Fil-kitba tiegħi li dehret fil-ħarġa numru 29 ta’ l-Imnara (Vol.8, Nru.2, 2005) kont għidt li dak it-Taqbil li kien isir fil-Kottonera, l-aktar f’Bormla, daż-żmien donnu li ma baqa’ ħadd li għadu jaf jagħmlu.  F’din il-kitba nixtieq inkompli nagħti tagħrif fuq kif kien isir, u fuq ir-regoli (bla miktuba) tiegħu.

Kitba ta’ Angelo Dougall. Dan l-artiklu deher oriġinarjament f’L-imnara Vol 8(2006) Nru 3.

Dan it-Taqbil folkloristiku, li fi tfuliti kont nisma’ l-aktar f’Bormla, kien qisu għana mingħajr kitarri, u għana mingħajr ma dak li jkun jgħolli leħnu bil-mod li jgħollu leħinhom l-għannejja.  Madankollu, xorta kien taqbil “spirtu pront”.

Ħafna nies fil-Kottonera kienu jistmerru l-għana.  F’dawk il-bliet kien hemm xi nies ftit jew wisq sofistikati, mogħtija għall-mużika klassika/romantika, u l-għana kienu jqisuh bħala tal-bdiewa, tal-kampanja, ta’ l-irħula, ta’ l-irziezet u tat-titottli (il-ħwienet tax-xorb il-baxxi).  B’daqshekk ma jfissirx li ġol-bliet tal-Kottonera l-għana Malti  ma kienx isir.  Fil-fatt kien isir f’ħafna postijiet.  Ġieli saru rapporti fl-għases tal-pulizija, u ġieli dehru xi ittri ta’ kritika fil-gazzetti.  Imma l-għana xorta baqa’ jsir, fil-ħwienet tax-xorb u fit-toroq.  Xi drabi kien jitwaqqaf għax jinqala’ xi tilwim u ġlied u jkollha tidħol il-liġi.  Għal xi nies, l-għana kien vulgari u jdejjaq.  Tassew li mhux kull min jiftaħ ħalqu u ħanġrietu hu għannej!  Xi wħud mill-għannejja kellhom leħinhom żgarrat u li jsawwat u jdejjaq il-widna.  In-nies l-aktar li kienu joġġezzjonaw kien għal dak l-għana niggieżi li kien iġib it-tilwim u l-ġlied.

Imma dan ma nistgħux ngħiduh għat-Taqbil folkloristiku li qed nikteb dwaru; taqbil li kien isir bil-kwiet u bla ma jagħti fastidju lil ħadd.  Kien isir fuq l-għatba tal-bieb ta’ barra jew f’xi bitħa nterna, għad-difa u l-frisk ta’ xi għaxija sajfija.  In-nisa tad-dar kellhom it-Taqbil tagħhom.  Kien jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra u jitgħallmuh bl-amment.  Xi nisa tad-dar, imdawra b’uliedhom jew bil-qraba jew bil-ġirien, meta ma joqogħdux ipaċpċu bejniethom, kienu jehdew b’dat-Taqbil, biex jgħaddu ż-żmien sakemm jasal il-ħin għar-rużarju u għar-raqda ta’ matul il-lejl.  Dak iż-żmien kien hemm ċertu rispett għall-kwiet tal-ġirien minħabba l-għeluq ta’ l-ambjent, f’dak l-iffullar u t-trassis ta’ djar u kerrejiet, fejn kien hemm it-trabi, x-xjuħ u l-morda reqdin jew jistrieħu.

IL-BARRAMA TAS-SIGARRI U T-TAQBIL.

Diġa’ ktibt li l-brim tal-faxex tat-tabakk biex jinħadmu s-sigarri kien xogħol monotonu, ripetittiv u mekkaniku.  Is-sigarri kienu jinħadmu bl-imqieta – il-barrama kienu jitħallsu skond kemm jobormu sigarri.  Għax-xogħol kellhom bank magħmul apposta bil-garżelli, u fil-fabbrika kien ikun hemm jaħdmu daqs ħmistax-il lavranta.  Nannti Vitor, “il-prinċipala” kienet taħdem tqatta’ l-weraq tat-tabakk tal-Virġinja f’faxex tal-wisa’ ta’ sigarru.  Nannti kienet taf il-ħajja tagħhom u tal-familja tagħhom, u kienet tagħdirhom fil-problemi u tgħinhom kif tista’.  Il-ħajja morali ta’ żmien ir-Reġina Vittorja baqgħet tiddomina l-ħajja ta’ kuljum anke wara tant snin mill-mewt tagħha.  Kienu żminijiet oħra!

Donnu li dan it-Taqbil kien “endemiku” għal Bormla biss.  F’dawk is-snin ta’ tfuliti u f’ħajti kollha, qatt ma smajtu mkien ieħor.  Kif faqqet dik il-gwerra qalila, u ħarbtet u ferrxet lin-nies tal-Kottonera ma’ Malta kollha, qatgħet u qatlet min jaf kemm folklor, leġġendi, drawwiet u għajdut li kienu magħġuna man-nies ta’ dan il-lokal.  B’hekk ħafna mill-folklor tal-Kottonera ntilef darba għal dejjem.

KIF KIEN ISIR IT-TAQBIL

Kien hemm individwi tabilħaqq gwappi u maħluqin għat-Taqbil.  Fosthom kien hemm min kellu leħnu tajjeb ukoll għall-għana.  It-Taqbil kellu r-regoli tiegħu bla miktuba. Kienu jżommu s-suġġett li jintgħażel u t-Taqbil isir fuq l-istess suġġett.  Kienet tidħol xi daqsxejn tal-pika, u xi mħatri kienu jsiru wkoll.  Ma kinux jippermettu ripetizzjoni  tal-kliem imqabbel.  Ta’ tifel li kont, kont nibqa’ mistagħġeb kemm dawn in-nies kienu jafu jqabblu!  Xi kliem ‘l hinn u ‘l hawn kien ikun qadim, bħal “mitralja”, u jien ma kontx nifhmu.

It-Taqbil kien qisu maratona ta’ min iqabbel l-aktar, u kien jinħtieġ vokabularju vast.  Biċċa xogħol iebsa meta tqis li kollox kien isir “spirtu pront”.  Fost il-barrama tas-sigarri li kienu jaħdmu fil-fabbrika ta’ nannti kienu jagħtu d-dritta lil Zolli tas-Sajjied għax hi kienet meqjusa li kellha l-akbar esperjenza u l-aktar li kienet taf tqabbel.

L-GĦAŻLA TAS-SUĠĠETT

Is-suġġett kien jintgħażel bi ftehim bejn il-qabbiela.  Kien hemm ħafna minn fejn tagħżel: id-dar (l-aktar suġġett favorit), il-ħut, il-fjuri, l-ikel/tisjir, il-kċina, u kull ħaġ‘oħra li kienet tiġi f’moħhom.  Jiddeċiedu u jibdew.  Fil-biċċa l-kbira kienu jkunu Zolli tas-Sajjied u Ċensa l-Kalora; l-aktar tnejn kapaċi.

It-Taqbil kien isir ukoll fid-djar waqt il-ħasla, u kien jieħu preċedenza fuq l-għana, għax kif diġa spjegajt, minbarra li l-għana kien xi ftit mistmerr, kien hemm ir-rispett għall-kwiet.

Is-sura tat-Taqbil kien hekk (u din kienet regola):

L-ewwel tibda Zolli:                A

Tkompli Ċensa:                      A

Terġa’ Zolli:                            B

Tagħlaq il-kwartina Ċensa:    B

Tibda l-kwartina Ċensa:        A

Tkompli Zolli:                         A

Terġa’ Ċensa:                        B

Tagħlaq Zolli:                         B

Terġa’ tibda Zolli:                  A

… u jkomplu sejrin hekk.

Semmejt li fit-taqbil ġieli daħlet il-pika u saru l-imħatri.  Fil-każ li waħda ma ssibx kelma taqbel u tissuġġerilha waħda l-qabbiela l-oħra, ta’ l-ewwel kienet tagħti sigarru milli tkun barmet lil tat-tieni.  Xi drabi kienu jargumentaw bejniethom u l-barrama l-oħra kienu jagħmluha ta’ mħallfin.  Madankollu kulħadd kien jibqa’ ħabib u kienu jkomplu bit-taqbil.  L-argumenti kien jinqalgħu fuq kliem bħal “ċana”, li tista’ tfisser kemm biċċa għodda tal-mastrudaxxa u kemm dak il-fdal li joħroġ mill-injam waqt l-inċanar.

Meta kont inkun il-fabbrika ta’ nannti, kont immur fil-bieb tal-kamra tal-lavranti fejn in-nisa jkunu jibormu s-sigarri fuq il-bank tax-xogħol tagħhom.  Ċensa l-Kalora u Zolli tas-Sajjied kienu jaħdmu faċċata ta’ xulxin u għalkemm kienu rivali fit-Taqbil u fl-għana, kienu ħbieb sewwa, jiftiehmu u jingwalaw bejniethom.  It-tnejn kienu nisa tal-familja, mdaħħlin fiż-żmien, u kienu jaħdmu biex jaqilgħu dik ix-xi ħaġa extra.  Kont noqgħod fejn il-“Ma Vitor” (nannti Vitor) tkun tista’ tarani waqt li kont noqgħod nisma’ lil dawk in-nisa jgħannu.  Kultant kont inħossni nidħol fija nnifsi bil-mistħija x’ħin Zolli kienet tgħidli: “Ejja qalbi ħalli nbusek waħda!” u kienet tinfexx tqabbilli xi għanja biex tfaħħarni biha.  Mit-taqbil bqajt niftakar xi ftit strofi li ktibthom snin ilu meta l-memorja kienet għadha friska.

Domna mhix midalja, 

 Xkubetta mhix mitralja,

 Xemgħa mhix blandun,

 U bodbod mhux muntun.

 Żiemel m’huwiex ħmara,

 Dota mhix għamara,

 Labra mhix minċott,

 U min jibni mhux iħott.

  Xurban m’huwiex fis-sakra,

 Tilqima m’hijiex dakra,

 Legliegi mhux sakranazz,

 U nemex m’humiex għazz.

  Xabla mhix ximitarra,

 Bomblu mhuwiex ġarra,

 Għekierex m’humiex  bebbux,

 U min hu għama m’huwiex  trux.

 Il-ħażin m’huwiex is-sewwa,

 Min hu barra m’huwiex  ġewwa,

 Il-ħin għamel u l-ħin sar,

 U issa nbewġu lejn id-dar.

AKTAR TAQBIL

Dari, fil-ħwienet tas-snajja’ tat-Tarzna Rjali ta’ Malta kien ikun hemm min jiddeletta sewwa bit-taqbil spirtu pront li kienu jsawru fuq is-sengħa tagħhom.  It-taqbil kien isir fil-ħin ta’ l-ikel.  Kien taqbil fuq is-sengħa tal-ħaddieda, tal-mastrudaxxi u l-ħaddiema ta’ l-injam, li dari kienet is-sengħa l-aktar imfittxija fil-bini tal-bastimenti u l-qxur tal-baħar.

Barra t-tarznari kien hemm familji li kellhom ġo djarhom ħwienet tal-manifattura, dik li fl-Ingilterra tar-Reġina Vittorja kienu jsejħulha cottage industry.   Hawn Malta kellna ħafna minnhom: ebbanisti, ħaddieda, skrapan, ħajjata, kunzara, sillara, bennejja, eċċ.  Fuq dawn is-snajja’ kien isir it-taqbil ukoll.

L-ARGNU (bl-Ingliż Capstan)

Fit-Tarznari dari kien jitħaddem ħafna l-argnu.  Madwar il-baċir kien hemm l-argni li magħhom  jitqabbdu ċimi ħoxnin u ta’ saħħa sabiex bil-mod il-mod jinġibed xi bastiment għal ġewwa l-baċir u jitqiegħed fuq il-posti.  Kien xogħol iebes u ta’ qsim id-dahar li kien iħalli l-ħaddiema ta’ l-argnu mifluġin.  Fl-Ingilterra kienu jitqiegħdu fuq l-argnu xi daqqaqa jħanxru l-vjolin waqt id-dawrien.  Hawn Malta kienu jinqdew b’nies li leħinhom kien ċar u jwassal biex jaraw li x-xogħol isir sewwa u bil-galbu.  Fost dawn l-irġiel niftakar lil wieħed li kien joqgħod l-Isla, imma kien minn Bormla, laqmu “l-Bronk” – Leli (Manwel) Casha, raġel ta’ statura kbira, samrani, leħnu sod, ċajtier, dħuli, idaħħak u ferrieħi.  Kellu ħabta għat-Taqbil, u waqt id-dawrien u t-tħaddim tal-argnu, xogħol li barra li kien iebes kien ukoll monotonu, Leli kien joqgħod jgħaddi kummenti ċajtiera u jqabbel biex b’hekk jehda lill-ħaddiema.  Ħafna drabi kien ikun fi dwett mal-ħaddiema stess u jinbixhom biex isibulu kelma taqbel ma’ xi kelma li jkun qal fit-taqbil tiegħu.    B’dan il-mod kien iħaffef it-toqol u t-tbatija tax-xogħol fuq l-argnu.  Il-Bronk ma kienx waħdu;  kien hemm xi nies oħra li wkoll kienu jagħmlu dan.  Fis-snin għoxrin ġot-tarzna ġiebu ferrovija biex tintuża għall-ġbid tal-bastimenti għal ġol-baċiri, u l-argnu ma baqgħax jintuża għal dan l-iskop.  B’hekk inqatgħet tradizzjoni oħra marittima.

It-Taqbil kien ikun fuq ħafna suġġetti. Imma l-aktar fuq il-mistieri, ħidma u snajja’ tat-tarzna.  F’dawk il-ħwienet tax-xogħol kien ikun hemm uħud li jiddilettaw bit-taqbil biex bih jehdew waqt il-ħidma.

L-Argnu

TAQBIL FUQ IS-SENGĦA TAL-MASTRUDAXXA.

Din it-taqbila qalhieli missieri: John Dougall fl-1949; Bormliż li f’żgħozitu kien jaħdem ta’ Mastrudaxxa.

Buttar mhux mastrudaxxa,

Senduq m’huwiex kaxxa,

Garżella mhix kexxun,

U gula mhix bastun.

 

Balla mhix bettija,

Tieqa mhix gallarija,

Ġonta mhix minċott,

U barmil mhux patalott.

 

Lexxuna mhix mannara,

Ċarruta mhix tajjara,

Lostru mhux verniċ,

U nkwatru mhux gwarniċ.

 

Mejlaq m’huwiex mola,

Mazza mhix mazzola,

Manku m’huwiex għant,

U mgħallem mhux lavrant.

 

Loġġ m’huwiex persjana,

Tarġa mhix indana,

Il-ponta mhix ir-ras,

U travu mhux pastaż.

 

Paspartun m’huwiex burdura,

Ċana mhix serratura,

Gabarre’ m’huwiex tilar,

U granpun mhux musmar.

 

Xifa mhix berrina,

Mus m’huwiex sikkina,

Żgorbja mhix furmatur,

U skultura mhix lavur.

 

Sellum m’huwiex skaluna,

Kanape’ m’huwiex pultruna,

Puntal mhux seratizz,

U l-goff mhux mastizz.

 

Parank mhux tarjola,

Arblu mhux antinjola,

Mazzetta mhix martell,

U riegla mhix invell.

 

Pedestall mhux bradella,

Grada mhix purtella,

Vina mhix ingropp,

U mżegleg m’huwiex zopp,

 

Skalda mhix xulliefa,

Barraxa mhix ħaffiefa,

Panneġġ m’huwiex panew,

U kanolla * mhix trofew

 

Morsa mhix morsetta,

Siġġu mhux banketta,

Bank m’huwiex bankun,

U skwerra mhix kartabun.

 

Rixtellu m’huwiex xatba,

Ħatar m’huwiex ħatba,

Sega mhix munxar,

U serrieq mhux denb il-far.

 

Raspa m’hijiex lima,

Kont m’huwiex stima,

Dahar mhux snien,

U min hu bieżel mhux għażżien.

 

Tinda mhix kannizzata,

Ġenb m’huwiex faċċata,

Gabina mhix kamrin,

U trapan mhux rebekkin.

 

Romblu mhux lembuba,

Gabbana mhix gabuba,

Guva mhix gallinar,

U tqalfit m’huwiex xkatlar.

 

Zokk mhux injama,

Qasba m’hijiex qama,

Linja mhix pulzier,

U palk m’huwiex planċier.

 

Koxxa mhix xambrella,

Tavla mhix tabella,

Zokklu mhux battent,

U liċi* mhux punent*.

 

Vit m’huwiex skorfina,

Qanniċ m’huwiex vetrina,

Ħabel mhux kurdun,

U kaless mhux karettun.

 

Armarju mhux xtilliera,

Dendiela mhix spalliera,

Xifer m’huwiex lant,

U kawba mhix linjusant.

 

Sodda mhix kruċetta,

Gradenza mhix twaletta,

Mejda mhix artal,

U fejn hu mimli mhux battal.

 

Qafas mhux kajżella,

Komodina mhix skambella,

Simna mhix tbewwiq,

U fejn hu oħxon mhux irqiq.

 

Taraġ mhux skalapiża,

Fil mhux ċaċċiża,

Saqaf m’hux suffett,

U nterzjar mhux arkett.

AKTAR TAQBIL MINN BORMLA

Din it-taqbila kien qalhieli Mikiel Agius, Bormliż, fl-1971.  Kienet titqabbel bejn ommu Ġovanna u l-ġara tagħha – għalkemm dawn ma kinux jaħdmu bħala barrama tas-sigarri.  In-nisa tad-dar kienu jħobbu jqabblu bejniethom.  Is-suġġett hu l-ħut li kienu jaraw jew jixtru mis-suq ta’ Bormla.  Fl-Isla wkoll kien hemm is-suq tal-ħut fix-xatt ħdejn il-pont tal-laneċ, mat-telgħa ta’ San Ġiljan.

Brodu mhux aljotta,

Ċerna m’hijiex spnotta,

Gringu mhux paġell,

U ċervjola mhix tumbrell

 

Sparlu mhux imsella,

Kaħlija mhix sawrella,

Rizzi mhux imħar,

U siċċa mhix klamar.

 

Murina mhix sallura,

Tqaddid mhux salmura,

Kavall m’hux gattarell,

U gandoffli mhux arzell.

 

Sargu mhux aċċjola,

Fanfru mhux mazzola,

Lampuka mhix awrat,

U lizz mhux pixxispad.

 

Rajja mhix rondinella,

Vopa mhix arżnella,

Ħamiema mhix garnaw,

U aringa mhix bakkaljaw.

 

Qalfat mhux gallina,

Inċova mhix sardina,

Bubin m’humiex barbun,

U mulett mhux mazzun.

 

Awwista mhix qarnita,

Denċi mhix mazzita

Ċippulatu m’huwiex bonn,

U trilja m’hijiex tonn.

 

Gabdoll mhux kurazza,

Marlozz mhux ċippullazza,

Ħaddiela mhix buxiħ,

U ħut tal-wiċċ mhux ħut tal-qiegħ.

 

Ċana mhix varloppa,

Stokk m’huwiex stoppa,

Wiċċ mhux qiegħ,

U l-imkisser m’huwiex sħiħ.

 

Ħanek m’huwiex xoffa,

Susa m’hijiex moffa,

Kamla mhix tmermir,

U rbit m’huwiex tismir.

Raff m’huwiex xkaffa,

Skala mhix staffa,

Wara mhux quddiem,

U kull bidu għandu t-tmiem.

*KANOLLA: fuqha jqiegħdu l-istatwa għat-tiżjin tal-festa; kelma djalettali.

*LIĊI: Tip ta’ njam iebes li jintuża fil-bini tal-bastimenti.  Bl-Ingliż: Holm’s Oak

 *PUNENT: Ukoll tip ta’ njam iebes li jintuża fil-bini tal-bastimenti.  Bl-Ingliż: Pine

IL-KĊINA U L-IKEL

Din it-taqbila kien qalhieli Mikiel Agius, Bormliż, fl-1971.  Kienet titqabbel bejn ommu Ġovanna u l-ġara.  In-nisa tad-dar kienu jħobbu jqabblu bejniethom bħala passatemp.

 Innutaw l-użu tal-frażi “Ma hux” u “ Ma hix”.  Dan hu użu djalettali tan-naħa tal-Kottonera u xtaqt inżommu f’dawn it-taqbiliet.

Forn mhux kuċiniera,

Prajmus mhux spiritiera,

Gradilja mhix kenur,

U ikel nej m’huwiex misjur.

 

Il-ħut m’huwiex laħam,

Sonza ma hix xaħam,

Għadam mhux mudullun,

U summiena mhix beċċun.

 

Qanniċ mhux vetrina,

Mgħarfa mhix kuċċarina,

Mejda mhix fuklar,

U melħ ma hux bżar.

 

Minestra mhix kawlata,

Artiċokks m’huwiex patata,

Sfinġa mhix għaġin,

U karfus ma hux tursin.

 

5 Brunġiel il-forn mhux kapunata,

Indivja mhix insalata,

Każbor mhux żagħfran,

U ħasi mhux dundjan.

 

Murtadella mhix perżuta,

Soppa mhix imbuljuta,

Dqiq ma hux smid,

U ħall ma hux inbid.

 

Kamra tal-pranzu mhix kċina,

Torta mhix pudina,

Pagna mhix tigan,

U żaqqieq qatt m’hu xebgħan.

 

Ħbejża ma hix ftira,

Għaġina ma hix ħmira,

Mili mhux kapuljat,

U soppa tal-armla mhix stuffat.

 

Ġbejna mhix irkotta,

Ħobża friska ma hix xotta,

Qagħqa mhix bezzun,

U boqqa mhix bukkun.

 

Kikkra mhix plattina,

Kafe’ mhux kokotina,

Maskta mhix riżolin,

U tazza mhix bikkerin.

 

Tilar ma hux turtiera,

Tal-bżar ma hux zalliera,

Pranzu mhux bankett,

U mfarrad ma hux sett.

 

Vaska mhix mejjilla,

Fidloqqom mhux gamumilla,

Bomblu mhux buqar,

U duħħan ma hux fwar.

 

Zalzetta mhix braġjola,

Ċiċri mhix fażola,

Marġerina mhix butir,

U xiwi mhux tisjir.

 

Kitla mhix stanjata,

Froġa mhix balbuljata,

Mustarda mhix ċawċaw,

U mbuljuta mhix kawkaw.

 

Furkettun m’huwiex furketta,

Balla mhix pulpetta,

Ross il-Forn mhux imqarrun,

U ċanga mhix muntun.

 

Paraventu mhux purtiera,

Armarju mhux xtelliera,

Passatur ma hux lembut,

U ċawsli m’humiex tut.

 

Qoffa mhix bixkilla,

Kusksu mhux bigilla,

Piżelli m’humiex ful,

U dak li fadal mhux mikul.

 

Bebbux ma hux aljoli,

Pasti mhux kannoli,

Falda mhix majjal,

U ġagaga mhix fardal.

 

Maktur mhux sarvetta,

Ponċ mhux aniżetta,

Krema mhix ħalib,

U passolina m’hijiex żbib.

 

Zalza mhix kunserva,

Koka m’hijiex serva,

Zunnarija mhix ravanell,

U krustina mhix biskuttell.

 

Fenkata mhix frakassija,

Imbjank ma hux toqlija,

Bużbież mhux ġunġlien,

U stasija mhix miżien.

 

Ġulepp m’huwiex essenza,

Sawm mhux astinenza,

Kaboċċi m’humiex ġdur,

U borma tagħli le ma tfur.

 

Pane-di-Spanja mhix pannura,

Qubbajt mhux konfettura,

Pistazzi m’humiex lewż,

U qastan mhux ġellewż.

 

Tudun m’huwiex ħamiema,

Tiġieġa mhix gamiema,

Timpana mhix ravjul,

U ftieta mhix ħobż miblul.

 

Biskotti mhux biskuttini,

Karamelli mhux perlini,

Ħelu mhux xkunvat,

U granita mhix ġelat.

 

Galettina mhix galletta,

Għads ma hux favetta,

Ħabaq mhux nagħniegħ,

U qaraħmar mhux bettieħ.

 

Mus m’huwiex sikkina,

Enemel m’huwiex kina,

Pastizzi mhux qassatat

U mluħa mhix immarinat.

 

Sidra mhix kustilja,

Lewż morr m’huwiex vanilja,

Deżerta m’hijiex frott,

U nħasa m’hijiex bott.

 

Sjuna mhix skutella,

Ċikkulata mhix kannella,

Sassla mhix kuċċarun,

U damiġġjana mhix flixkun.

 

Ħaxu mhux intrita,

Milwa mhix mazzita,

Selq m’huwiex ħass,

U dgħif m’huwiex grass.

 

Ilma frisk m’huwiex ruġġata,

Birra mhix luminata,

Qali mhux fuq il-fwar,

U żebbuġ ma hux kappar.

 

Misħun mhux ilma jagħli,

Sufle’ mhux pastarjali,

Tal-merċa mhux is-suq,

U min inaqqar le ma jduq.

ĦABIBI ĠANNI ELLUL

 Waqt li jien u ħbiebi konna nkunu filgħaxija fuq bank fl-ispjaġġa ta’ Birżebbuġa, Ġanni Ellul “Ta’ Beżżani” kultant kien jieqaf ħdejna u jqabbel xi għanja.  Ġanni miet fi Frar tal-2010 fil-għomor ta’ 71 sena, f’Birżebbuġa fejn kien joqgħod.  Kien minn Ħal Luqa, raġel mibni b’saffejn, u f’żgħożitu kien jaħdem f’barriera tal-ġebel xogħol iebes.  Kien iħobb il-klieb, u kellu kelba sewda, fidila ħafna, tiġri dejjem miegħu.  Minn għandu kont smajt dawn it-taqbiliet, għax minn qaddisu l-Malti jħobb iqabbel:

Iż-Żrieżer

Iż-żrieżer qegħdin jgħannu,

l-għana tagħhom fih il-ġid,

U fid-dielja mdendel l-għeneb,

Lilu jsajru għall-inbid.   (2004)

 

Il-Kokka

Il-kokka tajra kerha,

Issibha fil-widien,

U tgħaddi l-lejl titajjar,

Biex taqbad xi ġurdien.

 

Lejn il-bejta tagħha tieħdu,

U hemmhekk dana jispiċċa,

Għax tagħmel ikla minnu,

U tieklu biċċa biċċa.  (2007)

 

Il-Kelba

Għandi kelba sewda sewda,

Hija d-Duda ċkejkna tiegħi,

Sieħba kwieta u kemm inħobbha!

Fejn immur noħodha miegħi.