Min kienu s-Sibilli tal-Antik, u xi tfisser din il-kelma?  Il-kelma “Sibilla” għalkemm waslet għandna mill-Latin, hi ġejja mill-Griek, u tfisser “profetessa”.  Il-kelma għandha parentela qadima ħafna u tirreferi għal xi oraklu mara li sa mill-qedem kont issib ġo xi tempju jew maqdes iddedikat lil xi alla pagan jew ieħor, u li kienet tiġi kkonsultata kull darba li tinqala’ xi kriżi, jew kull meta s-sultan jew xi ħadd setgħani kien ikollu xi mistoqsija jew problema diffiċli xi jħoll.

Kitba ta’ George Cilia. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9(2010) Nru 3

Dawn in-nisa orakli nstabu l-ewwel fil-Lvant Nofsani.  Ngħidu aħna jissemmew f’kitba li nstabet fil-belt ta’ Mari tal-qedem (illum fis-Sirja), u fil-kitba tal-Assieri.  Imma kif jiġri spiss, in-naħa Semitika tintnesa, u l-kelma tgħaddi għandna minn għejun Griegi jew Latini.  Għall-ewwel, meta s-Sibilli bdew jissemmew fil-kitba tal-Punent, ma kinux jingħataw isem, imma kienu jitlaqqmu mal-isem tal-maqdes fejn kienu jservu.  Hekk tissemma is-Sibilla Persica, s-Sibilla Libica, s-Sibilla Delfica, s-Sibilla Eritreana, s-Sibilla Samnia, s-Sibilla Ellespontica, s-Sibilla Cinmerica, s-Sibilla Tiburtina, s-Sibilla Frigia, u s-Sibilla Cumana.  Alessandru l-kbir jingħad li kien mar iħabbat il-bieb tas-Sibilla Libica, u li din ikkonfermatlu li hu kien divin, u li kellu jsir il-Farawni tal-Eġittu.

Maż-żmien, l-orakli ta’ dawn is-Sibilli bdew jinkitbu, u fi żmienna jeżistu 12-il ktieb li jissejħu “l-Orakli Sibillini”.  Hu aċċettat mill-istudjużi, pero, li dawn il-kotba nkitbu minn ħafna jdejn, u fuq medda twila ta’ żmien, bejn it-tieni seklu qabel Kristu, u s-sitt seklu wara Kristu, u peress li dawn l-orakli kien anonimi, kull minn kiteb jew ikkopja l-kitba, sew jekk kien Pagan, Lhudi, jew Nisrani, żejjen il-kitba kif xtaq hu.  L-Ewlenin Insara jidher li nnamraw ma dawn il-kitbiet profetiċI, tant li Celsus, filosfu Griek tat-tieni seklu wara Kristu li kien ħadha kontra l-Insara u kien jikkumbattihom, kien għajjar lill-Insara li kienu “wemmiena fis-sibilli”.  L-ewlenin Insara kienu aċċettaw il-kitbiet tas-Sibilla Tubertina bħala veritajiet ġenwini għax fihom ħabbret it-twelid tal-Messija, l-Iben t’Alla Salvatur tal-bnedmin, u fl-aħħar il-Ġudizzju universali.  Fil-kitba tas-Sibilli kif waslet għandna llum, dawn jitkellmu fuq it-Torri tal-Babilonja u l-konfużjoni tal-lingwi; silta oħra hi żieda tal-Imperatur Neruni nnifsu, u kif hu għad jirritorna bħala kmandant ta’ battaljun minn-naħa tax-xmara Ewfrates, immedjatament wara li jiżbroffa l-Vessuvju; u li dan jiġri bħala kastig minħabba t-tiġrif tat-tempju ta’ Ġerusalemm.

IS-SIBILLI FIR-RINAXXIMENT

Bejn is-sekli 14 sa 16, żmien ir-Rinaxximent Taljan, l-aqwa artisti reġgħu qajmu l-interess f’dawn il-persuni fl-arti skolpita jew impittra.  Biżżejjed insemmu lill-famuż Michelagelo Buonarroti, bil-ħames Sibilli li għoġbu jżid fil-kapolavur tiegħu – il-Kappella Sistina fil-Vatikan.  Dawn huma l-Persika, d-Delfika, l-Libjana, l-Eritreana u l-Kumana, li b’maestrija rnexxielu jżewwiġhom mal-profeti fis-saqaf inprezzabbli li pitter. Opri artistiċi Sibellini oħra jinsabu:

*  Fis-Santa Casa ta’ Loretu, l-Italja,

* Fi gruppi fil-Malatestiano, tempju ta’ Rimini ta’ Agost Duccio,

* Il-Kappella Susetti tat-Trinita ġo Firenze, ta’ Ghirlandaio,

* Fil-Cambio ta’ Perugia, xogħol ta’ Perugino,

* Xogħol fl-affresk ġo Santa Marija tal-Paċi f’Ruma,ta’ Raffaello,

* Fil-Gallaria Borghese ġo Ruma hemm il-Cumana ta’ Domenichino,

* Fil-Gallerija Uffizi ta’ Firenze hemm is-Samnia ta’ Guercino.

Fost il-kwadri li għandi fil-kmamar ta’ dari, hemm pittura antika tas-Sibilla Persika, tant miġjuba mill-familja għax hija figura ta’ xebba ħelwa, simpatika, x’aktarx kurjuża, liebsa turban ġo rasha, bil-pinna f’idha donnha lesta biex tikteb u taħseb, dejjem tħares lejn min dieħel jew ħiereġ mill-kamra, donnha għandha xi storja serja x’tirrakkonta.  Familjari u ħbieb li jaslu sa darna, wara t-tislim, mill-ewwel għajnejhom imorru fuq l-inkwatru tal-Persika, u jistaqsuni jekk nafx x’hemm miktub fil-ktieb li ġġorr f’idejha.  Jien immedjatament inwieġeb billi nikkwota id-Dies Ire, innu bil-Latin li hu maħsub li nkiteb  minn Tumasu ta’ Celano fis-seklu Tlettax:

Dies ire, dies illa,

Solvet Seculum in favilla.

Teste David cum Sybilla.

Bl-Ingliż din tinqaleb hekk:

The day of wrath, that dreadful day

Shall the whole world in ashes lay

As David and the Sybil say.

F’din l-istrofa Tumasu ta’ Celano jurina l-pessimiżmu tas-Sibilli bl-aktar mod ċar, b’dan kollu nagħmlu tajjeb naħsbu fil-jum tal-ġudizzju tagħna.