Dan l-artiklu ferm interessanti huwa r-raba’ parti minn sensiela dwar it-tbaħħir u s-sajd u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

IL-LANĊA TAS-SAJD

Għalkemm hawn luzzijiet li għandhom aktar minn għoxrin metru tul, u għalkemm hawn minnhom li għandhom anke kabina mibnija ġo fihom, xorta waħda jsibuha iebsa biex jagħmlu aktar minn 24 siegħa fuq il-baħar.  Fis-snin ħamsin il-gvern beda jinkoraġġixxi s-sajjieda biex jixtru l-laneċ li kienu jħallu warajhom l-Ingliżi.  Laneċ bħal dawn, u laneċ oħra mixtrija anke minn Sqallija, ikollhom ftit aktar kumdita għal min ikun jaħdem fuqhom, u jistgħu jbaħħru għal żmien itwal u iżjed ‘il bogħod.  Fis-snin sebgħin u tmenin kienu ġew moda it-TRAWLERS  (għas-sajd bit-tkarkir).  Dawn huma ikbar, aqwa, armati bl-aħħar apparat, jistgħu idumu fuq il-baħar anke għal ġimgħat sħaħ, u jistgħu jaħżnu l-ħut fil-friza u xi kultant anke jipproċessawh.  B’dawn il-vantaġġi kollha xorta huma meqjusa li ma tantx irnexxew f’Malta.  L-ispejjeż biex iżżommhom huma kbar.  Qiegħ il-baħar madwar Malta rari ssibu lixx.  Peress li t-trawlers il-biċċa l-kbira jkarkru x-xbiek mal-qiegħ, issir ħafna ħsara lix-xbieki, li jridu jissewwew u jkomplu jżidu l-ispejjeż.  F’Malta ma tantx issib minn jaċċettalek li jagħmel xi ġimgħa fuq il-baħar mingħajr ma jmur id-dar.  It-trawler trid in-nies biex tħaddmu – x’tagħmel?  Tħaddem il-barranin?  Ta’ min jgħid ukoll li s-sajd bit-tkarkir jagħmel ħafna ħsara lill-ambjent ta’ qiegħ il-baħar.

L-IRKAPTU

Biex taqbad il-ħut irid ikollok l-għodda jew l-IRKAPTU.  L-aktar irkaptu komuni u magħruf hu x-XIBKA.  Din tkun ta’ ħafna għamliet u kull għamla ta’ xibka għandha isem.  Ħafna drabi l-irkaptu ma jkunx magħmul minn xibka waħda – u għalhekk jgħidulu “xbiek” – appuntu għax ikun magħmul minn aktar minn xibka waħda.

IL-PARIT

Il-PARIT (trammel net) ikun magħmul minn tlett ixbiek fuq xulxin, imdendla minn LETT (headrope) wieħed.  Ix-xibka li tkun fin-nofs, li jgħidulha l-ISPISSA, tkun ta’ malja ifjen u irqaq mit-tnejn ta’ barra, li jgħidulhom iċ-~ARI.  Il-lett ikollu s-SUFRUNI (floats) marbuta kull tant tul miegħu biex iżomm fil-wiċċ, u x-xbiek, minn taħt, ikollhom iċ-~OMB (weights) biex jegħrqu ‘l isfel.  Il-ħut li jaħbat mal-parit jitħabbel fih u jinqabad.  Hu kontra l-liġi li l-parit jinxteħet fid-daħliet u l-portijiet tagħna bejn il-15 ta’ Frar u l-15 ta’ Lulju.  F’dawk iż-żminijiet il-ħut JOQROQ (to spawn) u bil-parit jinqered ħafna ħut li jkun se jbid.  Il-parit jista’ jkun twil ħafna.  Fil-fatt tista’ ttawlu kemm trid billi żżidlu “qatta xbiek” oħra, u oħra, u oħra, kollha msenslin ma’ xulxin. 

IT-TARTARUN

It-TARTARUN (seine net) hu magħmul ukoll minn tlett ixbiek imma mhux fuq xulxin.  Ix-xbiek ikunu meħjuta flimkien tarf ma’ tarf biex jiġu biċċa waħda.  Ix-xibka tan-nofs tkun immaljata irqaq mix-xibka tal-ĠWIENAĦ jew BNADI tat-tarf, u fiha jkun hemm borża li tissejjaħ is-SORRA jew il-ĦOĠOR jew il-MANKA.  It-tartarun ikollu wkoll is-SUFRUNI marbuta mal-LETT u jkollu ċ-ċomb fil-qiegħ.  Dan l-irkaptu jintuża biex idawwar ĠLIBA ĦUT (a shoal of fish) dawramejt, u allura jagħlaqha ġo ċirku li ma tistax taħrab minnu.  Hawn minnhom li, isfel ħdejn iċ-ċomb, ikollhom il-ĦOLOQ li minnhom jgħaddi ħabel li jista’ jinġibed b’mod li ċ-ċirku ma jingħalaqx biss mill-ġnub imm’anke mill-qiegħ.  B’dal-mod, it-tartarun jiġi għamla ta’ kopp kbir li jerfa’ l-ħut minn taħt l-ilma.  Dan l-irkaptu jintuża l-aktar fis-sajd bil-LAMPARA.  Is-sajjied jixgħel lampa qawwija fuq wiċċ l-ilma bil-lejl.  Il-ħut jiġi għad-dawl.  Meta l-ġliba ħut tkun kbira biżżejjed, idawruha bit-tartarun u jerfgħuha.  Din hi biċċa xogħol iebsa.  Irid ikun hemm iktar minn biċċa tal-baħar waħda, u x-xbiek jinġibed bil-VIN~IJIET (winches).

 It-tartarun jintuża wkoll biex jaqbdu l-makku u għall-aċċoli.

L-GĦAŻEL

Meta l-irkaptu jkun magħmul minn xibka waħda mmaljata kollha l-istess ħxuna, dak jissejjaħ GĦAŻEL (gill net).  L-għażel jista’ jkun ta’ daqsijiet differenti, skond għal xiex qed tużah.  Fil-biċċa l-kbira jintuża apposta biex jaqbad ċertu ħut u mhux ieħor.  Jiġifieri hawn għażel għall-plamtu, ieħor għat-tumbrell, ieħor għall-imsell, u l-bqija.  L-għamla tiegħu tkun tixbah lil tax-xbieki l-oħra – bil-lett, is-sufruni u c-comb bħal tagħhom.  U bħalhom ukoll, jekk tagħraf twieżnu sewwa bis-sufri u biċ-ċomb, jista’ jintrama aktar ‘l isfel lejn il-qiegħ jew aktar ‘il fuq lejn il-wiċċ – skond xi tkun qed tipprova taqbad.  Tista’ wkoll timmażżrah b’xi MAŻŻRA – li x’aktarx tkun xi kantun – biex ma jitkaxkarx mill-kurrent.  Imm’għal dak il-ħut li jgħum qrib ħafna tal-wiċċ (bħat-tumbrell u l-imsell) l-għażel ma jimmażżrawhx.  Anzi, iħalluh jitkaxkar mal-kurrent.  Is-sajd bi xbieki jitkaxkru fil-wiċċ mal-kurrent jissejjaħ TISQIF (drift nets).

L-GĦAŻEL TAT-TKARKIR

Ix-xibka li tintuża mit-trawlers f’Malta hi bħal dik li tintuża f’ħafna pajjiżi oħra u li bl-Ingliż jgħidulha otter trawl.  Aħna l-Maltin ngħidulha GĦAŻEL jew XIBKA TAT-TKARKIR.  Din tkun forma ta’ lembut u l-lembut jinżamm b’ħalqu miftuħ permezz ta’ żewġ DIRIĠENTI (otter boards).  Jitħalla jitkarkar mal-qiegħ għal xi nofs siegħa, ikaxkar kulma jsib quddiemu, tajjeb jew ħażin.  L-għażel tat-tkarkir jaqbad ħafna qarnit, skorfon, raj, u gambli.  Sa l-1989 it-trawlers setgħu ikarkru biss ‘l barra mill-ibħra territorjali.  Imma minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-liġi qed tippermettilhom li jkarkru anke ‘il ġewwa minnhom.

IT-TERRIEĦA

Biex ma nħalluhiex barra nsemmu wkoll it-TERRIEĦA (cast net).  Din hi xibka magħmula ċirku tond li tinxteħet jew tinteraħ miftuħa beraħ fuq wiċċ l-ilma, tegħreq biċ-ċomb li jkollha mwaħħal f’tarfha, u tħabbel magħha lil min issib taħtha.  It-terrieħa mhux suppost li tintuża fid-daħliet, qaliet u portijiet.  Dari kienet tintuża aktar mil-lum, għalkemm ġieIi għadek tara lil xi ħadd iwaddabha minn fuq il-blat biex jaqbad xi xilpa.

IL-KONZ

Tip ieħor ta’ rkaptu hu dak li jkollu il-lett imma ma jkollux xibka.  Dan jgħidulu KONZ (long-line).  Jekk il-konz ikun “tal-wiċċ”, il-lett ikollu wkoll is-sufruni.  Mal-lett jintrabtu il-BRAZZOLI, kull wieħed ftit ‘il bogħod mill-ieħor skond kemm ikun twil il-konz.  Il-brazzol jegħreq ‘l isfel għax ikollu ċomba marbuta miegħu u sunnara fit-tarfnett.  Konz bħal dan jista’ jintuża anke minn fuq il-blat.  F’dal-każ, f’tarf wieħed ikollu marbuta l-IMREJKBA, li tkun magħmula minn tliet qasbiet marbuta f‘għamla ta’ trianglu u mserrħa fuq is-sufri.  Ikollha qasba oħra wieqfa li magħha teħel il-QALA’ (qlugħ).  L-imrejkba tiġi qisha dgħajsa żgħira li tintelaq fuq wiċċ l-ilma u toħroġ ‘il barra bir-riħ jew mal-kurrent u tiġbed il-konz warajha.

Jekk il-konz ikun “tal-qiegħ” ikun immażżrat b’żewġ mażżri, waħda f’kull tarf.  Il-lett, bil-brazzoli marbuta miegħu imma mingħajr sufruni, jintrabat ‘l isfel qrib il-mażżri biex jegħreq fil-qiegħ.  Kull mażżra tkun immarkata b’ħabel li miegħu ikollu sufra b’qasba ġo fiha, u mal-qasba titwaħħal bandiera.  Dis-sufra bil-bandiera tissejjaħ ŻUBRUN u sservi biex is-sajjied isib fejn hu kalat il-konz.

JISSOKTA

(C) Ġużi Gatt