F’dawn l-aħħar snin drajna nsibu fis-suq il-frott u l-ħxejjex “barra minn żmienhom”.  Imma sa ftit tas-snin ilu kollox kellu “żmienu”, għalkemm hemm għelejjel tar-raba’ li jistgħu jinħażnu biex imbagħad jinbiegħu u jittieklu meta ma jkunux għadhom jidhru fl-għelieqi tagħna.

Kitba ta’ Karmenu Pace. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9(2010)3 Nru. 34.

Biex nieħdu eżempju: Il-bettieħ tax-Xitwa t’Għawdex kien hawn min jixtri qantar minnu meta jkun żmienu (jiġifieri għall-aħħar t’Awwissu) ħalli jaħżnu fuq xi setaħ jew taħt xi sodda, biex meta għal Settembru l-bħajra tkun spiċċat kollha, hu jkun jista’ jieħu xi bettieħa milli ħażen, jaqsamha, u jikolha.  Dan il-bettieħ jiflaħ jinħażen mqar sa tliet xhur, imbasta xi kultant idduru ftit biex tara jekk hemmx xi waħda li bdiet tmur, jew titħassar.

It-tewm u l-basal huma żewġ frottiet tal-art li jinħażnu mill-bdiewa u mill-mara tad-dar għaqlija, biex isibuhom meta fix-xitwa, dawn l-għelejjel jiskarsaw.  It-tewm u l-basal jinqalgħu għall-ħabta ta’ Mejju/Lulju.  Peress li dak iż-żmien ikun hawn ħafna fis-suq, il-preżż jorħos.  Mela l-bidwi, wara li jbiegħ li għandi jbiegħ, jaħżen il-bqija ġo xi għorfa mrewħa ħalli joħorġu fix-xhur tax-xitwa meta prezzu jkun aħjar

It-tewm jibda jinżera’ għal San Mattew, li jaħbat fil-21 ta’ Settembru, meta t-temp ikun beda jaħseb biex jaqleb; u jinqala’ għal Mejju.  It-tewm jinżera’ jew “bil-bejta” – jiġifieri f’ħofra li l-bidwi jagħmel fil-ħamrija bl-imgħażqa, u allura ngħidu li l-bidwi “ibejjet” it-tewm – jew inkella jintefa’ fir-radda wara l-moħriet, u mbagħad jitgħatta bil-ħamrija.  Il-bidwi jistenna x-xita biex tnebbet it-tewm.

It-tewm jinzera’ sinna sinna – jekk ikun sabiħ – jew xi erbgħa f’daqqa jekk ikun irqiq.  Wara li jinbet u jikber xi ftit, it-tewn jitnaqqa’ – jiġifieri tagħżaq ftit madwaru bla ma tmiss ix-xitla – u dan tagħmlu kemm biex teqred il-ħaxix ħażin, u kemm biex tiftaħ il-ħamrija ħalli din tieħu l-arja u tħalli l-ilma tax-xita jidħol.  Imma trid toqgħod attent li t-tewm tnaqqigħ meta jkun riħ fuq (mill-Punent tal-Grigal), bla nida, u bl-art xotta, għax inkella jista’ jimrad u jmut.  Ix-xitla tat-tewm tbati mill-marda tas-sadid – jitfaċċaw bħal tikek bojod matul il-weraq twil tiegħu, u x-xitla tisfar u tmut.  Jew tista’ titħassar ir-ras tiegħu fil-ħamrija u x-xitla tispiċċa.  Jew inkella jista’ “jrabbi l-ħniex” jiġifieri flok ma r-ras teħxien fil-ħamrija, din tniżżel bħal swaba’ minflok timla s-snien, u dan it-tewm ma jkun jiswa għal xejn għax ma jkunx fih x’tiekol.  Hemm ukoll ħanfusa li tbid fuq ras it-tewm meta din tkun għadha fil-ħamrija.  Il-bajda tfaqqas u d-dudu li joħroġ minnha jgħawwar ġo xi sinna tewm u jiekel u jgħix minnha.  Hu għalhekk li xi kultant tfesdaq xi ras tewm u ssib dudu kbir abjad ġo fiha.

It-tewm jibda JBID jew IFAQQAS, jiġifieri jibda jħaxxen ir-RAS li tkun magħmula minn ħafna snien.  Kull sinna tkun imgeżwra ġo fosdqa.  Is-snien jibdew jeħxienu, ir-ras tikber, u l-faxxina tax-xitla, jiġifieri dik il-parti li tkun ‘il barra mill-ħamrija tikber u togħla mal-pied u nofs jew żewġ piedi.  Sa fejn naf jien, it-tewm tal-mejda ma jagħmilx bont, li jkun bħal zokk twil li fit-tarf tiegħu ikollu bħal ballun tond mimli żerriegħa.  Imma jeżisti tewn selvaġġ, li hu endemiku għal Malta, li jtella’ l-bont biż-żerriegħa bħalma jagħmel il-basal.

Meta t-tewm JILĦAQ, jiġifieri meta jkun għadda ż-żmien u t-tewm ikun sar u lest biex jinqala’, dan taqilgħu billi tagħti daqqa ta’ magħżqa jew krexxun ġol-ħamrija taħt ix-xitla, tiġbed ix-xitla minn ġol-bejta jew radda fejn tkun, tfarfarha – għax għeruqha huma bħal xuxa u taqbad magħhom tuppana ħamrija – u tħallih jinxef fil-post għal xi ġimgħa jew aktar.  Biex taqla’ t-tewm hemm biċċa għodda oħra – il-FIESA – li hi bħal magħżqa dejqa bil-marloġġ magħmul ċatt, u b’bejta kwadra fejn jidħol il-marloġġ.  It-tewm, jekk jinqala’ aħdar, jiġifieri qabel żmienu, tista’ tiġbdu u taqilgħu b’idek; imma trid toqgħod attent li l-art ma tkunx iebsa, ghax inkella jista’ jitqaċċatlek.  Il-bidwi joqgħod attent ħafna mit-temp meta jkollu t-tewm maqlugħ u mitluq mal-art biex jinxef, għax jekk tagħmel xi ħalba xita u jixxarrab, dan jagħmel saħna u jitħassar.  Jekk jixxarrablu, l-bidwi jmur iqallbu biex jinxef u ma jeħux umdita’ minn taħtu.

Il-bidwi jkollu seba’ mitt sena biex jiġbor it-tewm li jkollu mferrex mal-għalqa u jdendlu x’imkien biex ikompli jinxef bil-kwiet.  It-tewm jagħmluh faxx faxx.  Kull faxx tewm ikun fih xi tużżana rjus jew aktar, skont kemm it-tewm ikun sabiħ u oħxon.  Ma jagħmlux ħafna f’daqqa ħalli t-tewm ikun jista’ jitrewwaħ, jiġifieri tgħaddilu l-arja biex ikompli jinxef.  Il-faxxi tat-tewm idendluhom fuq xi setaħ jew taħt xi taraġ xemxi, imma xorta trid toqgħod għassa tiegħu u tmur tiġri taqilgħu u ddaħħlu ġewwa malli tagħmel xi ħalba xita.  Il-kelma “faxx” ġejja mit-Taljan fascio, li tfisser “qatta’ marbuta”.  Ix-xitliet tat-tewm, bir-ras, ix-xniexel u l-faxxina b’kollox jintrabtu flimkien minn nofs il-faxxina.

Meta t-tewm ikun nixef kemm għandu jinxef, ikun jonqos biċċa xogħol oħra.  Għall-ħabta t’Awwissu, l-bidwi kien iqaċċat l-irjus minn mal-faxxina, u JFESDAQHOM, jiġifieri jneħħI dik il-qoxra żejda li tkun ddawwar ir-ras u jifred is-snien tat-tewm minn xulxin. Kull ras, jekk it-tewm ikun sabiħ, ikun fiha mat-tnax-il sinna u aktar ukoll.  Dari aktar mill-lum, wara li jfesdaq it-tewm, il-bidwi jnaddfu mill-frak, qxur, u ħliefa li jkun għad għandu miegħu billi JLEBILBU.  Kif?  It-tewm ikun qiegħed ġo xi kontenitur, ngħidu aħna xi banju jew jew landa.  Wara li tnaddaf kemm tista’ mill-ħliefa u l-qxur żejjed billi dduru b’idek, toħroġ x’imkien barra għall-arja u r-riħ, tieħu miegħek banju ieħor vojt, u tferra’ t-tewm minn ġol-banju l-mimli għal ġol-banju l-vojt.  Trid tferrgħu ftit mill-għoli, waqt li jkun għaddej ir-riħ, biex ir-riħ itajjar il-qoxra u l-ħliefa u joħodhom miegħu.  Trid tferra’ aktar minn darba – sakemm it-tewn jindaf.

Il-kelma “ilebleb” jien insibha interessanti mmens.  Missirijietna kienu jużawha aktar minna, kif tixhed il-kitba l-qadima.  Il-kwiekeb ilebilbu fis-sema billejl, in-nar ilebleb meta jħeġġeġ bil-qawwi, il-bnadar ilebilbu fir-riħ.  Illum għadna nużaw il-kelma meta xi ħadd ikun, ngħidu aħna, imlebleb għal sigarett, u meta jirnexxielu jaqta’ s-sigaretti xorta jibqa’ bil-leblieba tagħhom, – għax il-ħuġġieġa tax-xewqa xorta tibqa’ tlebleb fih.  Min jaħdem in-nar isemmi “l-istilla tat-tleblib” – għax id-dawl tagħha jaqa’ ‘l isfel f’ħafna biċċiet ilebilbu fl-ajru. Xi ġmiel ta’ kliem.  Ifakkarni f’kelma oħra li kien jgħid missieri Toni Pace mill-Qrendi.  Darba minnhom qalli: “Kont TIEWI għal ikla bebbux” – jiġifieri kelli xewqa kbira, kienet se taqagħli żaqqi għal ikla bebbux.  Id-dizzjunarji jagħtu l-kelma TIWI, u jfissruha bħala “konkupixxenza”! Dnub li kliem bħal dan jintilef mar-riħ.

Imma nkomplu fuq it-tewm.  Għall-ħabta ta’ Novembru, it-tewm li tkun ħżint ikun wasallu iż-żmien li jiċċaqlaq għax, skont in-natura, dak ikun iż-żmien li fih is-snien ikunu fil-ħamrija, lesti biex jinbtu, u mhux ġo xi kaxxa fil-kċina tiegħek.  Allura is-snien jibdew jarmu n-NEBBIETA, daqs li kieku kienu fil-ħamrija.  Meta jaraw it-tewm kollu jarmi n-nebbieta fil-kaxxa fejn ikun maħżun, il-bdiewa jgħidu li t-tewm XEGĦEL, għax peress li n-nebbieta għall-ewwel tkun bajda, tkun tidher qisha ħafna xemgħat żgħar.  Imma mbagħad in-nebbieta tiħdar.  Peress li s-snien tat-tewm ma jkunux jistgħu jerdgħu is-sustanzi mill-ħamrija, l-enerġija kollha li għandhom bżonn biex inebbtu joħduha kollha minn fuq ommhom, u allura s-sinna tiżvojta minn ġewwa u ma tkun tiswa għal xejn.  Jekk tagħraf taħżen it-tewm sew, jista’ jservik anke sa Jannar jew Frar, meta mbagħad tibda ssib tixtri xi tewma ħadra biex titfagħha fil-borma.