Hu ħafif ħafna li ġġiegħel oġġett li jkun qed jgħum f’wiċċ l-ilma, biex jimxi ‘l quddiem  fid-direzzjoni ta’  ‘l fejn ikun qed jonfoħ ir-riħ.   

Dan l-artiklu ferm interessanti huwa l-ewwel parti minn sensiela dwar it-tbaħħir u s-sajd u jifforma parti minn sensiela ta’ kitba ta’ Ġużi Gatt li dehru oriġinarjament fil-ktieb tiegħu: “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni”.

Kull ma trid tagħmel hu  li TOLZA, jew tgħolli ‘l fuq (to hoist),  folja, magħmula mill-ġlud,  mid-drapp,  jew minn xi materjal ieħor, u torbotha ma’ ħatar jew arblu li jkun imwaħħal mal-oġġett li jkun fl-ilma.  Ir-riħ jaħbat mal-QALA’ (sail) sempliċi li tkun għadek kif olzajt u jimbuttak ‘il quddiem, bi spejjeż ta’ xejn, u mingħajr ma jkollok għalfejn  toqgħod taqdef u tbati.  L-unika diffikulta hi li QALA’ bħal dan,  imexxik biss in-naħa ta’ ‘l fejn ikun qed jonfoħ ir-riħ, u jekk ir-riħ jieqaf, ikollok tieqaf int ukoll; jew inkella terġa’ taqbad il-MOQDIEF (oar) u taqdef.

L-eqdem tagħrif li għandna jurina li l-ewwel biċċiet tal-baħar li ma kinux jiddependu biss mill-qdif biex jimxu, kienu ta’ dat-tip.  Qala’ wieħed kbir, imdendel ma’ arblu wieħed, li jkun imwaħħal lejn nofs il-qoxra tal-baħar.  L-Eġizzjani, in-nies ta’ Kreta tal-qedem, u l-Feniċi, kienu baħħara tajbin, li anke baħħru fit-tul, imma d-dettalji tal-qxur tal-baħar li kienu jibnu għadhom  mhux magħrufa sewwa.   Kellhom jgħaddu ħafna snin biex taslilna l-ewwel prova ta’ qoxra tal-baħar mibnija bi ħsieb ġdid:  ngħidu aħna, żewġ arbli flok arblu wieħed.   

Imma l-qoxra tal-baħar kif tibniha?  Il-metodu l-qadim, l-uniku mod li kienu jaħdmu bih sa elf sena ilu jew iktar, kien li JITILGĦU BIL-QOXRA (shell first method).   Ix-xogħol jibda billi tlesti il-PRIM (keel) li jkun bħal zokk ta’ siġra jew seratizz twil, imqiegħed mimdud mal-art biex iservi ta’ sodda, u sserrat u nċanat b’mod li jkollu BATTENT (rabbet) li miegħu tista’ ġġonġi l-ewwel TAVLA (plank).  It-TAVLAMENT jibqa’ tiela’ billi torbot it-tieni tavla ma’ l-ewwel waħda, ġenb ma’ ġenb, jew KUMENT ma’ KUMENT, u tinċana l-kument b’mod li t-twavel iduru weħidhom f’għamla ta’ nofs qamar.  It-tundjatura, jew it-TAQWISA li jieħu t-tavlament tissejjaħ il-BATTILLAR (curvature, flare).

Biex jintrabtu flimkien, it-twavel ikunu NKULMATI.  Fil-kumenti tat-twavel jitħaffru sensiela ta’ BEJTIET (mortices). Ġol-bejtiet jidħol MINĊOTT (tenon), nofsu f’bejta ta’ kument, u n-nofs l-ieħor fil-bejta ta’ pariġġ fil-kument l-ieħor; kif jidher fid-disinn.   Qoxra tal-baħar mibnija b’dal-mod ngħidulha li hi mibnija b’TAVLAR INKULMAT (carvel-built).   Fl-2019 Joseph Caruana, li ġej mill-aħħar familja li kienet tibni d-dgħajjes tal-latini f’Għajnsielem Għawdex, ippubblika ktieb li jiswa mitqlu deheb, u fih ta terminu ieħor għal dak li bl-Ingliż jissejjaħ carvel built.  It-tavlar marbut flimkien jissejjaħ ukoll GĦELUQ, u fil-każ tagħna l-għeluq ikun GĦELUQ IĠĠUSTAT (carvel built).  Imma hemm mod ieħor kif tista’ tqiegħed it-twavel.  Minflok tinkulma, tista’ tuża TAVLAR IMRIKKEB  (clinker-built).  It-twavel, minflok jeħlu kument ma’ kument, jistgħu jitrikkbu fuq xulxin.  Dis-sistema ta’ tavlar imrikkeb kienet magħrufa l-aktar fil-pajjiżi tan-naħa ta’ fuq tal-Ewropa; filwaqt li fil-pajjiżi tal-Mediterran, kienu jaħdmu l-aktar b’tavlar inkulmat.  Joseph Caruana jgħid li s-sistema clinker-built bil-Malti tiġi GĦELUQ IKKAVALKAT.

Il-qoxra tal-baħar hi magħmula mir-RAS jew ir-ROTA TAL-PRUWA (stempost), il-PRIM (keel) u r-RAS jew ir-ROTA TAL-POPPA  (sternpost).   It-twavel jeħlu mqawsin bejn iż-żewġt irjus, biex il-qoxra tiġi dejqa fil-poppa u l-pruwa, u wiesgħa fin-nofs.   Imma meta taħdem hekk, jiġifieri TITLA’ BIL-QOXRA (shell-first method), tkun qed taħdem bis-sistema l-antika, li ilha ma tintuża mijiet ta’ snin.   Sistema iktar moderna, li tintuża wkoll fid-dgħajjes ta’ Malta, hi li TIBNI FUQ IL-QAFAS  (skeleton-first method).   Trid tibda, xorta waħda,  bil-prim, mimdud ma’ l-art, inċanat u lest.   Wara li twaħħal  ir-ras tal-pruwa u r-ras tal-poppa mal-prim, twaħħal ukoll  ŻANGUN (scantling) jew tnejn.   Żangun wieħed tqiegħdu qrib ħafna tar-ras tal-pruwa, u żangun ieħor tqiegħdu qrib ħafna tar-ras tal-poppa.  Biex tifhem sewwa trid tħares ftit lejn id-disinn.  Maż-żnagen jeħlu żewġ MAJJIERI (side-timbers); tnejn maż-żangun tal-pruwa, u tnejn maż-żangun tal-poppa.   Fuq il-prim, bejn iż-żewġ żnagen, triq twaħħal ukoll ħafna STAMNARI (futtocks), li kull waħda minnhom ikollha mwaħħlin magħha żewġ majjieri oħra.  B’dan l-injam kollu f’postu, ikollok il-qafas tad-dgħajsa lest, u tkun tista’ tara sewwa l-għamla tagħha kif ġejja.  Kulma jkun jonqos hu li twaħħal it-twavel tal-ġnub skond kif jiddettalek il-qafas li tkun bnejt. 

 Meta t-twavel ikunu mwaħħlin tajjeb mall-ġnub tal-majjieri u l-istamnari, l-istruttura tiġi tixbah lil qoxra ta’ lewża; jew aħjar, nofs qoxra ta’ lewża.    Din tissejjaħ il-BUQ tad-dgħajsa (hull), għalkemm hawn min jgħidlu wkoll “il-korp”.  L-għamla tal-buq tvarja minn dgħajsa għal oħra, l-aktar fin-naħa ta’ quddiem, jew aħjar, in-naħa tal-pruwa, għax hi l-pruwa l-ewwel li trid tħabbat wiċċha mal-baħar u tofroq il-mewġ.  PRUWA SAJJIEDA tkun pruwa żaqqha ħoxna, li żżomm soda f’wiċċ l-ilma mingħajr ħafna tbandil ‘l hinn u ‘l hawn.  PRUWA BAĦĦARA tkun aktar misluta biex tofroq il-mewġ aħjar u żżid fil-ħeffa u l-mixi.  PRUWA STILLATA tkun ġejja għall-ponta minn isfel u miftuħa minn fuq.  Id-djuq t’isfel iżomm il-buq milli jmil laġenba speċjalment jekk id-dgħajsa tkun tal-qlugħ.  Il-wisa’ ta’ fuq iżomm il-buq milli jogħdos ‘l isfel fl-ilma meta jkun iċ-ċaqliq.

S’issa, fost dan il-kliem kollu, għadna ma semmejniex ħaġa li hi importanti immens għal kull qoxra tal-baħar, u mingħajra id-dgħajsa ma tagħmel xejn:  It-TMUN (rudder).    Fil-qedem, it-tmun ma kien xejn ħlief moqdief ieħor, ftit eħxen u ikbar mill-oħrajn, li kien jintrabat ma’ ġenb wieħed tal-poppa u bih kienu jippruvaw irieġu d-dgħajsa billi jiksruh lejn naħa jew lejn oħra.  Fil-pajjiżi tat-tramuntana ta’ l-Ewropa kienu jużaw TMUN-MOQDIEF (steering oar) wieħed,  marbut fuq il-ġenb tal-lemin tal-poppa (li beda jissejjah “starboard” li ġejja minn steering board).   Imma fil-Mediterran kienu jużaw żewġ tmunijiet-mqadef, marbutin wieħed kull naħa tal-poppa.   F’ħafna mit-tagħrif li jinkiteb fil-pajjiżi tal-Punent x’aktarx li ssib miktub li t-tmun kif nafuh aħna, jiġifieri tmun wieħed imqiegħed f’nofs id-dgħajsa u mwaħħal mar-ras jew ir-rota tal-poppa,  ivvintah xi shipwright inġenjuż f’xi pajjiż tan-naħa ta’ fuq ta’ l-Ewropa, x’aktarx fl-Olanda, għall-ħabta ta’ nofs is-seklu tnax.    Wieħed m’għandux jieħu għal kumment bħal dan.   L-istorja tinkiteb dejjem kif jaqbel lil min jiktibha.  L-istudjużi llum jafu li f’kitba li nkitbet iktar minn mitejn sena qabelminn ċertu Bużurġ bin Xaħrivar ir-Ramħurmużi, u li kienet iġġib l-isem Għeġejeb il-Hind, jew “L-Għeġubijiet ta’ l-Indja”, turi li dat-tip ta’ tmun kien magħruf, u x’aktarx li tnissel fil-pajjiżi tal-Oċean Indjan.  Iċ-Ċiniżi wkoll kellhom tmun jixbhu, għalkemm il-prinċipju Ċiniż kien ftit differenti.

JISSOKTA

(C) Ġużi Gatt