Dan l-artiklu ferm interessanti huwa t-tieni parti minn sensiela dwar it-tbaħħir u s-sajd u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

IL-QLUGĦ

L-għamla tal-qala’ (sail) jew tal-qlugħ (sails) inbidlet ukoll matul is-sekli.  Ftit iktar minn elf sena ilu, il-baħħara tal-pajjiżi ta’ l-Ewropa, warrbu l-qala’  l-qadim li kienu ilhom jużaw mill-qedem; li kien qala’ kwadru u goff, li bih ma stajt tagħmel xejn ħlief li timxi ‘l fejn ikun qed jonfoħ ir-riħ, u minfloku bdew jarmaw il-QALA’ TAL-LATIN (lateen sail), li ma kienx kwadru imma għamla ta’ trianglu, u li bih stajt tbaħħar anke kontra r-riħ.  L-ewwel ma bdew kienu l-Biżantini.  Imma dan jgħodd biss għall-pajjiżi tal-Ewropa.  Fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u ta’ l-Oċean Indjan, il-qala’ “tal-latin” kien ilu jintuża minn mijiet ta’ snin qabel.  

Sadattant, fil-pajjiżi ta’ l-Ewropa, il-biċċa l-kbira ta’ l-opri tal-baħar kienu għadhom b’qala’ wieħed fuq arblu wieħed, għalkemm ir-Rumani, fi żmienhom, kienu jinqdew b’imriekeb li kellhom arblu ieħor, mimdud in-naħa tal-pruwa, li bil-Malti jissejjaħ PUPRESS (bowsprit).  Imma f’daqqa waħda, f’dak iż-żmien li nafuh bħala l-Medju Evu,   sar titjib kbir fis-sengħa tal-bini tal-imriekeb tal-baħar u fis-sengħa tat-tbaħħir.  Il-qlugħ bdew jieħdu għamliet differenti.  Arblu wieħed ma baqax bilfors jerfa’ qala’ wieħed, imma tnejn jew iżjed.  Imriekeb bi tliet arbli li kellhom il-ħila li JIBBURDJAW (to tack), jiġifieri jibdlu d-direzzjoni billi jdawru l-qlugħ lejn naħa jew oħra,  saru ħaġa komuni.  F’kemm ili ngħidlek, il-bniedem  sab li seta’ jbaħħar mal-erbat irjieħ tad-dinja.    

Hemm daqsxejn ta’ differenza bejn biċċa tal-baħar ARMATA GĦAD-DRITT (square rigged), u biċċa tal-baħar oħra ARMATA LAĠENBA  (fore-and-aft rigged).  QALA’ GĦAD-DRITT  (square sail), jista’ jmexxik biss dritt ‘l quddiem FAVUR IR-RIĦ (upwind).  Għamliet oħra ta’  qlugħ, jippermettulek li TIBBORDJA (to tack), jiġifieri li tikser il-qlugħ b’mod li tmexxi d-dgħajsa ‘l quddiem, mhux biss bir-riħ jonfoħ minn warajk, imma wkoll bir-riħ jonfoħ minn xi ġenb jew ieħor, mqar jekk biex tagħmel hekk trid timxi b’għamla ta’ żig-żag.  L-ebda qala’ ma jista’ jmexxik ‘l quddiem DRITT KONTRA R-RIĦ (downwind/dead to windward).   Qala’ għad-dritt ikun armat b’tali mod li meta jimtela bir-riħ jkun qiegħed KARTABUN (square) ma’ l-arblu, u għalhekk bl-Ingliż jissejjah square sail; mhux għax ikun ta’ għamla kwadra.  Tant hu hekk li ħafna drabi dan it-tip ta’ qala’ ma jkun kwadru xejn, imma rettangolari, jew xi għamla oħra mbasta b’erba’ ġnieb.  Jiġifieri m’hemmx raġuni tajba għax bil-Malti dat-tip ta’ qala’ għandu jibqa’ jissejjaħ qala’ kwadru biex nimitaw lill-Ingliż.  Hu qala’ armat għad-dritt.  Qlugħ armati laġenba jintramaw mill-pruwa għall-poppa, għalhekk bl-Ingliż jissejjhu fore-and aft.   Anke bil-Malti jissejħu “forenaff”, imma fil-fatt huma qlugħ armati laġenba. 

MIRKEB ARMAT GĦAD-DRITT (square rigged ship). Il-qala’ jintrabat ‘kartabun’ ma’ l-arblu.

QALA’ GĦAD-DRITT (square sail): Imexxik biss ‘l quddiem favur ir-riħ

BIĊĊA TAL-BAĦAR ARMATA LAĠENBA (fore-and-aft rigged)

Hemm ħafna għamliet ta’ qlugħ li jintramaw laġenba, u kull għamla għandha isem għaliha.  Fosthom nistgħu insemmu dawn li ġejjin:

Mela fuq qoxra tal-baħar jista’ jkollok arblu wieħed, jew tnejn, jew tlieta, jew iktar.  Jista’ jkollok qala’ jew qlugħ tal-latin, jew tarkija, jew randa, jew li jkun.  Dawn l-arranġamenti differenti ta’ qlugħ u arbli jissejhu RIGGIJIET (rigs), u fis-seklu dsatax, kull tip ta’ rigg  beda jingħata isem biex jintagħraf u jinftiehem minn kull rigg ieħor.    Fi żminijietna, dawn l-ismijiet jiġu għandna permezz tal-lingwa Ingliża, li magħha rridu nagħmlu l-kontijiet fuq kollox u fuq kull suġġett: 

SLOOP

Sloop

Dil-kelma nistgħu niktbuha “slup”.  Imma l-alfabett Malti ma’ jagħmilx id-differenza li (fil-fehma tiegħi) imissu jagħmel bejn vokali qasira u oħra twila ħlief fil-każ ta’ l-“ie”.  Jekk niktbu “slup”, l-“u” trid tinqara bħal fil-kelma “but”, jew “ful”, jew “tul”, u mhux bħal fil-kelma “butir”.  Il-kelma sloop, wara kollox, daħlet fl-Ingliż mill-Olandiz: sloepe, u illum saret tfisser kull dgħajsa li jkollha arblu wieħed u qlugħ armati laġenba (fore-and-aft) li fosthom ikun hemm flokk (jib).

Meta fregatina Maltija tkun armata bil-qlugħ (kif ġieli kienet), tkun tikkwalifika bħala slup.

KATER (cutter)

Kater

Il-kater jixbah ħafna lis-sloop, imma jkollu iktar minn flokk wieħed.  F’dan  il-każ il-qlugħ jibdew jissejhu “qlugħ tal-istrall” stay sails) u dak ta’ barra  nett ikun il-flokk.   

Keċċ

  

KEĊĊ (ketch)

Keċċ hu dgħajsa b’żewġ arbli; l-arblu l-kbir (main mast) u arblu ieħor iżgħar, il-MEŻŻAN (jigger jew mizzenmast). Għalkemm dari seta’ kien mod ieħor, il-keċċ daż-żmien ikun dejjem armat laġenba (fore-and-aft rigged). 

JOL (yawl)

Jol ikun eżatt bħall-keċċ, ħlief li l-arblu ż-żgħir, il-meżżan, ikun żgħir ħafna.

Jol

SKUNA (schooner)

Skuna

Il-proprja skuna hi biċċa tal-baħar, ARMATA LAĠENBA, u li jkollha arblu quddiem (foremast), u arblu wara (mainmast) li jkun l-arblu                      prinċipali.  L-arblu ta’ quddiem irid ikun jew FTIT IQSAR, jew DAQS l-arblu ta’ wara.   L-iskuna hi dgħajsa tal-qlugħ u m’għandiex tiġi mfixxkla     ma’ dik li aħna nafu bħala “skuna tas-sajd”.  L-iskuna jista’ jkollha xi qala’ żgħir, fuqnett, li jkun armat GĦAD-DRITT, imma fil-biċċa l-kbira l-qlugħ iridu jkunu armati laġenba, inkella ma tikkwalifikax bħala skuna.

Skuna bi tlett arbli

SKUNA BI TLETT ARBLI (three-masted schooner)

Skuna jista’ jkollha mhux biss tnejn Imma anke minn tlieta sa seba’ arbli. F’dak il-każ, l-iskuna tissemma skond in-numru ta’ arbli.

Dawn l-ismijiet bdew isiru moda fis-seklu dsatax.  Issa rabbew għeruq sodi, u fis-sengħa tat-tbaħħir għandhom tifsira speċif-ika u ċara.

BRIGG (brig)

Brigg hu biċċa tal-baħar b’żewġ arbli; it-tnejn armati GĦAD-DRITT.

BRIGANTIN (brigantine)

Biċċa tal-baħar b’żewġ arbli; ta’ quddiem armat GĦAD-DRITT, u ta’ wara  armat LAĠENBA fil-parti t’isfel, u GĦAD-DRITT fil-parti ta’ fuq.

BRIGANTIN DIKA (hermaphrodite brigg)

Biċċa tal-baħar b’żewġ arbli: ta’ quddiem armat GĦAD-DRITT, u ta’ wara armat LAĠENBA.

BARKANTIN (barkantine/barquentine)

Ikollu tliet arbli jew iktar; il-wieħed ta’ quddiem armat GĦAD-DRITT, u l-oħrajn kollha armati LAĠENBA.

BARK (bark/barque)

Biċċa tal-baħar bi tliet arbli jew iktar; kollha armati GĦAD-DRITT ħlief ta’ waranett, li jkun armat LAĠENBA bħal ta’ l-iskuna.

BASTIMENT TAL-QLUGĦ  (fully-rigged ship)

Bastiment tal-qlugħ ikollu minn tlieta sa ħames arbli, kollha armati GĦAD-DRITT, għalkemm fuq l-arblu ta’ wara spiss ikun hemm RANDA (spanker) li tista’ titqies bħala qala’ laġenba.

MIKLEM 

Il-Bini tad-Dgħajjes

Bow Il-Pruwa
Stern Il-Poppa
Keel Il-Prim
Hull Il-Buq/il-Korp
Stempost Ir-Rota/Ras/Zokk tal-pruwa            
Sternpos
Ir-Rota/Ras/Zokk tal-poppa
Rudder Tmun
Steering oar Tmun moqdief
Oar Moqdief
Scantling Żangun
Side-timbers Majjieri
Futtocks Stamnari
   
Carvel-built (Mibni b’)Tavlar inkulmat jew b’għeluq
Clinker-built Tavlar imrikkeb jew għeluq
Shell-first method Titla’ bil-qoxra
Skeleton-first method Tibni fuq il-qafas
Flat-bottomed hull Pruwa sajjieda
Round-bottomed hull Pruwa baħħara
V-shaped hull Pruwa stillata
   
Dugout/canoe Kenura
Galley Xini (Xini hu mirkeb tal-ġlied li għalkemm ikollu xi qala’ jew tnejn, jiddependi l-aktar fuq ħafna qaddiefa bl-imqadef biex jimxi.)  M’hemm l-ebda raġuni fid-dinja għax għandna naqilgħu ‘l barra l-kelma xini biex ngħidu galera.
   
Merchantman/ Trader/ Round ship Mirkeb
Galleon Ġifen (Ġifen hu kull mirkeb tal-qlugħ b’mil-inqas tliet arbli, li ma jużax l-imqadef biex jimxi, u jkun armat għall-ġlied u/jew għall-esplorazzjoni.)
Carrack Karrakka
Caravel Karavela  (Il-karrakka u l-karavela huma t-tnejn għamliet ta’ iġfna.)
Fishing boat Lanċa tas-sajd
Sloop Slup
Cutter Kater
Ketch Keċċ
Yawl Jol
Schooner Skuna
Brig Brigg
Brigantine Brigantin
Hermaphrodite Brig Brigantin dika
Barkantine/barquentine Barkantin
Bark/barque Bark
Fully-rigged ship/ Full-rigger Bastiment tal-qlugħ
                               

Il-Qlugħ

Square rigged Armat għad-dritt
Square sail Qala’ armat għad-dritt (jgħidulu wkoll qala’ kwadru)
Fore-and-aft rigged Armat laġenba (jgħidulu wkoll forenaff)
Fore-and-aft sail Qala’ armat laġenba
Jib Flokk
Staysail Qala’ ta’ l-istrall
Boom Boma
Lateen sail Qala’ tal-latin/tal-latini      
Sprit sail Tarkija
Lug sail Tarkija mezzana
Gaff sail/Spanker Randa
Bermuda sail Qala’ ta’ Bermuda
Spinnaker Spinaker
   
Tacking Ibburdjar
Sounding Skandaljar
   
Mast Arblu
Cross-yard Pennun
Stays Stralji/strallijiet
Tackle Parank
Running rigging Skotti
Bowsprit Pupress

(C) Ġużi Gatt