Fl-1978, eżatt fl-ewwel ħarġa ta’ L-Imnara, il-pittur Rafel Bonnici Cali kiteb artiklu  fuq kif hu kien spiċċa mdaħħal f’biċċa folklor marbuta mal-ewwel karozzi tal-linja fost dawk li kienu maħdumin Malta.

Kitba ta’ Ġużi Gatt. Dan l-artiklu kien deher oriġinarjament fl-Imnara, Vol 8 (2006) Nru. 30

Skond Cali fl-artiklu tiegħu: Folklor fuq il-Karrozzi tan-Nar (1), meta ntemmet l-ewwel Gwerra Dinjija fl-1918, is-servizzi Ingliżi bdew ibiegħu b’irħis xi wħud mill-karozzi l-kbar li kellhom (l-aktar l-ambulanzi) u li issa li spiċċat il-gwerra  kienu jqisu li m’għadx għandhom bżonnhom.  Xi Maltin moħħhom jilħqilhom u li jaraw fit-tul xtraw minn dawn l-ambulanzi, żidulhom xi żewġ bankijiet fuq ġewwa u gallarija fuq wara, u ġabu l-permess biex jgħabbu l-passiġġieri (2).  In-nies tal-irħula ntebħu li b’karozza bħal din kont tasal il-Belt iktar malajr milli bit-tramm jew bil-vapur ta’ l-art, u l-biċċa ntogħġbot.

F’Ħal Tarxien, fejn trabba u kien joqgħod Rafel Bonnici Cali, kien hemm wieħed jismu Ċelest, li xtara ambulanza qadima, żebagħha kaħla ċar, biex taqbel ma’ ismu, u kitbilha “Ta’ Ċelest”, b’ittri kbar mal-ġnub.   Dak iż-żmien, is-sidien ta’ dawn il-karozzi mhux biss setgħu jaħdmu għal fejn iridu  u jaħdmu meta jridu, imma setgħu jiżbgħu il-karozzi tagħhom kif ifettlilhom huma.  Xi ħadd mill-Furjana jiżbogħ il-karozza ħadra; ieħor minn Tas-Sliema jiżbogħha kaħla; u nibqgħu sejrin hekk.  Wieħed raġel mill-Belt żebagħ il-karozza ħamra – il-kulur tal-martri – għax kien partitarju tal-festa ta’ San Pawl.  Imma ma kienx kuntent b’daqshekk biss.  Qabbad lil Rafel Bonnici Cali biex ipinġilu x-xbiha ta’ San Pawl fuq il-ġnub tal-karozza.  Fi kliem Rafel Bonnici Cali nnifsu: “Ix-xogħol intogħġob u għalhekk sidien oħra qabbduni npinġilhom qaddisin u xbihat oħra fuq il-karrozzi tagħhom…Sid minn Ħal Qormi ried lil San Ġorg fuq iż-żiemel, ieħor minn Ħaż-Żebbuġ ried lil San Filep, ieħor mill-Ħamrun ried lil San Gejtanu …u wieħed minn Għawdex ried lil San Pietru Pawl, il-patrun tal-parroċċa tan-Nadur” (3)    Minbarra x-xbihat tal-qaddisin, Gran Mastri u persunaġġi oħra mill-istorja ta’ Malta, it-tiżjin tal-karozzi kien jinkludi wkoll girlandi ta’ fjuri pinġuti mal-ġnub u l-warrani tal-gallarija.  Għall-ħabta ta’ l-1927, il-gvern deherlu li kellu jibda jikkontrolla t-trasport pubbliku daqsxejn aħjar.  Mhux biss ħoloq ir-rotot mill-irħula għall-Belt (għalkemm ħafna drabi dawn kienu għadhom bla ħinijiet fissi) imma npona wkoll kulur partikolari għal kull rotta, u qatagħha li ma riedx aktar girlandi, ismijiet, u xbiehat mal-ġnub tal-karozzi fuq barra.   Hekk intemm ħesrem is-sehem ta’ Bonnici Cali u pitturi oħra bħalu fit-tiżjin tal-karozzi tan-nar (4).

Imma mqar bl-ilwien imposti mill-Gvern, xorta kien hemm il-wisa’ fejn is-sid seta’ juri l-individwalità tiegħu.  Dak it-tiżjin li bil-Malti jissejjaħ TBERFIL, magħmul minn linji rqaq, tikek, weraq, eċċ., jekk ikun magħmul bil-għaqal ma kienx jagħti fil-għajn ħafna u seta’, u baqa’, jsir.

Dari, it-tberfil kien aktar magħruf fuq il-karettuni.  Aktar tard bdew jitberflu wkoll il-karozzini.  Il-karozzin daħal f’Malta għall-ħabta ta’ nofs is-seklu dsatax; imma l-karettun imur ferm aktar lura fl-istorja.  It-tberfil tal-karozzi tal-linja jinħass li ġej mit-tberfil tal-karettuni, li llum għebu mit-toroq tagħna imma li dari kienu magħrufa ma’ kullimkien.  Ikun tajjeb li nniżlu ftit dak li hu magħruf fuq it-tberfil tal-karettuni.

Għad hawn ħafna li għadhom jiftakru li l-karettuni “tax-xogħol” jew “tal-ħoloq”, jiġifieri dawk li kienu jintużaw mill-bdiewa fil-ġarr u l-bejgħ ta’ kull xorta ta’ għelejjel, kienu jinżebgħu orinġ.  Anke dawk il-karettuni l-kbar imsejħa “tal-ġebel” li kienu jintużaw għall-ġarr tal-knaten u x-xorok mill-barrieri kienu jkunu, fil-biċċa l-kbira, orinġ.  Dan għaliex dawn il-karettuni kienu jinżebgħu bil-MINJU.  (red lead).  Il-minju kien jinbiegħ bl-użin għax kien jiġi magħqud u tqil, qisu stokk, imbagħad kien jitħallat maż-ŻEJT TAL-KITTIEN (linseed oil) biex jiġi artab biżżejjed li tkun tista’ tapplikah bil-pinzell. (Aktar tard waslu wkoll laned bil-minju mħallat u lest, imma fil-bidu kont trid tħalltu int.) Dari l-injam  kien jinżebagħ jew bil-BJANKETT (white lead), jew bil-minju (red lead) bħala undercoat, imbagħad fuqu kien jingħata l-kulur.  Imma l-karrettuni tal-ġebel u tax-xogħol kienu jingħataw xi tliet passati minju u jibqgħu hekk – orinġ.

Mela karettun miżbugħ orinġ kien jittieħed għand il-BERFIEL biex dan iżejnu b’dik iż-żina li aħna nafuha bħala TBERFIL.  It-tberfil isir biż-żebgħa.  Mill-gwerra ‘l hawn sar possibli li wieħed imur f’ħanut taż-żebgħa u jixtri kull skala u kull lewn ta’ żebgħa mħallta u lesta kemm tiftaħ il-bott u tbill il-pinzell fiha.  Imma ma kienx minn dejjem hekk.  Dari, iż-żebgħa kont trid tħallatha int, jew tqabbad lil taż-żebgħa jħallathilek.  U kont trid tinqeda bit-TRAB TAL-KULUR li kien jinxtara bl-użin.

Dat-trab kien  jiġi  fl-ixkejjer,  u tal-ħanut kien ikollu xi sitt kuluri differenti: l-isfar, l-ikħal, l-aħdar, l-aħmar, l-iswed u l-kannella.  Kemm jekk tħallatha int, u kemm jekk iħallathielek tal-ħanut, iż-żebgħa kienet titħallat hekk:  L-ewwelnett ried ikollok irħama lixxa u ċatta. Titfa’ ftit trab tal-kulur fuq l-irħama, iżżid iż-żejt tal-kittien ġo ħofra li tagħmel fit-trab, tagħġen kollox b’sikkina taż-żebgħa, mbagħad taqbad il-MAĊINELL minn-naħa ta’ fuq, u tagħfas il-qiegħ tond tiegħu fuq it-taħlita taż-żebgħa.  Bil-maċinell togħrok, tisħaq, iżżelleġ, u tagħfas fuq it-taħlita biex tkisser iż-żrar u ċ-ċapep tat-trab ħalli t-taħlita tiġI ħaġa waħda u t-trab tal-kulur jinħall kollu fiż-żejt.  Biex iż-żebgħa tissaħħaħ aktar, iżżid ftit  bjankett (għax it-trab tal-kulur imħallat biż-żejt tal-kittien biss ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jiksi u jgħatti sewwa), titfa’ ftit AKKWADIRRAŻA (acqua di rasa – speċi ta’ terpentina biex it-taħlita  tirqaq u l-pinzell jiġri iktar), u ftit VERNIĊ (varnish) biex wara li tiżbogħ, iż-żebgħa tinxef aktar malajr.

Il-maċinell kien ikun magħmul mill-irħam ukoll, u kien hawn ikbar, iżgħar, u daqs dak li jidher fid-disinn. Fit-tberfil tal-karettuni l-aktar li kienu jintużaw  kienu  l-isfar  u l-ikħal

It-tberfil tal-karettuni kellu r-regoli tiegħu.  Kien jitberfel biss in-naħa ta’ barra taż-żewġ roti, in-naħa ta’ barra taż-żewġ lasti, u t-trufijiet tad-dliegħi u tas-salib.  Meta mort inkellem lil Ġanni u Leli Caruana “tal-Buġann” minn Ħal Għaxaq, li missierhom kien magħruf għall-bini tal-karettuni u li n-nies għadhom sallum jeħdulhom xi rota biex isewwuhielhom, Ġanni  kien qalli hekk:

Darba ġie wieħed u riedni nberfillu r-roti miżżewġ naħiet – fuq barra u fuq ġewwa.  Għidtlu: Int ta’ x’hiex int dilettant, tal-karettun jew tal-karnival?  Għax jekk inberfilulek kif qed tgħid int, għall-karnival biss ikun tajjeb!

Minn barra ż-żebgħa, biex tberfel trid ukoll pinzell irqiq bix-xagħar daqsxejn twil.  I-berfiela li tkellimt magħhom kollha qablu li l-aħjar ikun pinzell tax-xagħar tal-ġemel (camel’s hair).  Imma dari, bejn għax pinzell tajjeb mhux dejjem kont issibu, u bejn għall-ekonomija, mhux l-ewwel darba li l-berfiela għamlu l-pniezel tagħhom huma stess.   Min iberfel il-karettuni kien jiltaqa’ ma’ ħafna żwiemel, u kienet ħaġa ħafifa li taqta’ ftit xagħar twil minn denb iż-żiemel jew mill-frenża ta’ fuq għonqu.  Imma Michael Saliba “Tal-Milied”, li joqgħod lejn Taċ-Ċawla, r-Rabat t’Għawdex, u li fi żmienu kien iberfel il-karozzi tal-linja, qalli li l-aħjar xagħar mhux ta’ denb iż-żiemel, imma dak li ż-żiemel ikollu minn taħt sidru sa taħt żaqqu.  Veru li  mhux  iż-żwiemel kollha jagħmluha, imma fil-biċċa l-kbira, fix-xhur tax-xitwa, iż-żwiemel JILBSU – jiġifieri jtellgħu aktar xagħar u suf ma’ gisimhom kollu.  Is-sidien IĠIŻŻUHOM jew IQARWŻUHOM – jiġifieri jneħħulhom ix-xagħar żejjed li jkollhom. Taħt żaqq iż-żiemel jinbtu xi erba’ xagħriet twal li jkunu  rotob,  u  dari  kienu jfittxuhom għal xi pinzell tad-dberfil.   Hawnhekk ta’ min wieħed jgħid li ma’ għarqub iż-żiemel jikbru wkoll xi xagħriet twal, u bil-Malti dawn jissejħu l-PINZELL.  Imma dawn ma kinux jinqatgħu; għax dak ix-xagħar qiegħed apposta biex meta ż-żiemel jogħroq, l-għaraq iġelben ma’ saqajh u, permezz ta’ dawn ix-xagħriet twal, l-għaraq joqtor għal ma’ l-art.  Jekk dan ix-xagħar jitneħħa, l-għaraq jibqa’ nieżel għal ġo difer iż-żiemel  u biż-żmien id-difer jitherra, bi ħsara kbira għall-bhima.

Michael Saliba qalli wkoll li hemm xagħar ieħor, aħjar minn dak taż-żiemel, li dari kien jintuża biex jagħmlu xi pinzell irqiq.  Il-mogħża, bejn biżlejha u sieqa ta’ wara għandha xi ftit xagħar twil (li jiġi bħal dak li l-bniedem għandu taħt abtu).  Dan ix-xagħar kien jintuża għall-pniezel, għalkemm ma kenitx ħaġa ħafifa biex tikkonvinċi lill-mogħża biex tħallik taqtagħulha!

L-istess Michael Saliba qalli li meta kienu jiġu veru daharhom mal-ħajt,  xi berfiela ġieli wżaw mqar is-sifa  taż-żbul  biex  jagħmlu pinzell twil u irqiq.  Dan kien jintuża darba, mbagħad jintrema.

Il-pinzell irid ikollu wkoll manku minfejn taqbdu.  Paul Saliba “tal-Busa” minn San Ġiljan qalli li jekk taqbad rixa u tifliha sewwa, tinduna li fil-ponta tagħha, dik il-ponta li dari kienet tintuża bħala pinna, ikun hemm toqba rqiqa ħafna.  Qalli li missieru ġieli ħa l-ikbar rixa li  seta’ jsib fil-ġewnaħ ta’ tiġieġa, u daħħal ix-xagħar f’dik it-toqba rqiqa biex seta’ juża r-rixa fit-tberfil tal-karozzini.

Fil-paġni li jmiss qed nuru kif kienu jitberflu l-karrettuni.  Dawn id-disinji huma ta’ Feliċ Gauci minn Ħal Tarxien, li missieru kien magħruf bħala Nenu tal-Karettuni u kien armat bir-remissa fi Triq Lanzon f’Ħal Tarxien stess.

Id-disinji juru t-tberfil tal-karettuni li jkunu miżbugħin orinġ.  Dawn kienu jkunu l-karettuni l-kbar, tax-xogħol, jew “tal-ħoloq”.  Karettuni iżgħar, magħrufa bħala “taċ-ċinga”, kienu jinżebgħu fil-biċċa l-kbira ħodor, u fit-tberfil, minflok iċ-ċelest jew il-blu ċar kien ikollhom l-isfar.

Il-karettuni “taċ-ċinga” kienu jkunu għal xogħol ta’ inqas strapazz, ngħidu aħna xi bejjiegħ tal-ħaxix jew tal-pitrolju.

Biex ma nħalluhomx barra nistgħu nsemmu wkoll il-karettuni “tal-molol”.  Dawn kienu jissejħu wkoll “tan-namra” jew “tal-familja” għax kienu jkunu maħsuba biex jintużaw minn min ried joħroġ lill-familja għal xi dawra, jew minn dawk li kienu jieħdu pjeċir jirkbu u jsuqu għal għonq it-triq.   Minn dawn kien hawn li kellhom xi saqqu żgħir li jitqiegħed fuq ix-xatba għall-kumdita’ tar-rikkieb.

IT-TBERFIL FUQ IL-KAROZZINI

Il-karozzini huma magħmula mill-injam tal-fagu.  Dari kienu jinżebgħu minn lewn iż-żebbuġa, u t-tberfil tagħhom (skond Paul Saliba Tal-Busa) kien ikun skond id-disinn li qed jidher hawn taħt.  Is-sinjal tan-nofs hu iswed, u ż-żewġ sinjali l-oħra li hemm fuq kull ġenb tiegħu huma ħomor skuri.  Skond is-Sur Saliba, dan l-aħmar kien jiġi billi l-ewwel jinżebagħ sinjal bil-minju (li jkun orinġ), imbagħad fuqu tgħaddi ieħor b’aħmar li jissejjaħ karminju (carmine).  Fuq dan il-kulur ara t-taqsima fuq in-nogħra.

IT-TBERFIL FUQ TAL-LINJA

Peress li s-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta beda b’karozzi ta’ sidien privati, kulħadd armat għal rasu u jaħdem għal fejn irid, is-sidien fittxew li  jagħtu dik il-laqta individwali lill-vetturi tagħhom, jekk xejn, biex is-servizz tagħhom jintagħraf  minn   dak  ta’ ħadd ieħor.  Kif għidna, fil-bidu kien jitqabbad xi artist bħal Bonnici Cali, jew jekk il-karozza jkollha biss xi kitba li tirriklama xi ditta jew xi prodott kien jitqabbad xi sign-writer.  Dari, kemm it-Tarzna kif ukoll mas-servizzi Ingliżi, kien ikun hemm ħafna minn dawn is-sign writers jew “żebbigħa” li xogħlhom, barra t-taħlit taż –  żebgħa,  kien li jiżbgħu l-kliem u t-tabelli kemm abbord u kemm fl-uffiċini u l-ħwienet tax-xogħol.  It-tabelli tal-ħwienet, qabel ma daħlu l-mezzi moderni, kienu wkoll, ħafna drabi, miżbugħa minn żebbigħa li jaħdmu mas-servizzi jew it-Tarzna.  Imma meta tiżjin bħal dan ma baqax iktar permess fuq il-karozzi tal-linja, l-artist inqala’ ‘l barra, u s-sign writer  baqa’ jagħmel biss dak il-kliem li juri fuq liema linja kienet taħdem il-karozza:    Valletta – Zejtun, Valletta – Zabbar, eċċ.  Imma s-sidien xtaqu xi ħaġa iktar, u sabu mezz biex, inkiss inkiss, daħal tip ta’ tberfil jixbaħ lil dak tal-karettuni u l-karozzini.

Sadattant pero, dawk li kienu jberflu kienu tgħallmu jiktbu.  Peress li xi ismijiet, l-aktar ta’ qaddisin, xorta baqgħu jinkitbu (fiċ-ċokon) fuq tal-linja u fuq it-trakkijiet privati, nibet stil ta’ kitba li jintgħaraf u li jista’ jissejjaħ “l-alfabett tat-tberfil”.  Fil-paġna li jmiss qed nirriproduċu dan it-tip ta’ font.  Dawn l-ittri kitibhomlna Joe “il-Pittur” Farrugia li joqgħod Ta’ Giorni.  L-awtur għandu wkoll kampjuni ta’ dan l-alfabett bl-ittri miżjuda b’dawk li jissejħu “dellijiet”.  Wieħed mill-kampjuni li għandha l-Imnara hu xogħol ta’ Joe Farrugia “il-Pittur”, u l-ieħor hu ta’ Michael Saliba “Tal-Milied”.

IN-NOGĦRA

Fl-ewwel kwart tas-seklu sittax, il-kapitlu tal-katidral ta’ l-Imdina indaħal għax-xogħol ta’ tiġdid, tisbiħ, u tibdil fil-katidral ta’ dak iż-żmien.  Inbidel is-saqaf, saret faċċata ġdida, tqiegħed bieb ta’ barra ġdid, u ġew irranġati n-navi u l-kampnar il-waħdieni li kellu l-katidral dak iż-żmien.  Ix-xogħol beda fl-1518 u baqa’ jkaxkar sa l-1539 u aktar.  Rendikont tax-xogħol u l-ipejjeż li saru għadu jeżisti fl-arkivji, u t-tagħrif ġie ppubblikat fi ktieb interessanti bl-isem ta’ The ‘Mandati’ Documents at the Archives of the Mdina Cathedral, Malta 1437-1539 ta’ Stanley Fiorini (1992).  Fil-glossarju li hemm f’dal-ktieb (paġna lvii) jissemmew dawn il-kelmiet marbuta maż-żebgħa u l-kuluri (it-tifsir li hemm wara kull kelma ma jinstabx fil-ktieb imma hu tiegħi):

Trimintina: It-terpentina; li dari kienet issir bil-lampik ta’ raża meħuda mis-siġar taż-żnuber, kellha anke użi mediċi.  Dari ġieli ntużat bħala dlik kontra l-qamel fir-ras.  Imma t-terpentina kienet tintuża l-aktar bħala thinner biex traqqaq iż-żebgħa u tħaffef il-mixi tal-pinzell.

Blankectu: Il-bjankett; żebgħa bajda magħrufa mill-inqas minn żmien l-Eġittu tal-qedem.  Bl-Ingliż tissejjaħ white lead.  Jgħidu li fil-qedem kienu jagħmluha billi jitfgħu l-ħall ġo vażetti żgħar taċ-ċomb u jordmu l-vażetti ġo munzell demel tal-bhejjem.  Id-demel jeħmer u jisħon, u l-vażetti taċ-ċomb kienu jitherrew u jsiru trab abjad li jkun tajjeb għaż-żebgħa.  Għalkemm aktar tard sabu mezzi aħjar ta’ kif jaħdmuh, il-bjankett baqa’ jintuża kważi sa żmienna; sakemm wara l-gwerra ma’ baqax jintuża fiż-żebgħa kummerċjail peress li ċ-ċomb hu perikoluż għall-bniedem.

Carmasinu:  Il-Kermes.  Dan it-trab ta’ kulur aħmar jiġi minn insett imsejjaħ Coccus ilicis li jgħix fuq ċerti siġart al-ballut.  L-iġsma niexfa tan-nisa ta’ dan l-insett jinsaqħu biex jipproduċu trab aħmar skur.  Fl-1842, G.F. Angas, fil-ktieb tiegħu A ramble in Malta ans Sicily, kiteb li fil-Ħdud u fil-btajjel, il-Maltin kienu jilbsu barnuża ħamra li kienu jiżbgħuha “with the Kermes of Barbary”.  Il-Kermes jissemma fid-dizzjunarju ta’ De Soldanis Damma tal Kliem Kartaginis mscerred fel fom tal Maltin u Ghaucin tal-1759.

Zafarana:  X’aktarx trab isfar meħud mix-xitla taż-żagħfran, magħruf l-aktar għat-taħwir tal-ikel imma li kien jintuża wkoll bħala żebgħa tad-drapp.

Dan kollu juri li kliem bħal “Bjankett” u “terpentina” kienu ilhom f’ħalq il-Maltin mill-inqas minn żminijiet medjevali, Ii bdew jinqatgħu biss minn ftit wara l-gwerra ‘l hawn.  Fost kliem ieħor marbut maż-żebgħa u li fi żmienna qed jinqata’ nsibu l-kelma NOGĦRA.  Din hi kelma qadima semitika li kienet għadha komuni sa ftit ilu.  Ħasra li qed tmut.

In-nogħra hi trab aħmar skur.  Kif qal tajjeb De Soldanis, in-nogħra kienet tintuża mill-mastrudaxxi u l-iskrapan, imma dari kienet komuni wkoll fit-tibjid; imħallta mal-ġir u l-ilma kienet tagħti lewn ħamrani skur.  It-Torri l-Aħmar, ngħidu aħna, kien ikun imbajjad bin-nogħra.

Il-mastrudaxxi kienu jużawha biex oġġett magħmul mill-injam tal-abjad (ngħidu aħna xi antiporta, jew anke xi tebut) iġibuh qisu tal-kawba.  Kienu jħollu fuq in-nar ftit kola “tal-ħoloq” magħrufa bħala “tal-mastrudaxxa”.  Ma’ din kienu jżidu ftit trab tal-kulur kannella msejjaħ “terratombra”, u ftit trab aħmar imsejjaħ “nogħra”.  Wara li jiżbgħu l-injam b’din it-taħlita kienu jagħtu l-“gomma lakka” biex l-injam jiġI jleqq.  Il-gomma lakka (jew “alakka”) llum nafuha bħala Shellac.  L-iskrapan kienu jagħmlu xi ħaġa simili u ċerti żraben ileqqu ħafna baqgħu magħrufa bħala “tal-alakka”.

Hawnhekk nixtieq ngħid li n-NOGĦRA u l-MINJU, għalkemm it-tnejn huma trab ta’ lewn aħmar, m’humiex l-istess ħaġa (għalkemm hawn min jaħseb hekk). In-Nogħra hi red earth, red oxide, natural ochre, (Fe2O3), trab aħmar li jinstab fl-istat naturali fil-blat; filwaqt li l-Minju hu red lead, minium, rosso di piombo, minio, (Pb304), li, bħall-bjankett, jiġi miċ-ċomb.

ĦAJR

Felix Gauci, Tal-Karettuni, minn Ħal Tarxien

Ġanni u Leli Caruana, Tal-Buġann, minn Ħal Għaxaq

Karmenu Rotin, Tal-Karettuni, mill-Munxar, Għawdex

Joe Farrugia, il-Pittur, minn Ta’ Giorni

Mikiel Saliba, Tal-Milied, mir-Rabat t’Għawdex

Paul Saliba, Tal-Busa, minn San Ġiljan

Joe Zerafa, il-Prins, minn Ħal Qormi

Karmnu Vella, Il-BuwġI, mix-Xagħra, Għawdex

Edwin Ciappara, TaĦ-Żebgħa, mir-Rabat tal-Imdina

Karmenu Azzopardi, il-Pittur, mir-Rabat tal-Imdina

RIFERENZI

  1. L-Imnara Nru. 1, Ġunju 1978
  2.  L-istorja tat-trasport pubbliku bil-karozzi tan-nar hawn Malta bdiet għall-ħabta ta’ l-1905 meta twaqqfet il-kumpannija The Malta Motor Imnibus and Transport Syndicate Ltd.  Fuq dan is-suġġett ara l-ktieb L-Istorja tat-Trasport f’Malta, Guido Lanfranco, PIN, 1999
  3. L-Imnara Nru. 1, Ġunju 1978
  4. Għal ħafna snin baqgħet tifkira ta’ dan it-tip ta’ tiżjin, imma minflok fuq barra, fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-karrozza tal-linja – madwar il-gabina tax-xufier – fejn is-sid dejjem kien isib post fejn iqiegħed xi statwetta, anke b’xi bozza żgħira tixgħel quddiemha, xi vażun b’xi bukkett żgħir tal-fjuri tal-plastik, ritratti tat-tiġrijiet taż-żwiemel, santi ma’ kullimkien, posters ta’ l-artisti, u l-bqija. F’Ottubru ta’ l-1985 il-puluzija tat ordni li santi, stikers, statwetti, ritratti, riklami, u twaħħil ieħor  kellu jitneħħa minn fuq il-karrozzi tal-linja.  Fuq din l-ordni kienu saru protesti anke fil-parlament.

MIKLEM

Qed inniżżlu xi ftit kliem li l-Maltin jistgħu jiltaqgħu miegħu meta jaqraw bl-Ingliż u li forsi jkollhom diffikulta biex isibu l-ekwivalenti tiegħu bil-Malti.  Il-kliem mhux qiegħed fl-ordni alfabetiku, imma qiegħed miġmugħ skond is-suġġett:

Ismijiet taż-żebgħa u trab tal-kulur

Lead White, Bianco di piomb, Bianchetto Bjankett
Cinnabar, Cinabro di Miniera Ċinabru
Red Lead, Minium Minju
Red Oxide, Terra Rossa Nogħra
Carmine, Kermes Karminju, Kermes
Burnt Umber, Terra d’Ombra bruciata Terratombra
Raw Sienna, Terra si Siena Terra di Siena
Raw Earth Umber, Terra gialla Terraġerna
Turpentine, Acqua di rasa Terpentina
Verdigis Virdirram
Linseed Oil Żejt tal-Kittien
Varnish Verniċ

(C) Ġużi Gatt