.

Ix-Xaqqa u Għar Lapsi

Ix-Xaqqa

Il-mawra tagħna tibda mill-kisra tat-triq li tinżel lejn Għar Lapsi, peress li hawn jintemmu ħesrem l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli u tibda plajja differenti għal kollox minnhom. Il-ġonta ta’ bejniethom tidher bħala ħondoq fuq il-lemin tat-triq, ismu miegħu: Ix-Xaqqa [4]. Dan il-post huwa marbut ma’ taqlib qawwi fil-qiegħ tal-Mediterran li fost oħrajn xaqleb lil Malta u Lampedusa fuq ġnubhom u fannad il-baħar ta’ bejniethom, qata’ lil Filfla minn ma’ Malta, u fforma s-sisien għoljin ta’ Ħad-Dingli u Ħal Far. U fix-Xaqqa stess jidher sew l-effett ta’ dan iċ-ċaqliq. L-ewwelnett il-blat huwa nċanat qisu rħama minħabba t-tħaxkin taż-żewġ naħat tal-qasma (fault) kontra xulxin, u t-tieninett il-qortin imsejjaħ Il-Gżira [6] (man-naħa ta’ Lapsi) tniżżel b’mod li s-saff tal-qawwi ta’ fuq qiegħed bi dritt iż-żonqor tan-naħa l-oħra (Ta’ Bellula [3]), meta dawn soltu ssibhom f’livelli ferm differenti. L-istess qasma tkompli anke fuq in-naħa l-oħra tat-triq, fejn tispikka bħala tarġa qawwija bejn Ix-Xagħra ta’ Għar Lapsi [20] u l-art għolja li tittawwal għal fuqha. L-istess tarġa tkompli tul il-kosta kollha sa l-Imnajdra, peress li x-xtut t’hawnhekk huma lkoll parti mis-“sistema tal-Magħlaq”, medda ta’ art li tniżżlet għal mal-baħar permezz ta’ proċess tettoniku qisu terremot kbir iżda bil-mod, mifrux fuq bosta sekli minflok f’daqqa.

It-Torri

Bi ftit diffikultà, mix-Xaqqa tista’ tixxabbat sal-baħar. U b’hekk issib ruħek f’rokna l-ġmiel tagħha: kalanka tawwalija u dejqa mkennija bejn Ix-Xwieki [2] (il-bidu tas-sisien ta’ Ħad-Dingli) u lsien ta’ blat irqiq u għoli li jagħti lemħa lil serrieq u li għalhekk jissejjaħ Il-Munxar [5] jew Il-Blata tal-Munxar. Il-baħar miftuħ minnu ‘l barra huwa magħruf bħala Il-Fond tax-Xaqqa [7]. L-għonq li jgħaqqad il-Munxar ma’ l-art għandu mina naturali li tinfdu u tagħti għal daħla oħra aktar miftuħa quddiem żewġ għerien, wieħed żgħir (L-Għar tax-Xaqqa [8]) u l-ieħor imdaqqas (Għar Ħwejjeġ [9] jew Għar il-Ħwejjeġ). Jingħad li dan il-laqam għandu x’jaqsam ma’ ħafna imbarazz li l-baħar darba kien daħħal minn xi vapur, aktarx wara nawfraġju. Il-ħarrieġa ta’ blat baxx biswit dan l-għar igħidulha Il-Ponta tas-Sies [10] peress li tinsab taħt Is-Sies l-Abjad [11] (jew Is-Sies), il-ġenb għoli tal-Gżira li mix-Xaqqa jibqa’ sejjer sa l-impjant tar-Reverse Osmosis. Dan l-irdum huwa miżgħud bl-għerien ċkejknin fuq l-art, li jservu ta’ bejtiet għall-agħsafar tal-baħar. Hemm ukoll roqgħa ta’ tirxien li waqgħu għal isfel, u għar fil-baħar li jafuh bħala L-Għar iż-Żgħir [12]. Taħt l-impjant, l-irdum jitbaxxa u hemm sensiela ta’ sitt għerien imdaqqsin fil-baħar, fosthom tlieta b’aktar minn bokka waħda. Wieħed minn dawn għandu tliet fetħiet u jgħidulu Bieb il-Għerien [13]; qiegħed sewwasew mat-tarf espost tal-Ponta s-Sewda [14] (inkella r-Ras is-Sewda jew Il-Ħaġra s-Sewda). Fl-istess inħawi, sa Żmien il-Kavallieri kien hawn posta tal-għassa msejħa il-“Guardia tal-Gżira”. Minn hawn, l-irdum jikser f’daqqa lejn il-lvant sa ma jintemm f’L-Ilsna [15], tliet ponot żgħar max-xatt isimhom magħhom. Maqtugħ ‘il barra bi dritt l-Ilsna hemm skoll baxx mal-baħar— Ġanni l-Iswed [16] jew Il-Blata ta’ Ġanni l-Iswed.

Il-Veduta mill-post magħruf bħala l-Pulptu

Ftit ‘il bogħod jinsab Il-Wied ta’ l-Ilsna [17], wied baxx imma kemmxejn twil li jibda minn ħdejn Ix-Xaqqa u sa ma jasal biex jiżbokka hawn, jaqsam l-inħawi ta’ Lapsi f’żewġ taqsimiet ewlenin: Ix-Xagħra tal-Gżira [19] bejnu u s-Sies l-Abjad, u x-Xagħra ta’ Għar Lapsi (li f’nofsha jispikka It-Torri [21], binja qadima b’xi egħlieqi madwarha) aktar lejn il-lvant. Għal ġo fih jaqleb ukoll Wied Lapsi, li jsegwi n-niżla minn ħdejn id-Dar tal-Providenza u l-artijiet Ta’ Wied Lapsi [22] (fil-fatt, it-triq inbniet ġo qiegħ il-wied) u jintemm f’tarf għoli mnejn iferra’ għal ġol-Wied ta’ l-Ilsna. Malli taqbeż ħalq il-wied, f’Ta’ Berwieq [24], jerġa’ jibda rdum ta’ xi tliet sulari b’ħafna tirxien u skollijiet fil-baħar baxx ta’ taħtu u b’posta tas-sajd imlaqqma Il-Pulptu ta’ Lapsi [25] jew Fuq il-Pulptu (minħabba l-għamla tagħha qisha ħofra fil-blat) lejn il-bidu tiegħu. Mit-tarf l-ieħor ta’ l-irdum tisporġi l-Ponta ta’ Lapsi [26], li tkennen il-qala ta’ Wara Lapsi [27] jew Il-Qawsalla (taħt l-irdum) mil-lvant. L-istess ras għandha wkoll tarf ieħor baxx mal-baħar (Il-Ponta tas-Sargi [28]), li jagħlaq id-daħla ferm imfittxija ta’ Għar Lapsi [29]. Skond ma jingħad, dan il-lokal kiseb ismu minn tradizzjoni qadima li n-nies ta’ l-irħula ta’ madwar kienu jinżlu jgħumu hawn nhar il-festa ta’ Lapsi. L-għar innifsu jinsab fuq l-art, u minħabba li għandu żewġ bokok ġieli igħidulu L-Għerien [30]. Taħt il-Ponta tas-Sargi hemm mina naturali taħt l-ilma li tniffed id-daħla ta’ Għar Lapsi mal-baħar miftuħ, filwaqt li ‘l barra minn max-xatt hemm In-Naqra [31], sikka li s-sajjieda jsibuha billi jieħdu linja bi dritt il-kantuniera tal-“lukanda ta’ Rita” mar-rampa wieqfa ta’ Għar Lapsi u jibqgħu ħerġin sakemm jitfaċċa L-Għar tal-Battâx [32] fl-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli.

Il-Ponta ta’ Lapsi

L-Ilsien [33] huwa borġ għoli ta’ blat imqaċċat li joħroġ fil-baħar u b’hekk jifred ‘il Għar Lapsi minn daħla oħra ftit akbar minnu li jafuha bħala Ta’ Miżun [34] jew Għereq Miżun, isem li jagħtik x’tifhem li miegħu hemm marbuta xi ġrajja jew leġġenda traġika. Din il-kalanka pittoreska hija mdawra bi rdum baxx iżda fl-istess waqt tintlaħaq faċilment minn Għar Lapsi u hija imfittxija daqsu mill-għawwiema. Għandha wkoll skal għad-dgħajjes u żewġ għerien żgħar fil-baħar, wieħed minnhom b’ċagħqija ġo fih. Fi żmien il-gwerra, kienet inbniet kamra ta’ l-għassa (pillbox) mal-bokka tagħha, fir-ras imsejħa Ta’ Berwieq [35]; dan l-isem ifakkrek fix-xitla salvaġġa tal-berwieq li tikber kotrana f’dawn l-akkwati. In-naħa l-oħra ta’ din ir-ras tagħti għal fuq Għar Manwel [36], l-akbar u forsi l-isbaħ mill-qaliet ta’ dawn l-inħawi, fejn mill-ewwel jolqtok l-irdum għoli b’faċċata lixxa qisha rħama li fil-fatt huwa għelm ieħor tas-sistema tal-Magħlaq. Għall-ewwel darba tul ir-rotta tagħna, f’Għar Manwel jidhru żewġ sisien fuq xulxin qishom taraġ: dan l-irdum li jagħti ‘l isfel għal fuq il-baħar u, saħansitra aktar fil-għoli, il-ġenb wieqaf tax-Xagħra tal-Magħlaq [37] li jkompli mal-faċċata tax-Xaqqa u jiddomina l-kosta sħiħa ta’ bejn Għar Lapsi u L-Imnajdra. F’Għar Manwel, hemm ukoll bosta għerien mal-baħar; dawk li qegħdin mal-ġenb tal-punent taħt Ta’ Berwieq huma ċkejknin u ftit hemm xi tgħid dwarhom, filwaqt li l-erba’ għerien ta’ max-xaqliba l-oħra (Ras Ħanżir [38]) huma akbar u aktar varjati. L-ewwel għar, li ssibu ħdejk malli tinżel mill-uniku passaġġ li jagħti għall-bajja, huwa tawwali u għandu ramla fuq ġewwa. Imbagħad hemm żewġ għerien taħt l-ilma, it-tnejn li huma b’minfes (blowhole) li jagħti għal fuq l-art tant li tista’ taqbeż minn ġol-minfes u tgħum ‘il barra minn taħt, basta l-baħar ikun bnazzi. Fl-aħħarnett, hemm għar ieħor imdaqqas iżda bil-bokka dejqa li titgħatta għal kollox mill-mewġ meta l-baħar ikun imqar ftit qawwi; dan iwassal biex l-arja ta’ ġewwa tiġi ikkumpressata u toħroġ bħal riefnu minn toqba oħra fil-ġenb. Jista’ jkun li l-ħsejjes tal-baħar fl-aħħar tliet għerien (li fil-maltemp jinstemgħu qishom inħir ta’ ħanżir) wasslu għall-isem tal-post.

 

Għar Lapsi

JISSOKTA

(C) Alex Camilleri