Dan l-artiklu ferm interessanti huwa t-tielet parti minn sensiela dwar it-tbaħħir u s-sajd u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

ID-DGĦAJJES TA’ MALTA

X’inhi d-differenza bejn LUZZU u KAJJIKK?  Il-luzzu jkollu l-PRUWA U l-POPPA (quddiem u wara) it-tnejn ġejjin għall-ponta.  Il-kajjikk ikollu l-pruwa għall-ponta, u l-poppa ċatta.  Il-kajjikk ikun iżgħar mil-luzzu u rari jaqbeż is-sitt metri tul.  Għalhekk jintuża l-aktar għas-sajd mhux ‘il bogħod ħafna mill-art.  Imm’ejja naraw id-dgħajjes ta’ Malta waħda waħda.

IL-LUZZU

L-ikbar fost l-opri tal-baħar mibnija mill-Maltin u l-Għawdxin fi żmienna, il-luzzu hu maħsub għas-sajd; sewwasew għas-sajd ‘l barra, ‘l bogħod mix-xatt.  Il-poppa u l-pruwa t-tnejn ġejjin għall-ponta; il-pruwa magħmula għolja, b’battillar wiesa’, biex tiflaħ tirkeb u tgħolli rasha fuq il-mewġ għoli; u l-poppa magħmula mżaqqa u tonda, biex ma togħdosx malajr ‘l isfel, la fil-maltemp, u lanqas meta s-sajjied ikun qed jaħdem fuq in-naħa ta’ wara, jerfa’ x-xbiek jew jiġbed il-konz.  Il-qiegħ jew iċ-~AN (bilge) tal-luzzu hu magħmul wiesa’ u ċatt, biex ma jegħreqx ħafna ‘l isfel u l-luzzu jkun jista’ JPIXKA (have enough draught), jiġifieri ma jaħbatx żaqqu mal-qiegħ anke meta jkollu jidħol f’baħar qasir, jew baxx.   

Biex is-sajjied ikun jista’ jistkenn mix-xita meta jkun f’nofs ta’ baħar, il-luzzu jew il-kajjikk jitgħatta bil-KABUŻ (hawn min jgħidlu “Luna”).  Din tkun biċċa kanvas mixħuta minn tulha fuq l-ALZALUN u miżmuma miftuħa minn quddiem mil-IMQASS – li jkun ta’ l-injam, għamla ta’ kumpass, li jżomm il-kabuż miftuħ forma ta’ ittra “V”.

Il-MUSTAĊĊI li jkollu l-luzzu u li fuqhom iqiegħdu l-GĦAJN biex tħares id-dgħajsa, dari kienu jinżebgħu skond minn liema naħa kien ikun is-sajjied.  Jiġifieri jekk ikun minn Marsaxlokk, il-luzzu kien ikollu l-mustaċċi sofor; jekk minn San Pawl il-Baħar jew dik in-naħa ta’ Malta, mustaċċi ħomor; u l-Għawdxin kien ikollhom mustaċċi bojod.  Dan kien jiswa biex ħadd ma jirfes il-kallijiet ta’ ħadd ieħor, u kien tajjeb ukoll f’każ li inti tara xi għajn ħazina minn xi dgħajsa, fuq xi serq, jew hekk.  Kien hemm żmien meta l-mustaċċi kienu jinżebgħu suwed meta jmut sid id-dgħajsa.

Sa ftit tas-snin ilu, id-DGĦAJJES TAL-LATINI kienu għadhom iġorru t-tagħbija bejn Malta u Għawdex; għalkemm fl-aħħar snin kienu żarmaw u warrbu għal kollox il-qlugħ famużi tagħhom: il-QLUGĦ TAL-LATIN (Lateen sails).  Id-dgħajjes t’Għawdex kienu jikkwalifikaw bħala luzzijiet ukoll, imma peress li kienu maħsuba għall-ġarr tal-passiġġieri u t-tagħbija, kienu mibnija xi ftit itwal, sa xi sittin pied, u allura kienu jidhru xi ftit idjaq, u iżjed fuq qaddhom, mil-luzzu tas-sajd.  Il-poppa u l-pruwa kienu jkunu xi ftit inqas mżaqqa, ftit inqas mimlija, biex id-dgħajjsa tofroq il-mewġ aħjar u tħaffef xi ftit iżjed fil-ġiri.

IL-FIRILLA

Il-firilla tixbah ħafna lil-luzzu fl-għamla tagħha, għalkemm tkun ftit iżgħar, u wkoll, fil-ġnub, ftit iktar baxxa mil-luzzu.  Il-poppa u l-pruwa jkunu t-tnejn ġejjin għall-ponta, bħal tal-luzzu, imma l-firilla jkollha l-KONTRAROTA tal-pruwa (stempost) u tal-poppa (sternpost) ogħla minn tal-luzzu, u tkun ukoll ftit iktar mużqaqa (imżaqqa).   Il-firilla kienet maħsuba għas-sajd mhux bogħod ħafna mill-art, u fid-daħliet u l-portijiet; u billi kienet iktar baxxa fil-ġnub,  u allura min ikun fiha ma jkunx maqtugħ ħafna ‘l fuq minn wiċċ il-baħar, kienet addatata ferm għas-sajd bix-xibka, konzijiet, u nases.

Daż-żmien ftit għad fadal firilli.  Illum is-sajjieda jħossu l-bżonn li joħorġu jfittxu l-ħut aktar ‘il bogħod mill-art.  Ikollhom bżonn qoxra tal-baħar ikbar u aqwa.  Il-firilla rari tkun iktar minn tmien metri tul. 

IL-KAJJIKK

Jekk il-luzzu hu kbir wisq għalik, u għandek bżonn dgħajsa iżgħar, ikun aħjar jekk tħares sew biex tara kif inhi mibnija.  Jekk il-poppa ta’ dgħajsa żgħira tkun ġejja għall-ponta bħal m’hi l-poppa tal-luzzu, din għandha ħabta TITRAŻŻAN, jew tegħreq ‘l isfel wisq fl-ilma meta tħoss il-piż ta’ bniedem fuqha.  Meta jiġri dan, il-pruwa, minn-naħa tagħha, togħla wisq ‘I fuq.  Fuq luzzu, dan ma jiġrix, għax il-luzzu jkun magħmul kbir.  Imma dgħajsa iżgħar ikollha bżonn poppa wiesgħa biex iżżomm iżjed soda fl-ilma.   Il-kajjikk jintuża għas-sajd ġol-portijiet u d-daħliet, jew sajd mhux ‘l bogħod ħafna mix-xatt, u d-daqs tiegħu hu maħsub biex sajjied wieħed waħdu jkun jista’ jlaħħaq miegħu u jreġih  mingħajr wisq tbatija.  Meta kien ikun armat bil-qlugħ, x’aktarx li kienu jarmawlu TARKIJA (sprit sail) u mhux qlugħ tal-latin, li kienu aktar addattati għal xi dgħajsa ikbar, bħal-luzzu.

IL-FREJGATINA

B’tul ta’ xi tnax-il pied, il-frejgatina hi l-iżgħar membru tal-familja tad-dgħajjes Maltin, u hi maħsuba għall-passatemp, gost tal-familja, jew xogħol żgħir fil-portijiet u d-daħliet.  Il-pruwa tagħha mhix għolja u hi bla battillar, jiġifieri mhix imxaqilba ‘l barra bħal tal-luzzu u l-kajjikk, u għalhekk mhix tajba biex tħabbat wiċċha mal-mewġ.  Il-poppa tkun ċatta, imma ftit imqammra – mhux bħal tal-kajjikk, li tkun ċatta għal kollox.  Il-frejgatina tkun fil-biċċa l-kbira bla tmun; tidderiġiha bl-imqadef.   Imma dari ġieli kienu jarmawlha l-qlugħ ukoll, u f’dak il-każ kien ikollha it-tmun.  Illum issib ħafna minnhom armati b’magna żgħira. 

Id-dgħajjes li jiħduk minn Wied iż-Żurrieq sal-Ħnejja (Blue Grotto) huma frejgatini wkoll, imma mibnija ftit ikbar; xi sittax-il pied tul.   Il-frejgatini li jtellqu fit-tlielaq tat-tmienja ta’ Settembru jinbnew apposta, u jkunu iktar mislutin, mibnija b’majjiera stillata biex ikunu iktar ħfief fl-ilma.   

Frejgatina daqsxejn iżgħar mis-soltu, tissejjaħ DINGI; tkun xi seba’ piedi twila, u tintuża l-aktar biex biha tilħaq xi dgħajsa oħra ikbar, li tkun ankrata iktar ‘l barra mix-xatt.

ID-DGĦAJSA TAL-PASS

Tkun magħmula żgħira u misluta, b’tul ta’ wieħed u għoxrin pied, u wisa’ ta’ sitt piedi; u hi maħsuba biex iġġorr in-nies min-naħa għall-oħra tal-port jew minn abbord xi vapur għax-xatt.  Kienet tintuża ħafna minn min ried jaqsam mit-tlett ibliet tal-Kottonera sal-Belt, jew mill-Belt sa Tas-Sliema. Timxi b’żewġ imqadef, bil-qaddief, li jissejjaħ barklor, iħares ‘il quddiem, iżomm l-imqadef imsallbin u jinbuttahom quddiemu.  Hi magħmula biex tgħabbi xi sitt passiġġieri, għalkemm mhux l-ewwel darba li għabbiet iżjed.  Il-passiġġier jitla’ mill-pruwa.  Ir-ras jew ir-rota ta’ quddiem, u anke dik ta’, wara huma twal ħafna.  Ta’ quddiem hi twila biex isservi ta’ poġġaman għall-passiġġier, u jserraħ magħha hu u tiela’, u għall-balklor biex biha jrieġi d-dgħajsa max-xatt, u jżommha milli titbandal wisq sa kemm il-passiġġier isib postu bilqiegħda. Dari, mar-rota ta’ quddiem u ta’ wara, bil-lejl kien jitwaħħal fanal, biex fil-geġwiġija tal-port, vapuri oħra jindunaw li hemm dgħajsa qed taqsam.  Illum ħadulha postha l-laneċ li jaħdmu bil-mutur, għalkemm għadek tara xi ftit minnhom, l-iktar in-naħa tal-Kottonera.  Ir-Regatta tal-Vitorja u t-tlielaq ta’ Jum il-Ħelsien, s’issa għadhom iżommu lil dawn id-dgħajjes milli jgħibu u jintilfu għal kollox minn fostna.

IL-BIMBU

Fl-għamla tiegħu, il-BIMBU jkun jixbah lil-luzzu, jiġifieri bil-pruwa u l-poppa t-tnejn ġejjin għall-ponta.   Imma jkun iżgħar, u r-ras jew ir-rota ta’ quddiem u ta’ wara ma jerfgħux rashom ‘l fuq bħalma jagħmlu tal-luzzu u tad-dgħajsa tal-pass, imma jkunu biss ftit pulzieri ‘l fuq mill-BARDNELL, kif jissejjaħ ix-xifer ta’ fuqnett tad-dgħajsa. Il-pruwa ma jkollhiex battillar, jiġifieri ma tinfetaħx ‘l barra qisha mrewħa, bħal tal-luzzu u l-kajjikk, u l-bardnell ma jkunx milwi ‘l fuq lejn ir-rota, imma jibqa’ dritt.  B’hekk il-bimbu jkun baxx ħafna ma’ l-ilma  u jkun tajjeb biex is-sajjied ikun jista’ jixxabbat ‘l barra mid-dgħajsa u jittawwal ġo l-ilma minn xi barmil b’qiegħ tal-ħġieġ u, b’foxxna f’idu jara jseħħlux jiffoxxna xi ħuta li tinzerta fil-qrib.  Biex jagħmel dan, xi ħadd ieħor irid ikun qiegħed bl-imqadef f’idu biex irieġi d-dgħajsa.  Il-bimbu m’ilux wisq jinbena f’Malta u jidher li ġie kkupjat minn xi dgħajjes barranin.  Ma tantx hawn minnhom, u d-Dipartiment tas-Sajd jikklassifikahom mal-laneċ tas-sajd.

JISSOKTA

(C) Ġużi Gatt