Dan huwa t-tieni minn sensiela ta’ kapitli li dehru oriġinarjament fil-Ktieb “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni” ta’ Ġużi Gatt.

IS-SĦAB

Il-meteoroloġija tagħżel bejn tliet tipi ta’ sħab li, it-tlieta li huma, ingħataw ismijiet bil-Latin:

Stratus – li jkun sħab ċatt u wiesa’ li bil-Malti jissejjaħ GĦAMIEM;
Cumulus – li jkun sħab ħafif u minfux (jiġifieri fluffy) u li bil-Malti jissejjaħ ĦAJBUR; u
Cirrus – sħab mislut qisu kollu ħjut, għeruq jew xniexel li aħna ngħidulu SĦAB TAR-RIĦ.

Ma’ dawn it-tliet ismijiet ta’ sħab jiżdiedu żewġ kelmiet oħra, bil-Latin ukoll, li huma Alto li tfisser “Għoli”, u Nimbus li tfisser “Tax-Xita”

Dawn il-ħames kelmiet bil-Latin jistgħu jitħalltu flimkien, l-istess bħal ma jagħmel is-sħab fis-sema, biex jiddeskrivu s-sitwazzjoni aħjar. Hekk, il-ħajbur ġie li jitwal fil-għoli, jiħxien u jiswied. Meta jiġri hekk jissejjaħ cumulonimbus – jiġifieri cumulus u nimbus – jew “ħajbur tax-xita”. Jew inkella, is-sħab tar-riħ jista’ jiġġebbed u jinfirex għall-wita u jiġi jixbah lill-għamiem – li hu saff sħab ċatt. Imma peress li ma jkunx stratus għal kollox għax jibqa’ mewġ mewġ u mhux ċatt mija fil-mija, jissejjaħ cirrostratus- jiġifieri cirrus u stratus jew oħra: Is-sħab tar-riħ ġieli, minflok jibqa’ ħjut ħjut, jinqasam biċċa biċċa u jiġi bħal biċċiet żgħar tat-tajjar wara xulxin, filliera filliera. Dan jissejjaħ cirrocumulus – cirrus u cumulus. Bil-Malti ngħidulu DAHAR IL-FEKRUNA.

Meta l-kisja ta’ sħab ma tkunx sfiqa ħafna, u allura d-dawl tax-xemx jew tal-qamar ikun jista’ jinfed is-sħab, tidher QAWWARA (halo) madwar ix-xemx jew il-qamar. Peress li l-qawwara tidher għax il-fwar tal-ilma fis-sħab jirrifletti d-dawl tax-xemx jew tal-qamar, il-qawwara saret mod popolari ta’ kif wieħed ibassar il-maltemp jew ir-riħ. Dat-tbassir mhux ta’ min jorbot fuqu ħafna, għax ġieli taqta’ u ġieli ma taqtax. Meta d-dawl tax-xemx jinfed u jgħaddi minn ġo l-ilma tax-xita, tidher il-QAWSALLA (rainbow). Infatti, il-qawsalla tidher bilfors faċċata tax-xemx, skond minn fejn tkun qed tħares int. U għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna nies, mhux biss tfisser li l-maltemp għadda (jekk tidher fil-lvant) imma tista’ tfisser li l-maltemp għadu ġej (jekk tidher fil-punent) – dejjem jekk ir-riħ ikun jonfoħ lejk.

IX-XITA

Jekk is-sħab jiħxien u jitqal biżżejjed, tagħmel ix-xita. Ix-xita tista’ TQATTAR, jekk tkun fi kwantita żgħira; tista’ tinżel IRXIEX (drizzle) jekk tkun bil-mod u ħafifa, jew f’ĦALBA (shower) qawwija. Meta tkun qawwija ħafna ngħidu li nieżla “bil-qliel”. “Qliel” hi l-plural ta’ “Qolla” li hi ġarra tal-fuħħar. Allura tiġi qisu xi ħadd qed iferra’ xi qolla ilma mis-sema għal isfel. Jekk ix-xita tkun qawwija biżżejjed, jagħmel il-WIED(1) (surface water runoff) li jekk ikun kbir biżżejjed jista’ jikkawża l-GĦARGĦAR (floods) li ġieli jkaxkru anke n-nies magħhom. Jekk jinġabar ħafna ilma f’post wieħed, l-art TISTAGĦDAR. Il-qtar ta’ l-ilma tax-xita jista’ jsir SILĠ (hail) li jħabbat mal-ħġieġ u jkisser l-uċuħ tar-raba’. Għalkemm it-temp qatt ma tista’ toħodlu kopja, f’Malta s-soltu ma jagħmilx ksieħ biżżejjed biex tinżel il-BORRA (snow).

Il-fwar tal-ilma fis-sħab jista’ jsir ĊPAR (fog) li jnaqqas il-VIŻIBILITA (visibility). Iċ-ċpar f’Malta jifforma l-aktar meta l-arja billejl tiksaħ ħafna meta mqabbla ma’ kif kienet binhar. Meta d-differenza tat-temperatura bejn il-lejl u n-nhar tkun kbira u tiġi għal għarrieda, il-fwar fl-arja jibqa’ mdendel bejn ħaltejn – jew isir nida, jew jibqa’ fwar. Bir-riżultat li jieqaf nofs triq u jsir ċpar. In-NIDA (dew) tifforma meta l-fwar f’arja xi ftit sħuna jmiss ma’ oġġett aktar kiesaħ. Jiġifieri għalkemm ngħidu “taqa’ n-nida”, din fil-fatt ma taqax, imma tifforma hawn isfel. In-nida tagħmel ġid kbir lir-raba’. Dari kienu jgħidu “Sajf imniddi, ħorġa mimlija”.

L-ilma tax-xita jinxtorob mill-art u jiskula ‘l isfel. It-TIRA hi l-INDEWWA (moisture) li wieħed isib fil-ħamrija anke meta l-wiċċ ikun nixef. Tħaffer ftit ‘l isfel u ssib il-ħamrija niedja

L-UMDITA’

L-umdita’ hi dik li titrabbielek mas-saqaf jew mal-ħajt jekk ma tħallibx il-bejt jew ma tiksix l-appoġġ. Meta nitkellmu fuq it-temp għandna ngħidu RTUBA (humidity) u mhux umdita’. L-irtuba hi l-preżenza tal-fwar tal-ilma fl-arja. Il-meteoroloġija tkejjel l-irtuba skond il-perċentwali ta’ ilma f’ċertu volum ta’ arja. Il-kejl tagħha jibda mix-xejn u jasal sa erbgħa fil-mija – jiġifieri jista’ jkollok sa 40 gramma ta’ ilma ġo kilogramma ta’ arja. Meta tkun hekk ngħidu li l-irtuba hi mija fil-mija, għax mid-dehra l-arja fis-saff t’isfel tal-atmosfera ma tiflaħx iktar ilma minn daqshekk. L-oppost tal-irtuba hu l-EĦTRIEQ (dry air). Meta jkun eħtrieq, l-arja tkun xotta u nieqsa mill-ilma. F’Malta l-irtuba rari li tinzel inqas minn erbgħin fil-mija – għalkemm jgħidu li ġurnata waħda f’Awwissu tal-1957 niżlet għal tmienja u għoxrin fil-mija. Jiġifieri dakinhar kien ħafna EĦTRIEQ.

IR-RIĦ

Ftit huma dawk il-ġranet f’Malta li fihom ma jagħmilx riħ. L-aktar xhur mirjieħa huma minn Marzu sa Mejju – “Mejju mirjieħ, b’kull deni stennieh”- u l-aktar riħ komuni hu l-majjistral, li jikkalkulaw li jonfoħ għal għoxrin fil-mija tal-ġranet tas-sena. Ir-riħ iqum għax l-arja fuq wiċċ id-dinja ma tisħonx kullimkien l-istess. Peress li l-art tisħon aktar malajr mill-baħar, l-arja ta’ fuq l-art tisħon aktar mill-arja ta’ fuq il-baħar. L-arja sħuna titla’ ‘l fuq, u l-arja kiesħa tinżel ‘l isfel. Ir-riħ m’hu xejn ħlief l-arja miexja minn post għall-ieħor. Jekk l-arja ma tiċċaqlaqx, ngħidu li hemm il-KALMA; jekk timxi bil-mod, ngħidu li għaddejja iż-ŻIFFA; jekk tħaffef iżjed, iqum ir-RIĦ, li jista’ jsir RIĦ QAWWI li f’ċerti postijiet għandu mnejn jilħaq il-qawwa ta’ RIEFNU (gale). F’pajjiżi tropikali jistgħu iqumu rwiefen u maltemp kbir li jsejħulhom URAGANI (hurricane/typhoon/cyclone – dawn huma kollha uragani, għalkemm hawn min iżid il-kelma “ċiklun”). F’ċerti ċirkustanzi ir-riħ JOBROM (turbulence) jew jista’ jiżviluppa fi TROMBA tal-art jew tal-baħar (whirl-wind/tornado). Ir-riħ ma jimxix bl-istess pass imma jiġi f’BUFFURI (squalls).

IT-TEMPERATURA

X’hemm isbaħ mill-mod li bih il-Malti jiddeskrivi l-gradi differenti tat-temperatura? Tant hemm xi tgħid li tiġi bejn ħaltejn minn fejn taqbad tibda. Imm’ejja nibdew minn xi mkien:

Il-BARD hu aktar sħun mill-KSIEĦ! Jiġifieri l-oġġett l-ewwel ikun sħun imbagħad JIBRED; u jkun biered u mbagħad JIKSAĦ; u jkun kiesaħ u mbagħad JIRŻAĦ. Mela l-irżieħ hu aqwa mill-ksieħ. Jiġifieri għandna l-bard (cool weather), il-ksieħ (cold) u l-irżieħ jew ir-reżħa (chill). Jekk it-temperatura tinżel biżżejjed, l-ilma JINĠAZZA u jsir silġ.

Is-SIRDA tingħad għal dik iż-żiffa kiesħa, tqila bi fwar kiesaħ, li taqa’ l-aktar billejl – imma mhux biss billejl. Mela aktar milli hi kejl tat-temperatura, is-sirda għandha x’taqsam ma’ żiffa kiesħa – jiġifieri ma’ kurrent ta’ arja. Hekk ngħidu: “X’sirda tielgħa minn dal-wied.”

U x’jiġri meta mill-bard ngħaddu għas-sħana, jew bil-kontra? Għaliex ngħidu “id-difa ħelwa ta’ filgħaxija”, mbagħad did-“difa” ħadd ma jaf x’inhi? Ejja nieħdu eżempju. Meta fis-sajf in-nhar ikun sħun ħafna u li jdejqek, mbagħad filgħaxija, għalkemm tibqa’ l-kalma, forsi jdur riħ fuq u l-arja tibred u kollox jieħu r-ruħ – dak il-ħin tkun id-DIFA. Jew inkella jekk fix-xitwa toħroġ kmieni filgħodu qabel jisbaħ, u għalkemm ikun bnazzi, tiksaħ u tirżaħ, mbagħad titla’ x-xemx li ttajjar il-ksieħ u ssaħħnek – dik tkun id-difa ta’ filgħodu. Mela id-DJIEF hu l-mogħdija minn temperatura “skomda” għal waħda “komda” (from hot, or cold, to TEMPERATE).

Ladarba diġa’ semmejna l-gradi differenti tal-kesħa, issa ngħaddu mill-ksieħ għas-sħana. Għalkemm dil-kelma li ġejja tintuża l-aktar għal-likwidi, meta oġġett kiesaħ tidħol fih l-ewwel sħana, l-ewwel enerġija, ngħidu li hu FIETEL (lukewarm). Etimoloġikament, kien ikun aħjar kieku niktbu “fieter” u mhux “fietel”.

Meta nitkellmu fuq it-temp, għandna nagħmlu differenza bejn SĦANA u GĦOMMA. Meta toqgħod tixxemmex fuq ir-ramel, wiċċek ġox-xemx, int tħoss is-sħana tagħha (heat) fuq ġismek kollu . Imma meta tipprova taħrab mix-xemx u toqgħod fid-dell jew tidħol taħt is-saqaf u tixgħel il-fann u xorta ma teħlisx mis-sħana – dik ngħidulha GĦOMMA (sultryness). U meta tkun l-għomma u jkun riħ isfel, jagħmel ħafna GĦAKAR (stickiness). Dal-kliem għadu użat mix-xjuħ fl-irħula tagħna, u jaqblilna nerġgħu nitgħallmuh u nużawh milli narmuh, imbagħad b’ħafna arroganza noqogħdu ngħidu li l-Malti ma fihx kliem biżżejjed biex tfisser ruħek tajjeb.

Meta t-temperatura ta’ oġġett togħla ħafna, l-oġġett isir JAĦRAQ (hot). Jekk jisħon biżżejjed, isir JIKWI (heated to a red heat). Jekk l-oġġett ikun likwidu, ngħidu li JISMOT (scalding hot). Jekk ikun hemm sħana biżżejjed, bħal, ngħidu aħna, ġol-forġa, din tibda TISREĠ, bħal ma tagħmel ix-xemx. U li kellna nersqu biżżejjed qrib lejhom, insibu li anke l-kwiekeb jisirġu (blaze) fl-ispazju.

IL-LEJL U N-NHAR

Bil-Malti, il-ġurnata tibda bit-TBEXBIX, imbagħad IŻERNAQ, imbagħad JISBAĦ u jiġi FILGĦODU; jasal NOFSINHAR, u għall-ħabta tal-ħamsa ta’ wara nofs in-nhar ikun l-GĦASAR, tinżel ix-xemx u jiġi l-GĦABEX. Wara l-għabex tiġi l-GĦAXIJA; u meta jidlam sew ikun daħal il-LEJL. Mela jgħidu ħazin dawk li jsemmgħu leħinhom fuq il-mezzi tax-xandir meta jgħidu; “ Se jsir disco kbir – il-ħin: il-ħdax ta’ filgħaxija!” Fil-ħdax, l-għaxija tkun ilha li għaddiet u jkun daħal sew il-lejl. Mela għandu jingħad: “fil-ħdax ta’ bil-lejl. U ma ninsewx li bil-Malti, Night & Day tigi “l-lejl u n-NHAR” u mhux il-lejl u l-jum.

L-IQSAR TAX-XEMX

Tgħid it-tempji preistoriċi ta’ Malta, kollha jew uħud minnhom, kienu użati bħala osservatorji astronomiċi? Aħna ngħidu li iva. Kien ikollna aktar għaliex nistagħġbu kieku ma kinux użati hekk; u m’għandniex għalfejn nistagħġu jekk kienu.

Il-bniedem tal-qedem kien iffissat fis-sema ta’ bil-lejl u ta’ bin-nhar. Kien juża l-qamar u x-xemx u l-kwiekeb biex ikejjel il-mixja taż-żmien u l-istaġuni. Biex tagħmel dan ma tridx xi għerf kbir. Kull ma trid hu li tkun imdorri tħares lejn is-sema u tifli sew x’jiġri meta jidlam u meta jisbaħ; meta titla’ x-xemx u meta tinżel, eċċ. Meta l-bniedem kien jgħix man-natura, anke jorqod għad-dawl tal-kwiekeb, b’sema ħafna drabi mingħajr sħab u mingħajr id-dawl elettriku jiddi mill-art li tant itellef mill-osservazzjoni tas-sema, u jbakkar kmieni filgħodu qabel jisbaħ, iċ-ċaqliq fis-smewwiet kien familjari għalih daqs kemm hu familjari għalik in-numru tal-karozza tal-linja li trid tirkeb biex tmur għax-xogħol int, u fi x’ħin tgħaddi minn fuq l-istejġ!

Jekk ikollok tieqa li minnha tista’ tara x-xemx tielgħa minn wara x-xefaq kull fil-għodu, u tħares minnha kuljum għal sena sħiħa, tinduna li x-xemx, matul is-sena, tvarja l-post preċiż li minnu togħla fuq wiċċ l-art. Mix-xitwa għas-sajf, ix-xemx titla’ kuljum ftit aktar lejn ix-xellug tiegħek, sakemm tasal f’punt fejn tieqaf u, mis-sajf għax-xitwa, terġa’ tersaq ftit ftit lejn il-lemin tiegħek, sakemm tasal f’punt li tieqaf u, mix-xitwa għas-sajf, tersaq kuljum lejn ix-xellug tiegħek, sakemm . . . . . . . . . . . . u nibqgħu sejrin hekk.

Maż-żmien tkun taf preċiż fejn titla’ x-xemx fil-21 ta’ Ġunju, (anke jekk ma jkollokx kalendarju jew tkun għadek ma vvintajtux) u fejn titla’ fil-21 ta’ Diċembru – l-itwal u l-iqsar nhar tas-sena. U ma jkun xejn diffiċli li tibni kamra (jew tempju) li minn xi xaqq jew toqba fil-ħajt, ix-xemx titfa’ merżuq dawl mal-ħajt f’ċertu żmien tas-sena jew f’ieħor. Il-GIREN (sing. girna) fir-raba’ tagħna, li żgur ma nbnewx minn xi astronomi, kien ikollhom il-bieb iħares lejn il-lvant – minn fejn titla’ x-xemx – u r-ragħaj li jkun rieqed fihom, kien juża x-xemx bħala żveljarin. Malli jisbaħ, kmieni filgħodu, ix-xemx kienet tidħol mill-bieb u ddawwallu l-kamra – u kien ikollu jqum.

L-ISTAĠUNI

Is-solstices jgħidulhom “l-Itwal” tas-Sajf jew tax-Xitwa għax fihom id-dinja tkun fl-itwal distanza mix-xemx. U jkollna l-itwal nhar jew l-itwal lejl. L-equinoxes jgħidulhom “l-Infas” għax fihom id-dinja u x-xemx ikunu b’mod li n-nhar ikun preċiż daqs il-lejl – nofs u nofs.

IS-SEBA’ KWIEKEB

Interessanti li fil-Malti għandna kliem, (li llum, m’għandniex xi ngħidu, peress li aħna klieb tagħna nfusna, armejnieh), li għandu x’jaqsam ma’ l-astronomija. Il-Milky Way hi t-TRIQ TA’ SANT’ANNA, għandna kelma li tfisser constellation li hi MĦALLA. U bħala ismijiet ta’ mħalel għandna s-SEBA’ KWIEKEB – Ursa Major – li dari s-sajjieda kienu jfittxuhom tant meta jsibu ruħhom bejn sema u ilma. Ursa Minor hi s-SEBAT AĦWA; Canis Major hija KELB IS-SEMA; il-Pleiades li ma jitqiesux bħala mħalla imma huma għanqud kwiekeb (star cluster), bil-Malti ngħidulhom it-TRAJJA, li tfisser “il-linfa”. Bħala ismijiet ta’ kwiekeb għandna n-North Star li bil-Malti hi Il-KEWKBA TAS-SAFAR. Id-DABRANI hi l-iktar kewkba li tiddi fl-Imħalla tat-Tawr (Taurus) u Il-KAWKAW hi Alpha Carinae. Venere ngħidulha ż-ŻAHRIJA, waqt li Mars ngħidulha l-ĦAMRA.

Il-kelma KEWKBA donnha tiġbor fiha mhux biss l-istilel imma korpi oħra ċelesti, għax ngħidu: KEWKBA FEĠĠEJJA, li hi meteora, u KEWKBA BIX-XUXA, li hi kometa. Imma l-interessanti hu l-għarfien tas-sajjieda u baħħara tagħna ta’ ismijiet ta’ kwiekeb individwali li kienu jgħinuhom fit-tbaħħir. Minbarra l-kewkba tat-Tramuntana: KEWKBET IS-SAFAR (Polaris), is-sajjieda (kienu) jużaw il-kewkba bl-isem ta’ l-KAWKAW biex jieħdu direzzjoni meta jkun bejn sema u ilma. Minn stħarriġ li laħaq sar jirriżulta li din kienet Alpha Carinae, li tissejjaħ ukoll Canopus. F’pajjiżi li, bħal Malta, qegħdin ‘l isfel biżżejjed fil-ħemisfera tat-tramuntana biex dil-kewkba tfiġġ minn wara x-xefaq u jista’ jaraha l-bniedem, lil Canopus jużawha biex isibu d-direzzjoni tan-nofsinhar, għax tkun kważi preċiż fin-nofsinhar skont il-boxxla. Issa smajt li dil-kewkba qed tintuża wkoll minn ħafna vetturi spazjali, li jkollhom Canopus Star Tracker biex jikkalkulaw l-għoli li qegħdin fih. B’xorti ħażina ma laħaqx sar stħarrig kmieni biżżejjed biex nistgħu nagħrfu liema kienet il-kewkba magħrufa bħala t-TEWWIKK. Fid-dizzjunarju tiegħu Maltese-English Dictionary, Aquilina jikkwota lil Vincenzo Mifsud Bonnici li jagħti l-kliem li sema’ minn xi sajjieda: “Aqdef għat-Tewwikk, dejjem pruwa għalik”. Kien stabbilit li t-Tewwikk kienet kewkba, imma ħadd m’għaraf liema waħda. Issa probabbli li hu tard wisq għax is-sajjieda li jafu, x’aktarx li mietu kollha. Il-kitba ta’ Vincenzo Mifsud Bonnici dehret fl-1947.

Hemm isem ieħor ta’ kewkba li dari kien fuq fomm il-Maltin: id-DABRANI. Imma hawnhekk nidħlu f’qasam ieħor, għax “id-Dabrani” hu qrib ħafna tal-isem uffiċjali tal-kewkba li m’hu xejn ħlief Aldebaran (Alpha Tauri), u Aldebaran m’hu xejn ħlief tgħawwiga tal-isem Għarbi “d-Dabran”. Hu fatt magħruf li ħafna mill-ismijiet tal-kwiekeb użati mill-astronomija moderna huma ta’ nisel Għarbi. Aldebaran titqies li ġejja mill-Għarbi u tfisser “is-segwaċi”, u jkompli jingħad li l-isem jirreferi għall-fatt li fis-sema dil-kewkba tidher li donnha qed issegwi għanqud ta’ seba’ kwiekeb magħruf fl-Ingliż bl-isem ta’ Pleiades. Is-sabiħa hi li fil-Malti, anke għall-Pleiades għandha l-isem użat fl-astronomija Għarbija: it-TRAJJA. Trajja tfisser “linfa”. Dawn iż-żewġ kelmiet huma qodma ħafna fil-Malti. De Soldanis isemmi lid-Dabrani, u Vassalli jsemmi lit-Trajja. Jidher li fost niesna kien hemm anke għarfien li d-Dabrani ssegwi lit-Trajja. Fin-noti li kiteb Patri Manwel Magri, u li mbagħad għamel studju fuqhom Ġuże Cassar Pullicino fil-ktieb Ħżuż Manwel Magri, jingħad li xi sajjieda qalu lil Magri: “It-Trajja għandha l-gwardjan – kewkba li titla’ magħha”. Kienu qed jgħidu għad-Dabrani.

Kemm ħafna mill-ismijiet uffiċjali tal-kwiekeb jixbħu lill-Malti nistgħu narawh minn dil-lista li se nagħti:

 

L-isem uffiċjali                                     It-tifsira bil-Malti
   
Acrab L-Għaqreb (skorpjun)
Ain L-Għajn
Alderanim Id-Driegħ il-lemin
Algedi Il-Gidi
Algenib Il-Ġenb
Algol L-Għul (ngħidu aħna in-Nanna Għula)
Alkaid Il-Qajd (kmandant)
Alkes Il-Kies
Alphard Il-Farrad (waħdu)
Arkab L-Għarqub
Beid Il-Bajd
Celbelrai Kelb ir-Ragħaj
Dened Denb
Deneb Algedi Denb il-Gidi
Errai Ir-Ragħaj
Fomalhaut Fomm il-Ħut
Gienah Il-Ġewnaħ
Gomeisa l-Għemmieża (dik li tegħmeż)
Izar Il-Liżar
Kaffajidhna Il-Keffa tal-Id
Kaus Australis Il-Qaws
Keid il-Qajd
Kokab Il-Kewkeb (il-maskil ta’ “kewkba”)
Maaz Il-Mogħoż
Mekbuda Il-Maqbuda
Menkar Il-Munħar (singular ta’ “Mnieħer”)
Menkib Il-Minkeb
Nekkar Il-Baqqar (li jrabbi l-baqar)
Okda L-Għoqda
Rijel Ir-Riġel
Risha Ir-Rixa
Sadr Is-Sider
Saiph Is-Sejf
Scheat Is-Sieq
Shedir Is-Sider
Skat Is-Sieq
Tania Australis It-Tienja (jiġifieri t-tiena waħda)
Talitha Australis It-Tielta (it-tielet waħda)
Tarf It-Tarf
Wazn L-Użin
Wezen L-Użin
Yad Prior L-Id

U tista’ tibqa’ sejjer hekk. Dawn l-ismijiet għażilthom minn lista itwal ta’ ismijiet uffiċċjali tal-kwiekeb. Daż-żmien hu faċli biex issib dawn l-ismijiet fuq l-internet. Rabta oħra mal-għarfien astronomiku Għarbi qadim hi r-referenza fil-Malti għall-pjaneta Venere bħala Iż-ŻAHRIJA.

MĦALLA hi kelma tajba biex tiddeskrivi l-idea ta’ constellation. Din m’għandhiex x’taqsam mal-imħalla l-oħra li hi biċċa għodda li dari kienet użata fis-sengħa tal-insiġ. L-Imħalla li għandna bżonn hi dik li għandha s-sens ta’ “lokalita’” jew “kwartier”. Fil-letteratura Maltija dil-kelma ġieli ġiet użata bħala “kontinġent” jew “reġiment” – ngħidu aħna “l-imħalla Torka” f’din it-taqbila ta’ Vincenzo Mifsud Bonnici:

Rajna l-Imħalla Torka,
Għaddiet minn taħt ir-riħ,
Dalwaqt issir in-Nafra,
‘il niesna biex issieħ.

Mħalla hi ġemgħa, jew qatgħa ta’ kwiekeb, f’roqgħa, f’lokalita’, jew kwartier tas-sema. Ismijiet ta’ mħalel ma tantx waslu sa żmienna. Ursa Major minn dejjem kienet marbuta mal-Kewkba tas-Safar (Polaris). Fin-noti tiegħu Manwel Magri semma wkoll li xi sajjieda qalulu hekk fuq din il-kewkba: “Dik dejjem “qiegħda” (jiġifieri wieqfa ma tiċċaqlaqx), u għandha tnejn oħra jduru dawra mejt magħha u daqs wieħed – iż-ŻEWĠ TAT-TRAMUNTANA. Dawn huma tnejn minn l-aktar kwiekeb li jiddu fl-imħalla magħrufa bħala Ursa Minor (ara d-disinn). L-aktar isem magħruf għal dik l-imħalla l-oħra li tissejjaħ Ursa Major hu S-SEBA’ KWIEKEB. Fil-Letteratura ġieli jirreferu għal Ursa Major bħala d-DEBB il-KBIR, u għal Ursa Minor bħala d-DEBB iz-ŻGĦIR. Debb bil-Malti tfisser ORS.

KELB IS-SEMA jissemma wkoll bħala isem, u dan ma jistax ikun ħlief ta’ Canis Major. Din l-imħalla fiha l-iktar kewkba li tiddi fis-sema: Sirius. Is-sajjieda u l-baħħara tagħna nnutaw lit-tieni l-aktar kewkba li tiddi fis-sema – il-Kawkaw, tgħid ma nnutawx ikoll lil din l-ewwel wahda? Min jaf – forsi Sirius hi t-Tewwikk? Il-ħabib tiegħi u studjuż tal-istorja Steve Borg, f’riċerka akkademika li għamel imma li għadha mhix ippubblikata, jikkwota lil wieħed sajjied minn Għawdex li qallu: “Kont naf inbaħħar fuq il-kwiekeb. Il-KEWKBA l-KBIRA fix-xitwa tidher l-aktar fil-Majjistral. Tilmaħha tpetpet qisha fanal.” Issa Sirius mhux biss hi magħrufa bħala l-aktar kewkba li tiddi fis-sema, imma hi ukoll magħrufa li tlebleb u tteptep ħafna; jekk toqgħod tagħti kas tagħha kważi ddejqek. Nagħmel imħatra li “t-Tewwikk” u “il-Kewkba l-Kbira” t-tnejn jirreferu għal Sirius – il-kewkba l-kbira tal-imħalla magħrufa bħala “Kelb is-Sema”. Fl-Astronomija popolari Canis Major hi meqjusa li hi l-kelb ta’ Orion, li bil-Malti tissejjaħ il-ĠGANT.

Dik li bl-Ingliż tissejjaħ “Milky Way” bil-Malti hi “it-Triq ta’ Sant’Anna”. Isem kurjuż. Milky Way hi traduzzjoni tal-Latin Via Lactea, li minn-naħa tagħha hi traduzzjoni tal-Grieg Galaxias. Dawn kollha jfissru “t-Triq tal-Ħalib”. Il-Griegi qalgħuhielha it-Triq tal-Ħalib għax fil-Mitoloġija Griega tissimbolizza l-ħalib li l-alla Ħera tajret minn sidirha meta kienet qed tredda’ lill-Erkole. Jekk wieħed ifittex fil-lingwi ta’ madwarna jsib li l-verżjoni Maltija toqrob l-aktar lejn l-Ispanjol li jsejħilha El Camino de Santiago – jiġifieri t-Triq ta’ San Ġakbu. Aquilina, fid-dizzjunarju tiegħu iniżżilha bħala “t-Triq ta’ Sant’Anna u San Gakbu”. L-Influwenza Spanjola f’Malta hi eqdem mill-Kavallieri.

Hi ħasra kbira li dan it-tagħrif kollu hemm ċans li jtir mar-riħ.

Dan hu biss dak li laħaq inġabar mill-kitteba ta’ dari. Min jaf x’intilef. F’Malta hawn wisq iktar nies li jogħxew jistaqsuk: “Din kif tgħidu bil-Malti?”, bit-tama li jġibuk dahrek mal-ħajt u jkollok tammetti li m’għandniex kelma, milli hawn nies li jħabirku biex jibnu fuq dak li għandna.

IX-XAHAR TAL-QAMAR

Ili minn tfuliti nisma’ l-mistoqsija: “Min fejn ġejja l-kelma KWINTA?” (b’referenza għall-qamar). Jidher li ġejja mill-influwenza tal-kitba bit-Taljan – meta kien jintqal u jinkiteb li l-qamar qiegħed fid-decimaquinta – jiġifieri fil-ħmistax-il ġurnata tiegħu. Qabel kien jingħad aktar “qamar mimli” u kienet magħrufa l-espressjoni “Il-qamar jimla meta l-qalb tkun ħimla”, li tfisser li l-qamar jidher isbaħ meta dak li jkun ikollu qalbu mimlija bl-imħabba lejn xi ħadd. Anke l-kelma EKKLISSI ġejja mit-Taljan, imma din, kif qed jiġri spiss, qalgħet ‘il barra kelma eqdem semitika. Sa mill-ewwel dizzjunarju ta’ Vassalli jissemma l-verb KIFES. Hekk jingħad “Il-qamar kifes” jew “Il-qamar jikfes illejla”. Għalkemm hawn min jaħseb li kliem bħal dan hu “maqlugħ mill-qabar”, jien naf nies xjuħ li jafu b’dil-kelma u jużawha anke meta xi ħaġa tikfes lil oħra, ngħidu aħna oġġett jaħbi lil ieħor fuq xi xkaffa.

Kurżitajiet

IL-KEWKBA TAL-GĦALF: Lil Patri Manwel Magri, is-sajjieda qalulu wkoll li “Titla’ kewkba mill-Lvant, tgħib fil-Punent. Ngħidulha l-LEVANTINA, imma n-nies tal-art (jiġifieri l-bdiewa) jgħidulha “Tal-Għalf”.

ID-DAWL TAL-PUNENT: Dak id-dawl li jibqa’ għal ftit ħin filgħaxija, wara nżul ix-xemx, u li nafuh bħala l-GĦABEX, is-sajjied jgħidulu wkoll id-DAWL TAL-PUNENT.

MIKLEM

Qed inniżżlu xi ftit kliem li l-Maltin jistgħu jiltaqgħu miegħu meta jaqraw bl-Ingliż u li forsi jkollhom diffikulta biex isibu l-ekwivalenti tiegħu bil-Malti. Il-kliem mhux qiegħed fl-ordni alfabetiku, imma qiegħed miġmugħ skond is-suġġett:

L-ASTRONOMIJA

Equinox (Autumnal) Infas il-Ħarifa
Equinox (Vernal) Infas ir-Rebbiegħa                   
Solstice (Winter) L-itwal tax-Xitwa                                  
Solstice (Summer) L-Itwal tas-Sajf
Milky Way It-Triq ta’ Sant’Anna                                                    
Constellation Imħalla                                    
Big Dipper/Ursa Major Is-Seba’ Kwiekeb
Ursa Minor Is-Sebat Aħwa
North Star Kewkbet is-Safar                     
Pleides It-Trajja                                   
Canis Major Kelb is-Sema
Alphae Carinae Il-Kawkaw
Aldaberan Id-Dabrani
Waxing Moon Il-qamar qed jimla                                                       
Waning Moon Il-qamar fil-muqsar      

METEOROLOĠIJA                                                                  

Breeze Żiffa                            
Gale Riefnu                         
Hurricane/typhoon/Cyclone Uragan                        
Whirlwind/tornado Tromba                                     
Squall Buffura
Turbulance Riħ jobrom
Dry air Eħtrieq
Humidity Irtuba
Moisture Indewwa
Moisture (in soil) Tira
Dew Nida
Sultryness Għomma
Stickiness Għakar
Heat Sħana
Temperate Difa/Diefi
Cool Bard
Cold Ksieħ
Chilly Reżħa
Snow Borra
Hail Silġ
Blizzard Riefnu tal-Borra
Snow flakes Fjokki tal-Borra
Frost Brina
Icicle Merżuq tas-Silġ
Floods Għargħar
Shower Ħalba
Drizzle Irxiex
Fog Ċpar
Halo Qawwara

ĦAJR:

Steve Borg, minn Wied il-Għajn
Ġanni Gatt, miż-Żejtun
Salvu Gatt minn Santa Luċija
Toni Cachia, Il-Ħammarun, min-Naxxar
Karmenu Pace, mill-Qrendi

KOTBA U REFERENZI:

AQUILINA, Joseph, Maltese-English Dictionary, 2 volumi, Malta, 1987.

AQUILINA, Joseph, A Comparative Dictionary of Maltese Proverbs, L-Universita ta’ Malta, 1972.

CASSAR PULLICINO, ĠUŻE, Ħżuż Manwel Magri, Thyme Books, Malta, 1991.

MUIRDEN, James, The Kingfisher Astronomy Handbook, Londra, 1982

SERRACINO-INGLOTT, E., Il-Miklem Malti, 9 volumi, Malta, 1975-1987.

(1) Dil-kelma kienet tuzaha ħafna ommi, Alla jaħfrilha.  Kienet tgħid: “Kemm għamlet xita – x’għaddej tal-wied!”.  U dari kienu jgħidu “Mar kollox mal-ħamla tal-wied” – li kienet tfisser li l-ilma tax-xita kaxkar kollox miegħu, u l-ilma spiċċa fil-widien, veru, imma “l-wied” f’dan il-każ kienet tinftiehem li tfisser dak il-kurrent ta’ ilma li jiġri fit-toroq u jkollu s-saħħa li jġorr anke affarijiet tqal.  Fi żmienna, surface water runoff forsi tiġi aħjar ILMA TAX-XABGĦA.