Dan l-artiklu ferm interessanti huwa l-ħames u l-aħħar parti minn sensiela dwar it-tbaħħir u s-sajd u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

IT-TIRJIX (trolling

Biex trejjex irid ikollok xlief li miegħu titwaħħal rixa bajda ta’ gawwija.  Ir-rixa taħbi ġo fiha sunnara li biha tinqabad il-ħuta.  Ir-rixa tintefa fl-ilma minn fuq dgħajsa miexja.  Marbuta max-xlief, ir-rixa tiġri wara d-dgħajsa, u meta jarawha, bajda u tiġri ġo l-ilma, xi ħut jipprova jaħtafha u jikolha u jsib is-sunnara f’ħalqu.  Daż-żmien m’hemmx għalfejn tuża rixa ta’ gawwija.  L-ewwelnett għax hawn min juża wkoll l-imsell jew is-siċċ biex irejjex bih; u t-tieni, għax fil-ħwienet illum issib ħafna għamliet ta’ oġġetti artifiċjali, magħmula mill-injam, metall jew plastik.  Dawn l-oggetti jkunu maħsuba biex iqarrqu bil-ħut.  Il-ħut jaħseb li qed jara xi loqma tajba tiġri fl-ilma – imma fil-fatt isib sunnara f’ħalqu.  Fost is-sajjieda teżisti l-kelma ĦIEL.  Din tingħad l-aktar għal dik il-biċċa għodda li tintuża fis-sajd taċ-ċawl u anke għall-qarnit.  Tkun magħmula minn xi ċarruta bajda jew anke xi granċ tal-plastik li miegħu jkollu ħafna labar, jew snanar, jew ganċijiet f’għamla ta’ rampila.  Is-sajjied ilikkem il-ħiel – jiġifieri jagħti l-iskossi b’idu biex il-ħiel joqmos u jiżfen fl-ilma.  Il-qarnita taħseb li qed tara xi ħaġa ħajja.   Tiġi  għaliha  biex taħtafha, u tinqabad bil-labar jew bil-ganċijiet.  Il-kelma ĦIEL ġejja mill-istess għerq li minnu għandna l-verb “stħajjel”.  Dan għaliex il-ħiel iġiegħel lill-ħut jistħajjel li qed jara ħaġa, meta fil-fatt tkun ħaġ’oħra.  Kif għedna, illum fil-ħwienet issib ħafna minn dawn il-ĦJIEL ARTIFIĊJALI (artificial lures) li tista’ trejjex bihom u tqarraq bil-ħut.

IL-KANNIZZATI

Matul il-medda tas-snin, is-sajjied Malti induna li jekk fuq il-baħar jiltaqa’ ma’ xi ħaġa ċatta tgħum f’wiċċ l-ilma, aktarx iva milli le, taħtha jkun hemm il-ħut – li donnu jiġi jistkenn għad-dell tagħha.  L-aktar li għandhom ħabta jagħmlu dan huma l-lampuki u l-fanfri.  Meta indunaw b’dan is-sajjieda Maltin bdew jorganizzaw huma stess postijiet fejn il-ħut seta’ jiġi għall-kenn.  Dawn jissejħu KANNIZZATI.  Il-kannizzata tkun magħmula mis-sufri, marbutin flimkien biex jiffurmaw wiċċ qisu xi metru kwadru.  Minn dawn l-uċuħ jista’ jkun hemm tnejn, marbutin flimkien xi metru ‘l bogħod minn xulxin.  Jintrabat ukoll żubrun bil-bandiera jew anke xi lampa tal-pitrolju.  U biex kollox joqgħod f’post wieħed u ma jaħrabx mal-kurrent, tintrabat ukoll mażżra (li l-biċċa l-kbira tkun kantun) li tintefa’ fl-ilma, marbuta b’ħabel, sakemm issib il-qiegħ.  Il-mażżra żżomm il-kannizzata marbuta f’post wieħed fejn is-sajjied ikun jista’ jfittixha u jsibha.  Taħt is-sufri, (jew ġieli anke mal-ħabel tal-mażżra) jintrabat il-weraq tal-palm.  Ma’ l-alka u l-ħaxix l-ieħor tal-baħar li jeħel mal-weraq tal-palm, il-ħut isib xi ħaġa x’jiekol u jnaqqar.  Il-kannizzata tissejjaħ ukoll ~IMA.  Peress li daż-żmien is-sufri jiswew il-flus, minflokhom is-sajjieda jistgħu jużaw ukoll kull ħaġa oħra li żżomm fil-wiċċ. 

Il-ħut miġbur għall-kenn tal-kannizzata jew ċima jinqabad b’xibka għamla ta’ tartarun.  Jista’ jintuża wkoll konz tal-wiċċ illixkat bil-klamari.  Biex terfa’ l-konz trid inqas xogħol milli biex terfa’ x-xibka; imma bix-xibka taqbad iktar ħut.  Id-Dipartiment tas-Sajd kull sena jalloka post għal kull sajjied fejn jista’ jqiegħed il-kannizzata jew ċima.  Kull post jissejjaħ RIMJA.

Is-sajjied dilettant li kulma jkollu tkun xi dgħajsa żgħira jew frejgatina, jista’ juża il-MITLAQ (pl. imtielaq).  Dan ikun lenza jew ħarira twila, bis-sufri kull tant tul – ngħidu aħna kull qama jew tnejn – biex il-ħarira żżomm fil-wiċċ, u fit-tarf sunnara (u forsi xi ċomba żgħira).  Il-mitlaq jintelaq mal-kurrent minn fuq il-blat jew minn ġo xi dgħajsa żgħira u jintuża l-aktar għall-imsell (u xi kultant għall-kaħli).

Jekk ma jkollokx dgħajsa tista’ tinqeda b’qasba li jkollha XLIEF (pl. xolfa) magħmul minn ħarira twila, ċomba marbuta miegħu ( jew sufra jekk tkun qed tistad għal tal-wiċċ) u xi tlieta jew erba’ snanar.  Xlief bħal dan jista’ ma jkollux qasba, imma jkun imkebbeb fuq sufrun, b’ċomba daqsxejn tqila qrib is-sunnara.  Meta jkun hekk jissejjaħ VLONTIN (pl. vlontini).  Is-sajjied iħoll ix-xlief minn mas-sufrun, jaqbad it-tarf tal-vlontin fejn ikun hemm iċ-ċomba, ixejjer it-tarf qisu għandu żbandola, u bis-saħħa taċ-ċomba jwaddbu ‘l barra minn fuq il-blat lejn il-baħar biex is-sunnara llixkata ssib ruħha ‘l barra fil-fond.

IN-NASES

Is-sajjieda jużaw ukoll in-NASES (fishing pots/traps) li ħafna drabi jkunu magħmula mis-sajjieda nfushom.  Daż-żmien in-nases isiru mill-qasab li jikber fil-widien.  Jaqbdu qasba twila u jxoqquha f’ħafna flieli twal u rqaq li jissejħu XAQQIJIET (sing. xaqq).  Trid tkun tas-sengħa biex taqta’ u tillixxa xaqq irqiq biżżejjed biex ikun tajjeb biex taħdem n-nassa minnu.  Li kellek issibu lest kien ikun ferm aħjar.  Dari n-nases kienu jsiru minn qasab irqiq meħud mix-xitla tad-DIS (festuca elatior).  Id-dis (kien) jikber fil-qigħan tal-widien jew f’xi post li jkun maqgħad.  L-ilma tax-xita jinġema’ f’għadajjar kbar li jdumu għal ġimgħat jew  xhur sħaħ.  Meta jinxef u tasal ir-rebbiegħa, jikber id-dis, li jkollu qasba rqiqa tixbah lil dik tax-xitla tas-SIMAR (juncus acutus)  li minnha kienu jsiru l-qwieleb għall-ġbejniet u n-nases  għas-sajjieda wkoll.  Is-simar jikber qrib il-baħar, l-aktar fejn ikun hemm xi ilma salmastru.  Id-dis ifittex aktar ‘l ġewwa lejn l-art.  Bejn in-Naxxar u Ħal Għargħur hemm wied jgħidulu Wied id-Dis.   M’għandkomx għalfejn tmorru hemm tfittxu d-dis.  Illum ma ssibuhx.

L-għamla tan-nassa tkun skond il-ħuta.  Hawn nases għall-VOPI (bogue), għall-ARŻNELL u għall-MUNQARA (picarel),  għas-SAWRELL (scad), għall-QARNIT (octapus) u l-bqija.  In-nases jintefgħu il-baħar, marbutin u msenslin waħda wara l-oħra ma’ ċima u, dejjem skond il-ħuta li jkunu maħsubin għaliha, jintramaw jew qrib il-wiċċ, ‘l fuq mill-qiegħ; jew inkella mmażżrati mal-qiegħ.  Fin-nases jitfgħu l-lixka.  Il-ħut jidħol għal-lixka, imma mbagħad ma ssibx irkaptu joħroġ.  Dejjem skond il-ħuta li tkun, tista’ terġa’ terfa’ n-nases minn ġo l-ilma wara siegħa; titfa’ u terfa’ l-ġurnata kollha;  jew inkella titfa’ darba, tħalli kollox mal-lejl, u filgħodu terġa’  terfa’ n-nassa mill-ilma.

MIKLEM

Il-Bini tad-Dgħajjes

Bow Il-Pruwa
Stern Il-Poppa
Keel Il-Prim
Hull Il-Buq/il-Korp
Stempost Ir-Rota/Ras/Zokk tal-pruwa            
Sternpost Ir-Rota/Ras/Zokk tal-poppa
Rudder Tmun
Steering oar Tmun moqdief
Oar Moqdief
Scantling Żangun
Side-timbers Majjieri
Futtocks Stamnari
   
Carvel-built (Mibni b’)Tavlar inkulmat jew b’għeluq iġġusta
Clinker-built Tavlar imrikkeb jew għeluq ikkavalkat
Shell-first method Titla’ bil-qoxra
Skeleton-first method Tibni fuq il-qafas
Flat-bottomed hull Pruwa sajjieda
Round-bottomed hull Pruwa baħħara
V-shaped hull Pruwa stillata
   
Dugout/canoe Kenura
Galley Xini  (Xini hu mirkeb tal-ġlied li għalkemm ikollu xi qala’ jew tnejn, jiddependi l-aktar fuq ħafna qaddiefa bl-imqadef biex jimxi.)  M’hemm l-ebda raġuni fid-dinja għax għandna naqilgħu ‘l barra l-kelma xini biex ngħidu galera.
Merchantman/ Trader/ Round ship Mirkeb
                               
Galleon Ġifen  (Ġifen hu kull mirkeb tal-qlugħ b’mil-inqas tliet arbli, li ma jużax l-imqadef biex jimxi, u jkun armat għall-ġlied u/jew għall-esplorazzjoni.)
Carrack Karrakka
Caravel Karavela  (Il-karrakka u l-karavela huma t-tnejn għamliet ta’ iġfna.)
Fishing boat Lanċa tas-sajd
Sloop Slup
Cutter Kater
Ketch Keċċ
Yawl Jol
Schooner Skuna
Brig Brigg
Brigantine Brigantin
Hermaphrodite Brig Brigantin dika
Barkantine/barquentine Barkantin
Bark/barque Bark
Fully-rigged ship/ Full-rigger Bastiment tal-qlugħ
                               

Il-Qlugħ

Square rigged Armat għad-dritt
Square sail Qala’ armat għad-dritt (jgħidulu wkoll qala’ kwadru)
Fore-and-aft rigged Armat laġenba (jgħidulu wkoll forenaff)
Fore-and-aft sail Qala’ armat laġenba
Jib Flokk
Staysail Qala’ ta’ l-istrall
Boom Boma
Lateen sail Qala’ tal-latin/tal-latini      
Sprit sail Tarkija
Lug sail Tarkija mezzana
Gaff sail/Spanker Randa
Bermuda sail Qala’ ta’ Bermuda
Spinnaker Spinaker
   
Tacking Ibburdjar
Sounding Skandaljar
   
Mast Arblu
Cross-yard Pennun
Stays Stralji/strallijiet
Tackle Parank
Running rigging Skotti
Bowsprit Pupress

Is-Sajd                                                                       

Trammel net Parit                                                   
Seine net Tartarun                                            
Gill net Għażel                                               
Otter trawl Għażel tat-tkarkir
Drift net Għażel tat-tisqif
Cast net Terrieħa
Long line Konz
Shoal of fish Ġliba ħut
Lure Ħiel
Fishing traps/pots Nases

 

(C) Ġużi Gatt