It-TIĠIEĠA (chicken) hi l-iktar importanti fost it-tjur kollha li jrabbi l-bniedem għall-laħam, għall-bajd u għar-rix, u jkun aħjar jekk nibdew biha. Minn kienu l-ewwel nies li bdew irabbu t-tiġieġ għall-qatla? Alla biss jaf! Imma kulħadd jaqbel li n-nisel tat-tiġieġa domestika ġej mill-kontinent ta’ l-Asja. Kitba qadima Ċiniża tgħid li t-tiġieġa ġiet mill-Indja. Fl-Eġittu tal-qedem, l-Eġizzjani ta’ żmien il-Fargħun, mhux biss kienu jrabbu t-tiġieġ, imma talli diġa’ kellhom speċi ta’ inkubaturi, jew fran, apposta biex IFAQQSU l-bajd (to hatch). L-istudjużi jaħsbu li t-tiġieġa li nafu llum tnisslet fil-qedem minn xi waħda, jew minn taħlita ta’ aktar minn waħda minn erba’ razez ta’ tiġieġ slavaġ li kienu jinstabu fin-naħat ta’ l-Indja. Tlieta minn dawn it-tliet razez kienu jixxiebhu, billi t-tlieta kellhom erbatax-il rixa f’denbhom, GĦALLA (comb) bil-pizzi, u żewġ IMSIELET (wattles). Filwaqt li r-raba’ razza kellha sittax-il rixa fid-denb, GĦALLA mingħajr pizzi, u MISLUTA waħda flok tnejn.

Dan il-kapitlu deher oriġinarjament bħala parti mill-ktieb “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni” ta’ Ġużi Gatt.

Is-SERDUK (cock) hu r-raġel tat-TIĠIEĠA (hen). Xi ħamest ijiem wara li s-serduk IBERREK lit-tiġieġa, din tibda TBID (to lay) bajd INGALLAT (fertilized). Jekk TOFQOS (to crack) bajda fi platt u tħares lejn l-ISFAR (yolk) tagħha, għandek mnejn tara tikka żgħira ħamra f’nofs l-isfar. Dak ifisser li l-bajda tkun ingallata u l-fellus ikun beda jissawwar f’dik it-tikka l-ħamra. It-tiġieġa TOQROQ (to brood) fuq il-bajd, jiġifieri toqgħod b’żaqqha fuqu biex issaħħnu, u meta tkun hekk tissejjaħ QROQQA (brooding chick). Il-bejta bil-bajd li toqroq fuqha l-qroqqa jgħidulha l-BINNIJA (egg-nest). Il-bajd idum xi 21 ġurnata biex IFAQQAS (to hatch). Il-frieħ li jfaqqsu mill-bajd jgħidulhom FLIELES (chickens). Meta jikber ftit, il-fellus, jekk jinzerta mara, isir GĦATTUQA (għewietaq). Ta’ xi erba’ jew ħames xhur l-għattuqa TIFTAĦ TBID, u allura ssir tiġieġa. Jekk jinzerta raġel, il-fellus isir FARRUĠ (pl. frareġ), u meta l-għalla tikber sewwa u jilbes ir-rix kollu, isir serduk.

Tiġieġa li tbid ħafna bajd tissejjah TIEĠIEĠA BAJJADA. Tiġieġa tajba kapaċi tbid aktar minn 200 bajda f’sena.

Is-serduk JIDDEN (to crow); It-tiġieġa TQAQI (to cackle); u l-fellus IĊEJJAQ (to cheep, to chirp)

Serduk imsewwi jgħidulu ĦASI (capon). Kull annimal raġel għandu l-ĦASWEJN. Fil-Malti tal-lum, il-kelma ĦASWA jew ĦASWEJN tista’ tgħid li mietet għal kollox. Min flokha sirna ninqdew bil-kelma “bajda”, “bajd”. Imma l-kelma Maltija safja hi ĦASWEJN (testicles). Kull annimal maskili (jista’ jkun anke raġel) li jkollu ħaswejh imneħħija jew maqtugħa, jissejjah ĦASI. Fi żmienna dil-kelma tista’ tgħid li tingħad biss għas-serduk, imma tgħodd ukoll għal kull min hu MOĦSI (castrated), anke għall-bniedem.

It-tiġieġ jimirdu bil-PESTA TAT-TJUR (Newcastle disease), bil-BRONKITE TAT-TJUR (bronchitis), bil-ĠIDRI (fowl pox), bis-SLIEĦ (diarrhea), bil-ĦNIEX (worms) u b’mard ieħor; minbarra li jduru għalihom il-BRIEGĦED (fleas) u l-ĦURRIEQ (hen louse). Imma daż-żmien ta’ kollox hawn it-tidwija.

Minbarra t-tiġieġ, il-bniedem irabbi wkoll id-DUNDJANI (turkeys), il-PAPRI (ducks), il-WIŻŻ (geese), il-FARAWN (guinea fowls), il-FAĠANI (pheasants), is-SUMMIEN (quails), il-ĦAĠEL (partridges) u issa anke in-NAGĦAM (ostriches) u l-EMU (emu).

Ma nistgħux inħallu barra l-ĦAMIEM (pigeons). Il-varjetajiet kollha ta’ ħamiem li jrabbi l-bniedem huma kollha mnissla minn tajra selvaġġa li bil-Malti tissejjah TUDUN TAL-ĠEBEL (rock dove). Dit-tajra teżisti anke f’Malta, għalkemm fi kwantitajiet żgħar u tbejjet fil-blat għoli tan-nofs-in-nhar ta’ Malta u ta’ Għawdex. Skond kif jgħidu Joe Sultana u Charles Gauci fil-ktieb tagħhom “L-Agħsafar”, it-tudun f’Malta m’għadux ta’ razza safja minħabba t-taħlit tiegħu mal-ħamiem tat-trobbija u ma’ dak li hawn jiġri fit-toroq u l-pjazez. It-tudun tant imur tajjeb man-nies, li l-bniedem ilu mill-qedem irabbih, u jnissel għamliet u suriet differenti minnu. Il-kwalitajiet differenti ta’ ħamiem li hawn illum jintgħaddu bil-mijiet u mhux la kemm tikklassifikahom. Imma l-aktar taqsimiet magħrufa huma dawn li ġejjin:

ĦAMIEM TAL-BALLA (pouters): Dawn kapaċi jonfħu sidirhom bl-arja b’mod li jiġi qisu ballun. Xi ftit jew wisq, dil-ħaġa jagħmluha l-irġiel kollha tal-ħamiem meta jkunu qed jinnamraw, imma l-ħamiem tal-balla jagħmluha ferm aħjar minn ħaddieħor.

ĦAMIEM TAT-TOPPU (carriers): Dawn ikollhom ir-rix ta’ ma’ wiċċhom ħiereġ ‘l barra u ġej għall-ponta.

ĦAMIEM TA’ L-IMREWWĦA (fantails): Razza qadima ħafna li tnisslet fin-naħiet ta’ l-Indja. Denbhom ikun kbir ħafna u mqawwas. Is-soltu, denb il-ħamiema jkollu tnax-il rixa; imma l-ħamiem ta’ l-imrewħa jista’ jkollu sa sitta u tletin rixa f’denbu, jiġifieri t-triplu.

ĦAMIEM TA’ L-GĦONNELLA (jacobins): Ikollhom ir-rix ta’ rashom u għonqhom twil, b’mod li xi kultant jgħattilhom wiċċhom u għajnejhom.

ĦAMIEM DUMNIKAN (swallows): Ħamiem taż-żina, b’rix iswed u abjad. Ir-rix ta’ mas-sieq ikun kbir ħafna u jifforma qishom KALZETTI (muffs), u allura jgħidulu wkoll ĦAMIEM KALZETTIER.

ĦAMIEM XAQLIBAN (tumblers/rollers): Dawn huma magħrufa għall-gabirjoli li jagħmlu waqt li jtiru.

ĦAMIEM TAT-TIĠRIJA (racing pigeons): Ismu miegħu.

Il-ĦAMIEM(U) hu r-raġel tal-ĦAMIEMA (pl. ħamiem). Wara li l-ħamiemu jberrek lill-ħamiema, din tbid żewġ bajdiet. Ir-raġel u l-mara jgħinu lil xulxin fit-tifqis tal-bajd, u t-tnejn joqogħdu qroqqa fuqu. Dil-ħaġa jagħmluha ħafna tjur oħra, imma mhux kollha. Is-serduk, ngħidu aħna, qatt ma jgħaddilu minn rasu li joqgħod hu qroqqa fuq il-bajd flok it-tiġieġa. Il-bajd tal-ħamiem ifaqqas wara għoxrin ġurnata. Il-frieħ jgħidulhom BĊIEĊEN (sing. beċċun). Il-flieles tat-tiġieġa jibdew jiġru u jnaqqru l-ikel mill-art minn kif ifaqqsu mill-bajda, imma l-bċieċen le. Il-ħamiema ŻŻOQQ il-bċieċen sakemm jikbru biżżejjed biex ifendu għal rashom. Wara li tkun rabbiet u tajret l-ewwel par, il-ħamiema tista’ terġa’ tbid żewġ bajdiet oħra. U meta tkun lesta mit-tieni par, tista’ terġa’ tbid tnejn oħra, għalkemm dil-ħaġa mhux dejjem tiġri. Wara t-tieni jew it-tielet par, il-ħamiema tieqaf tbid sa l-istaġun ta’ wara.

Il-ħamiem IBARQAM (to coo). Dari, il-ħamiem kien jitrabba ġol-GOR. Aktar tard ġiet il-BARUMBARA; u daż-żmien ħafna ħamiem jitrabba f’xi GALLINAR fuq xi bejt.

MIKLEM

 

Poultry It-Tjur                                 
   
Cock Serduk                                
Hen Tiġieġa                               
Chicks Flieles                                 
Pullet Għattuqa                            
To lay Tbid                                    
To brood Toqroq
Brooding hen Qroqqa
To hatch Tfaqqas
Egg-nest Il-Binnija
Fertilized Egg Bajda ngallata
Egg yolk L-Isfar tal-bajda
Egg white L-Abjad tal-bajda
Capon Ħasi
Comb Għalla
Wattle Misluta
Hackle Munxar 
To crow Jidden
To cackle Tqaqi
To cheep/chirp Iċejjaq
   
Newcastle disease Pesta tat-tjur
Fowl pox Ġidri tat-tjur
Diarrhea Slieħ
Worms Ħniex
Hen louse Ħurrieq
   
Duck Papra
Turkey Dundjan
Gooze Wiżża
Guinea fowl Farawn
Pheasant Faġan
Quails Summien
Partridge Ħaġla/PerniċI
Ostrich Nagħma
Emu Emu
Peacock Pagun/Taws

 

Pigeons Il-Ħamiem
   
Dove Ħamiema
Rock dove Tudun tal-ġebel
Young Bċieċen
To coo Tbarqam
Pigeon loft Barumbara/Gallinar
Pouters Ħamiem tal-balla
Carriers Ħamiem tat-toppu
Fantails Ħamiem ta’ l-imrewħa
Jacobins Ħamiem ta’ l-għonnella
Swallows Ħamiem Dumnikan/Kalzettier
Tumblers/rollers Ħamiem xaqliban
Racing pigeons Ħamiem tat-tiġrija                            
Ismijiet oħra huma “Ta’ l-oħxon”, “Tal-Barr”, u “Waqwaq”.

 

 

Animal Feed L-Għalf
   
Fodder/forage Magħlef
   
Chicory Indivja
Dandelion Tfief
Vetch ġulbiena
Safflower Għosfor
Cummin Kemmun
Clover Silla
Straw Tiben (tal-qamħ jew tax-xgħir)
Caterpilar plant Widna
Bitter vetch Żofżfa (kollox bil-qatta)

 

  Ġwież
   
Chick-peas Ċiċri
Chickling vetch Ċikkarda
Beans Ful
Bran Nuħħala
Corn/wheat Qamħ
Maize Qamħirrum
Millet/dari-seed                  Qaraboċċ
Canary seed Skalora
Barley wheat Xgħir
   
Hay Ħuxlief
Greens L-Aħdar
Pasturage/grazing Ragħi
Pasture Għaxeb

(C) Ġużi Gatt