Fil-folklor Malti donnu li kien hemm daqsxejn ta ‘ nuqqas ta’ fehma dwar dak li hu TAQBIL u dak li hu GĦANA . Fost I-istudjużi tal-Folklor kien hawn min kellu I-idea li l-“Għana ” u t-“taqbil ” huma xorta ; xi studjużi u kittieba ħalltuhom flimkien . Ma kienux u m’humiex! L-“Għana”, kif kulħadd jaf hu l-għana folkloristiku li jinstema’ f’kull rokna tal-gżejjer tagħna mill – għannejja . It-Taqbil kien l-aktar jingħad fit-Tlett Ibliet (II-Kottonera) , u l-aktar ġo Bormla. Issa tassew ħasra li nqata’ u m’għadekx tisimgħu aktar. Bid-differenza li t-taqbil kien fil-forma ta’ rakkont li drabi kien jintqal bil-kantaliena u kien ukoll ikun deklamat. Ħafna drabi kien jintqal speċi bħal makkjetta, jew minn xi ħadd li jrid juri l-ħila tiegħu għat-taqbil . Nistgħu insejħulu għana bla mużika. Issa m’għadniex nisimgħuh.

Kitba ta’ Anġelo Dougall. Dan l-artiklu deher oriġinarjament  f’L-Imnara. Vol 8(2005) Nru 2

X’kien it-“Taqbil”? XI kittieba barranin innotawh dan, u semmewh fil-kotba tagħhom, għalkemm bħal George Percy Badger fil-ktieb tiegħu Description of Malta and Gozo, 1838, isemmi li kemm it-“Taqbil” u kemm l-“Għana” huma xorta waħda u l-istess. Badger ma daħalx fl-ispirtu tat-“taqbil” fih innifsu, waqt li ħallat it-“taqbil ” ma’ l–“għana”, jew ma fehemx il-metodu tiegħu folkloristiku l-aktar fost il-ħaddiema tal-Kottonera .Il-Kavallier Saint Priest ħallielna għanja bil-Malti fil-ktieb tiegħu bil-Franċiż dwar Malta Malte Par un voyageur, 1791, imma lanqas ma tagħna ħjiel jew xi tagħrif dwar it-“taqbil”. Badger semmieh biss u qal “.. this the natives call “Taqbeel” . The subjects vary according to the circumstances, sometimes partaking of the nature of epic poetry . . . ” (. . . dan il-Maltin isejħulu  “taqbil, is-suġġett ivarja skond Iċ-ċirkustanzi, kultant jieħu l-forma ta’ poeżija epika . . .”) . Imma fost kollox Badger jgħid li l-Maltin Iħobbu jqabblu għall-gost.

IT-TAQBIL F’BORMLA

It-Tlett Ibliet barra li kellhom il-folklor tagħhom, kienu I-benniena tal-mistier tal-baħar, u għal dan Malta kienet magħrufa mad-dinja. Imma l-folklor marittimu kemxejn ma ntilifx meta n-nies ta’ dawn l-ibliet ġew evakwati u tferrxu ma’ Malta kollha fl-aħħar Gwerra Dinjija (1939-1945) .

Meta Napuljun Bonaparte ħakem lil Malta u keċċa I-Kavallieri ta’ San Ġwann, barra li kien l-ewwel bniedem li sejjaħ lill-Birgu , lill-lsla u lill-Bormla bħala Le Trois Cite’ (It-Tlett Ibliet), hu nnifsu b’digriet tat-13 ta’ Ġunju 1798 (Arrête du 25 Prairal An VI) ifforma I-Muniċipju tal-Lvant tal-Belt ta ‘ Malta. Il-flotta tal-Ordni waqgħet taħt idejh u ħa miegħu għall-invażjoni u l-ħakma ta’ I-Eġittu lill-baħħara Maltin li I-part i l-kbira kienu minn dan il-lokal; u b’hekk ukoll min jaf kemm folklor marittimu Malti ntilef ! Imma xi ftit min dak il-folklor marittimu baqa’ jintqal għal bosta snin wara.

Bħalma l-“Għana” jaqa’ taħt ħafna forom, hekk ukoll it-“Taqbil” jaqa’ taħtt xi forom differenti. Jien insejjaħlu “taqbil la Bormliża” għax l-aktar li smajtu jingħad kien ġo Bormla. It-“Taqbil” ħafna drabi kienu jitgħallmuh bl-amment u kienu ħafna li jiddilettaw bih. Kienu jgħadduh minn ġenerazzjoni għal oħra. Kienu jgħiduh bil-lajma, wisq drabi jiddeklamawh waqt xi serata, jew jingħad minn fuq ir-ribalta tal-palk f’xi intervall waqt it-tibdil tax-xeni . Ġieli wkoll jgħiduh għad-delizzju, waqt xi laqgħa soċjali, biex jehdew u biex juru ħilithom fit-taqbil. It-“Tabqil” kien ikun tgħarbil il-moħħ għas-sejba ta’ kliem jaqbel . Mhux magħruf jekk qattx inkiteb xi taqbil jew xi tagħrif fuqu.

L-aktar kien isir fejn ix-xogħol kien monotonu. Kienu jqabblu fuq ħafna suġġetti, fjuri ,għamara, id-dar, l-ikel, il-kċina, il-ħut, u affarijiet oħra. Kien isir taqbil dwar snajja’: il-ħaddieda, il-mastrudaxxi, l-ebbanisti, sajjieda, sillara, skrapar, eċċ.  It-“Taqbil” kien isir ukoll waqt it-tħaddim ta’ l-argnu fit-tarzna waqt li jkun qed jiddaħħal xi bastiment fil-baċir. Kien xogħol iebes u ta  ksir id-dahar u waqt li l-ħaddiema kienu jdawru l-manwelli tal-argnu, kien ikun hemm nies għal t’apposta magħrufa għat-“Taqbil”; fost l-oħrajn kien hemm Leli Casha, il-Bronk, raġel mibni b’saffejn, Bormliż u kien gwapp għal dan it-“Taqbil” . Kellu sens ta ‘ umoriżmu, kien ferrieħi, idaħħak u dħuli.

Ix-xogħol tal-brim tas-sigarri kien monotonu u metodiku u biex iderru waqt ix-xogħol il-barrama kien jħobbu jqabblu bejniethom. Zolli Bajada tas-Sajjied l-aktar waħda li bqajt niftakar fost il-barrama tas-sigarri. Kienet minn-naħa ta’ San Ġwann t’Għuxa. Niftakar ukoll lil Ċikka l-Kalora li, mingħalija, kienet minn-naħa tal-Bastjun. Zolli, daqs kemm kienet, biex ngħid hekk, tbeżżgħani bil-bixra ta’ wiċċha, kienet mara li tiġbdek bil-manjieri twajba tagħha. Kuġinti Ġulja (Busuttil nee’ Dougall) fakkritni f’nisa oħra barrama tas-sigarri: Ċikka tal-Bastjun, Mananni l-Kokka mill-Bastjun ukoll, u f’Ċensa li kiened toqgħod qrib is-Suq il-Ġdid ta’ Bormla; dawn kollha kienu għannejja tajbin li kultant kienu jinfexxu f’xi għanja “spirtu pront” jew “La Bormliża”, barra li kienu jagħtuha wkoll għat-“Taqbil”. Nannti Vitor li kienet, biex ngħid hekk, il-prinċipala tal-fabbrika, mhux talli kienet tħallihom, imma kienet tieħu pjaċir bihom għax kienu nisa twajba u tal-familja, basta l-għana u t-taqbil ikun nadif.

Iż-żminijiet jinbidlu u jinbidlu ukoll id-drawwiet. Daż-żmien jitwaħħlu loudspeakers fil-ħwienet tax-xogħol u l-uffiċini li minnhom tixxandar mużika u kant, u l-ħaddiem b’hekk jinżamm aljenat mill-monotonija tax-xogħol. Sas-snin ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinija (1939-1945) tas-seklu l-ieħor ma kienx hekk; waqt li xi persuna jew tnejn iqabblu bejniethom, il-ħaddiema l-oħra kienu joqgħodu jisimgħu u jsegwu t-“Taqbil” u l-“Għana” u dak kollu li jkun qiegħed jingħad. F’żogħriti niftakru hekk u l-aktar li sirt naf fuqu meta kont inkun għand nannieti Bormla fil-fabbrika tagħhom tat-tabakk u l-manifattura tas-sigarri fi Strada Nuova qrib il-mina ta’ Santa Liena. Il-ħaddiema tat-tarzna  kellhom it-“Taqbil” tas-snajja’ tagħhom u kellhom id-dilettanti tat -“Taqbil” dwar is-sengħa tagħhom.

It-“Taqbil” folkloristiku kellu forom differenti. L-aktar forma li kienet tintqal kienet dik li meta persuna tqabbel waħidha. Kien hemm ukoll meta tnejn iqabblu bejniethom u jalternaw il-versi u l-kwartini. Apparti mit-taqbila “Il-Ftila u l-Mila” li kienet bl-immaljar tal-kliem imqabbel, it-taqbil kien ta’ A-A, B-B, l-ewwel żewġ versi A-A li kienu b’taqbil moħfi, u t-tielet u r-raba’ versi B-B bit-taqbil tronk. Ma kienx hemm wisq metrika fil-vrus, imma it-taqbil kien l-importanti.

IT-TAQBIL TAL-FOLKLOR MALTI

It-“Taqbil” kien parti importanti tal-folklor Malti li ġie injorat u kważi ntesa. Inħoloq kemm għall-passatemp u kemm sabiex iderru mill-monotonija tax-xogħol. Il-folklor Malti ssawwar tagħna f’tagħna, fl-iżolament tal-gżejjer tagħna u ma kellu influwenza minn imkien. Sar bla mbuttar, bla ndħil barrani, bla kkupjar u bla sfurzar. Il-poplu in ġenerali kien bla skola, nieqes mit-tagħlim u b’edukazzjoni limitata. Kulma għamel kien għalih, għad-delizzju tiegħu u għal mogħdija taż-żmien. Jekk kien hemm xi xebħ u xi paralleliżmu ma’ x’imkien ieħor, kien aċċidentali. Għal bosta mijiet ta’ snin Malta kellha ftit tassew kuntatti ma’ kultura barranija; u l-aktar li kellha kuntatti kienu kummerċjali, ma’ l-eqreb ġara tagħna Sqallija. Il-barranin li ħakmuna kellhom l-influenza  fuqna biss ġeografikament, u militarment. Aħna l-Maltin għandna li għadna fil-folklor tagħna għax ħloqna minn tagħna stess, bil-ħila tagħna u għall-bżonnijiet tagħna.

Xi emigranti Maltin xjuħ li marru Detroit, l-Amerika fl-ewwel snin tas-seklu l-ieħor (is-seklu għoxrin) qaluli li kienu raw ħafna xebħ fil-folklor u fi drawwiet tagħna ma’ dawk ta’ emigranti minn pajjiżi oħra. Dan kien paralleliżmu aċċidentali fil-folklor ta’ ġnus oħra tax-xtut tal-Mediterran u ssawwar minnhom l-aktar minn ħtieġa tal-ħajja li kienu jixbħu dawk tagħna.

Dwar it-“Taqbil”  jista’ jinkiteb ħafna. Niftakarhom sewwa l-barrama tas-sigarri fil-fabbrika ta’ nannieti f’Bormla li waqt li jkunu qed jobormu l-faxex tat-tabakk biex jagħmluhom sigarri, xogħol li hu metodiku, ripetittiv u jdejjaq, kienu jżommu ruħhom okkupati, lerti u mehdijin bit- “Taqbil”. Ġieli tkun weħidha Zolli tqabbel b’mod reċitattiv u bil-lajma, taħdem waqt li taħseb x’se tqabbel. Ġieli kienu jkunu tnejn iqabblu bejniethom; Zolli ma’ Ċikka l-Kalora; imma tabilħaqq li l-barrama kollha jkunu għassa ta’ xulxin għal kulma jkun qed jingħad ħalli la jitfixklu u lanqas jirrepetu ruħhom.

“TAQBIL IMMALJAT”

Kien hemm it-“Taqbil” , kif insejjaħlu jien, “immaljat” u għal dan kien jinħtieġ ħsieb u sengħa kbira. Lil Zolli kultant kont nitlobha ħalli tgħidli t-taqbila “Ftila u l-Mila” u din l-imbierka Zolli kienet tgħidli l-verżjoni l-qasira ta’ dik it-“Taqbila”. Inġib silta minnha ħalli naraw id-differenza bejn taqbila “sempliċi” u taqbila “mmaljata”. Din kienet popolari ħafna, u ħafna nies kienu jafuha. In-nutar Dr. Vincenzo Maria Pellegrini (1911-1997) poeta, u li kien bniedem magħruf ħafna għall-letteratura, darba kien qalli li jiftakar lil ommu (Evangelista nee’ Aquilina) tgħid din it-“Taqbila”  folkloristika sikwit. Mill-Gwerra Dinija (1929-1945) ‘l hawn ma smajthiex aktar!

U xi drabi tkompli biha fit-tul. Kien hemm ħafna verżjonijiet ta’ din it-“Taqbila” mmaljata u kien hemm verżjoni qasira. Ħafna drabi kienu jibqgħu sejrin biha ġranet sħaħ. Niftakar li kienet tispiċċa b’terminoloġija tabilħaqq marittima:

Il-ħabel m’huwiex stoppa,

Pruwa ‘l fuq u riħ in poppa!

L-għada l-barrama kienu jkomplu t-“Taqbila” mnejn ħallew il-ġurnata ta’ qabel.

Naraw li fit-“Taqbil” kollox hu fin-negattiv bil-kliem: mhux, ma hux, ma hix, m’hix, m’huwiex, m’humiex u lema. Għalkemm bosta vrus minnhom huma mfasslin b’ritmu, imma biss jitqabblu u mhux poeżija.

It-taqbil m’hu xejn ġdid fil-folklor. Donnha qiegħda f’demmhom il-ġnus u t-tribujiet semitiċi fosthom kienu l-Kangħanin (il-Feniċi) li kienu jħobbu u jgħarblu moħħhom għal dan. Fit-Testment il-Qadim tal-Bibbja Mqaddsa it-“Taqbil” jissemma ħafna drabi u kien differenti mill-“Għana” u meqjus li kien differenti mill-“Għana”. Ġieli kemm it-“Taqbil” u kemm l-“Għana” jissemmew flimkien. Naqraw f’wieħed mill-kotba tas-slaten kif darba s-Sultan David stqarr li jibża li jekk jitlef il-battalja “jqabblulna xi taqbila u jwaqqgħuna għaż-żufjett…” It-“Taqbil” kienu jeħduh tabilħaqq bis-serjetà! Naqraw ukoll fil-Ktieb tal-Profeta Ħabaqquq, li għex fis-seklu sebgħa qbel Kristu, li għamel referenza għat-“Taqbil”. Skond it-traduzzjoni ta’ Zammit (Ħabaqquq 2.6) Ħabaqquq kiteb:  “… ma jqabblux dawn kollha għalih taqbila iwaqqgħuh għaċ-ċajt?..” u skond Saydon “… ma jqabblux dawn kollha għalih taqbila u jgħidulu għanja niggieża? …” Fil-Ktieb tal-Profeta Mikah, (Mikea 2.4) li ukoll għex fis-seklu sebgħa qabel Kristu fejn kiteb: “F’dak il-jum iqabblulkom taqbila, (skond it-traduzzjoni ta’ Saydon)”. Fil-Ktieb tas-Slaten II 4.32 hemm illi s-Sultan David, barra li kiteb is-Salmi kien ukoll għannej u ħalla elf u ħames għanjiet, u li kiteb ukoll it-Taqbil. Biss ma jidhirlix li fil-Bibbja nsibu taqbila waħda biss minnhom!

IT-“TAQBIL” FOLKLORISTIKU FI ŻMIENNA

Fi żmienna għadu jsir it-“Taqbil”, l-aktar b’tgħajjir (għanjiet niggieża) fl-ibliet u l-irħula bejn il-partitarji ta’ każini rivali. Dan ilu ħafna jsir; niftakru minn qabel il-Gwerra Dinija (1939-1945) tas-seklu l-ieħor. Insibu bħal:

“Ta’ ———- ħallelin,

Serqu tazza mill-każin!”

Jew

“Magħna ma tagħmlu xejn,

Għax aħna daqskom darbtejn!”

U “taqbil” ieħor li jsir wisq drabi waqt il-marċi tal-festa, u jsir tgħajjir imqabbel bejn każini tal-banda, u wkoll bejn il-partitarji tal-futbol. Baqa’ tabilħaqq wieħed xi jsib dwar dan is-suġġett tat-“Taqbil” folkloristiku.

Bħala eżempju ta’ kif kien isir it-“Taqbil” bejn tnejn se nġib din it-“Taqliba” jisimha “Il-Ħaddied”, li għalkemm kien qalhieli Mikiel Agius, qiegħed inġibha kif kienu jalternaw il-versi fit-taqbil tagħhom il-barrama tas-sigarri Zolli tas-Sajjied (Z) u Ċensa l-Kalora (Ċ).

Din it-“Taqbila” kien qalhieli Mikiel Agius, Bormliż fl-1971. Għall-bidu tas-snin ħamsin kien emigra lejn Detroit, Michigan (l-Amerika). F’din it-taqbila kien għen ukoll ħuh Neriku. Mikiel kien ħaddiem it-Tarzna Rjali ta’ Malta fejn kien ħaddied; kien ukoll mastrudaxxa. Mikiel kien qalli taqbiliet oħra, fosthom waħda dwar Id-Dar”, taqbila twila li kienet tgħidha ommu. Meta kien ikun bil-burdata u kien jiftakar b’xi taqbila kien joqgħod jgħidhili bil-paċenzja kollha.

TAQBILA MARITTIMA

“Taqbila” oħra, din id-darba ta’ xeħta marittima kien qalhieli missieri, John Dougall, Bormliż, fl-1949. Fiha naraw l-element tal-baħar u tissemma terminoloġija marittima, ta’ partijiet tad-dgħajsa Maltija. Fiha kliem li kien użat l-aktar mill-barklori, l-baħħara u l-mastrudaxxi benneja tal-qxur tal-baħar. Donnha li dit-“Taqbila” kienet tintqal l-aktar mix-shipwrights fil-boathouse ta’ taħt Kordin fit-Tarzna Rjali ta’ Malta. Għandu mnejn li kien jitgħallmuha bl-amment. X’aktarx li din it-“Taqbila” folkloristika, bħal bosta oħrajn, kienu jgħiduha b’deklamar, ukoll f’xi intervalli minn fuq ir-ribalta tal-palk waqt il-bdil tax-xeni.

­