Din hi taqsima oħra, is-sitt waħda, minn sensiela ta’ kitbiet maħsuba biex il-Maltin u l-Għawdxin jerġgħu jsiru midħla tal-karattri fittizji tal-fantasija li dari kienu jixgħelu l-istħajjil u l-fantasija ta’ niesna. Jekk din hi l-ewwel darba tiegħek li qed taqra l-kitba ta’ dis-sensiela, ikun tajjeb li taqra wkoll l-introduzzjoni, li għandek issibha HAWN.

Fl-introduzzjoni għamilniha ċara li ħsieb tagħna hu li nagħtu biżżejjed tagħrif biex aħna l-Maltin inkunu nistgħu inpenġu x-xbiha  tal-ħafna  karattri tal-fantasija li jeżistu mistoħbija fil-kultura tagħna,u mpenġuhom b’mod li l-karattri jkunu jingħarfu minn xulxin – bl-istess mod ta’ kif aħna nagħrfu x-xbiha ta’ Father Christmas, Batman, Superman, Xummiemu, u l-bqija.  Bis-saħħa t’hekk, mhux biss it-tagħrif folkloristiku ta’ kull karattru ma jintilifx, imma wkoll dawn il-karattri ma jmutux, u jerġgħu jieħdu l-ħajja fostna.  Inħossu li hu importanti li l-kitba tagħna tinqara kollha f’daqqa.  Il-karattri li tkellimna fuqhom s’issa tista’ ssibhom HAWN.  Illum imiss li nitkellmu fuq:

IS-SĦAĦAR              

SAĦĦAR, jew SAĦĦARA, hu kull min għandu l-ħila li jagħmel is-SĦARIJIET.  Kull min għandu l-ħila JISĦER.  In-Nanna Għula li tissemma fil-ħrafa ta’ Torsinella kienet qabdet lil xi nies u biddlithom f’annimali – żwiemel, bgħula, ħmir, u hekk.[1]Fid-dar tagħha, in-Nanna Għula kellha flixkun mimli bl-ILMA TAL-ĦAJJA, u tliet kobob tas-suf – waħda ħamra, waħda ħadra, u l-oħra kaħla.  Meta l-kobob sabithom Torsinella u tefgħet il-kobba l-ħamra mal-art, din saret ħuġġieġa nar; il-ħadra saret masġar kbir, u l-kaħla saret baħar.[2]

Saħħar ieħor hu dak li jissemma fil-ħrafa li Salvu Kajjuwwa qal lil Patri Manwel Magri.  It-tifel iż-żgħir tas-sultan, biex isib lil min kien qed jisraq il-lanġasa tad-deheb li kienet tikber fuq siġra li kien hemm fil-ġnien ta’ missieru, kellu jinżel ġo ħofra fl-art li kienet tant fonda li kont tistħajjilha bla qiegħ.  Imma meta fl-aħħar wasal fil-qiegħ, sab ruħu fid-DINJA TA’ TAĦT li, bħal ta’ fuq, kienet mimlija bini u djar.  F’din id-Dinja ta’ Taħt, kien hemm jgħix saħħar li, bħalma kienet tagħmel in-Nanna Għula, kien iħobb jibdel in-nies fi żwiemel.[3] Biex tara kemm il-ħrejjef għandhom ħabta jitħalltu u jitħawdu flimkien, u hu dmir tagħna li nħolluhom u nagħżluhom minn xulxin, anke s-saħħar tad-Dinja ta’ Taħt kellu tliet kobob wara l-bieb – waħda bajda, waħda ħamra u oħra kaħla – u lil dawn stajt tużahom l-istess bħal dawk tan-Nanna Għula.

Ċertu Matteo Falzon, li n-nies kienu jafuh bħala “Is-Saħħar Falzun” darba ttieħed quddiem l-Inkwiżitur fil-palazz tiegħu fil-Birgu għax l-Inkwiżitur ried jakkastigah fuq xi sħarijiet li kien għamel.  Is-Saħħar Falzun talab li jġibulu quddiemu bettija mimlija bl-ilma, u meta ġabuhielu, qabeż għal rasu ġo fiha u…u madoffi għeb…ma deherx aktar.  Wara xi żmien l-Inkwiżitur irċieva ittra minn Sqallija b’kaligrafija li tingħaraf li kienet tas-Saħħar Falzun.  Fl-ittra li bagħat minn Sqallija Falzun staqsa lill-Inkwiżtur: “Sur Inkwiżitur, tiftakarni lili?”[4] Żutt!” Biex tara dawn is-sħaħar x’kapaċi jagħmlu!  Minn ġol-bettija s-Saħħar Falzun għadda minn taħt l-art u feġġ x’imkien fi Sqallija.

Is-sħarijiet li jagħmlu s-sħaħar, fil-biċċa l-kbira jagħmluhom biex ifixklu lil dak li jkun, mhux biex jgħinuh.  Imma mhux dejjem.  Il-mara xiħa li ltaqa’ magħha l-eroj tal-ħrafa tax-XINI JIMXI FL-ART, li mid-dehra kienet saħħara wkoll, kienet qalet lit-tifel: “Ibni, nirrak l-ewwel daqqa li tagħti bir-rixa (mannara) fuq is-siġra, joħroġ minnha x-Xini Jimxi fl-Art”.  U hekk kien, għax meta ta l-ewwel daqqa bil-mannara maz-zokk tas-siġra, ħareġ minnha x-xini li kien ilu tant ifittex.  Is-seħer tax-xiħa sewa ta’ ġid  – u dan kollu għax l-eroj tagħna kien tema’ lix-xiħa meta kienet bil-ġuħ.[5]   Jiġifieri fid-dinja trid tagħmel il-ġid ma kulħadd għax ma tafx x’jista’ jinqala’.

Il-ħrafa ta’ Ali Baba  u l-Erbgħin Ħalliel hi ħrafa Għarbija.  Il-kap tal-ħallelin meta kien jasal ħdejn l-għar li kien il-moħba tagħhom kien jgħid (bl-Għarbi) “Ifteħ Je Semsim”.  Bil-Malti din tiġi “Iftaħ Ja Semsim”, u l-Ingliżi gerfxuha u qaluha: “Open Sesame”[6].  Meta kien jgħid “Iftaħ Ja Semsim”, il-bieb kien jinfetaħ u hu u sħabu jkunu jistgħu jaqbdu dak li jkunu serqu u jaħżnuh u jaħbuh ġol-għar.

Fil-Ħrafa tax-Xhur[7] wieħed tallab twajjeb kien daħal f’dar u fiha sab lit-tnax-il xahar tas-sena, kollha rġiel, imdawrin ma’ mejda jieklu ikla mill-aqwa.  Billi t-tallab ġab ruħu tajjeb magħhom u rawh li kien fil-bżonn, ix-xhur tawh mindil (sarvetta) u qalulu li meta jkun bih il-ġuħ kellu jħares lejn il-mindil u jgħidlu “Ifrex!”,u l-mindil jifrixlu quddiemu ikla mill-itjeb.  Meta jlesti it-tallab kellu jgħid lill-mindil “Erfa’” u l-mindil kien jisbarazza kollox u x’aktarx li kien jaħsillu anke l-platti!

Jiġifieri KLIEM IS-SEĦER jista’ jiswa ta’ ġid ukoll.  Imma aktarx iva milli le, bis-sħarijiet li jagħmlu, is-sħaħar jaqilgħulek ħafna nkwiet u mhux jagħmlulek il-ġid.

Ngħidu aħna s-sħaħar jistgħu JGĦAJNUK.  Iħarsu lejk, jew lejn xi ħaġa li tkun tiegħek, jgħidu xi kliem, u jġibuk fl-inkwiet.  Biex nieħdu eżempju: wieħed li kien jgħajjen ħafna, kif ra l-karozza li kien għadu kemm xtara sieħbi mill-idejn qal: “Ara kemm hi sabiħa dil-karozza!”  Sieħbi jaħlef li ma laħaqx saq żewġ kantunieri ‘l bogħod qabel ma waqgħetlu l-makna tal-karozza minn postha u kien għoddu baqa’ dieħel ġol-ħajt!

Is-sħaħar jistgħu jagħmlulek MAGĦMUL.  Jiġifieri jagħmlu xi ċerimonja jew RITWAL li jkun maħsub biex jagħmillek il-ħsara, jew biex iġiegħlek tagħmel dak li ma tridx.   Ngħidu aħna fil-11 ta’ Ġunju 1625, waħda mara jisimha Lorenza Fatredina, li kienet lsira ta’ mara oħra jisimha Serafina Daniela, gżat lil sidtha quddiem l-Inkwiżitur u qaltlu li sidtha kienet tagħmel is-seħer.  Per eżempju: Sidtha kienet tefgħat għajnejha fuq ċertu raġel, u biex iġġiegħel lil dan ir-raġel iħobbha u jinġibed lejha, ippruvat TESĦRU (jiġifieri tagħmillu seħer) billi qalet dan il-kliem:

Jannar, Jannar, ja ħanin, ja ġabbar,

(It-tali) qiegħed fuq siġġu minn tan-nar,

żarbunu nar, kalzettih nar, qalzietu nar, qmistu nar,

ġaktu nar, tewqu nar, kappellu nar,

kulma fuqu nar, u jgħajjat

Jannar, Jannar, ja ħanin, ja ġabbar,

X’bik ja ibni, b’dil-għajta, b’dil-ħrara,

J’ommi, ma huwa waqt il-ħin u le waqt is-sehen,

(it-tali qed) jesħirni fuq faħma Indjana,

taħraqni taħraqni, tleblibni tleblibni, u rmied tagħmilni.

Ja ibni mur bis-sliema f’daru u għamel li qallek.[8]

Mur ifhem!  Imma minħabba dan il-magħmul, Serafina spiċċat quddiem l-Inkwiżitur, u tgħidx kemm għajjat magħha.

Minbarra li jgħidu KLIEM IS-SEĦER, biex jagħmlu l-magħmul u JISĦRU lil dak li jkun, is-sħaħar jużaw ukoll in-nar u l-ġamar; il-bħur (inċens), il-melħ, il-mastika – li hi gomma magħmula mir-raża ta’ sġajra (arbuxell) li bil-Malti jgħidulha DERU (Pistacia lentiscus), u anke BIĊĊA SPAGA BI ĦMISTAX-IL GĦOQDA ġo fiha.[9] Jidher li l-Maltin din il-mastika li semmejna kienu jafuha bħala WEXAQ (gum Ammoniac).[10]  X’aktarx li kienet tintuża wkoll il-liedna.[11]

Is-sħaħar barra li jagħmlu l-magħmul u jgħajnu lin-nies, għandhom ukoll il-fama li jogħlew fl-ajru u jtiru minn post għall-ieħor.[12]  Biex ikunu jistgħu jtiru, is-sħaħar jindilku ma’ ġisimhom kollu bi dlik magħmul ukoll mill-meraq tal-ħxejjex.  X’aktarx li meta jtiru jkunu għarwenin, għalkemm jgħidu wkoll li ġieli jkunu lebsin xi fardal, jew ikunu għaddejin jiġru fl-ajru u xi saħħara taqgħalha l-karkura li tkun liebsa u tiġi fuq xi bejt ta’ xi ħadd![13]  Imma kif itiru? Is-sħaħar ta’ Malta m’għandhomx xkupi li jirkbu fuqhom u jtiru bihom.  Dawk huma s-sħaħar ta’ ħaddieħor, mhux tagħna. Is-Sħaħar tagħna jirkbu l-irjieħ.  L-irjieħ li  jirkbu biex iġġoruhom u jeħduhom minn post għall-ieħor jgħidulhom il-MNIEFAĦ, u meta jgħaddu minn fuqek tħoss ir-riħ kiesaħ tagħhom jonfoħ u jdur miegħek bil-qawwi – għax is-sħaħar, meta jtiru, x’aktarx li ma jkunux weħidhom, imma jkun hemm qatgħa sħiħa minnhom.  Itiru flimkien qtajja’ qtajja’, jinġabru u jiltaqgħu f’ċerti postijiet, biex joqgħodu jiżfnu u jdoqqu.  L-aqwa postijiet tagħhom huma xi għerien li hemm iċ-Ċirkewwa, u post f’Għawdex fuq ir-riħ ta’ Wied Sansun, fejn hemm għar jgħidulu Għar il-Lhud.[14]

Imma allura inti ma tista’ tagħmel xejn kontra dawn in-nies tal-biża’? U żgur li tista’!  L-ewwelnett, jekk is-sħaħar ikunu għaddejin itiru fl-ajru u ddoqq qanpiena ta’ knisja, dawn – bupp – jinstabtu mal-art.  Jgħidu li darba xi sħaħar kienu għaddejin itiru minn fuq il-knisja tal-Kapuċċini – il-knisja ta’ Santa Liberata fil-Kalkara – u, jew bir-riħ jew b’xi ħaġa oħra, daqqet il-qanpiena.  Kif daqqet il-qanpiena, waħda mis-sħaħar waqgħet, għarwiena, fil-bitħa tal-kunvent.  Imn’alla kien hemm wieħed Ajk li kien jifhem xi ftit f’dawn l-affarijiet tad-dinja. Dan l-Ajk ma ħabbel rasu xejn; qabad sikkina tal-ħadid bil-ponta, u qata’ ċirku tond fl-art, dawramejt ma’ dil-persuna, u din, ta’ saħħara li kienet, qabdet u reġgħet taret, u ħalliet lill-patrijiet bi kwiethom.[15] Billi s-sħaħar jibżgħu mill-qniepen, dawn joħorġu jtiru biss bil-lejl, bejn Tal-Imwiet u l-Paternoster – jiġifieri fl-aktar ħin twil tal-lejl li fih ma jdoqqux qniepen.

Pittura ta’ Luis Ricardo Falero: Sħaħar itiru fl-ajru, sejrin għal xogħolhom; imma s-sħaħar tagħna m’għandomx xkupi – jirkbu u jtiru fuq l-imniefaħ.

It-tieninett: hawn min jgħid ukoll li jekk fil-lejl ta’ qabel il-festa ta’ San Ġwann tal-Ħġejjeġ torqod barra għall-arja u tixxarrab bin-nida, is-sħaħar ma jkunux jistgħu għalik għal sena sħiħa![16]

U t-tielet, għal kontra KLIEM IS-SEĦER hemm KLIEM IR-RIQI.  Dan il-kliem jgħiduh nies li jkunu jafu kif JIRQUK meta xi ħadd jgħajnek.   Eżatt kif jagħmlu s-sħaħar, kliem ir-Riqi jrid ikun akkumpanjat ukoll minn ritwal, jew ċerimonja.  Fil-każ tar-Riqi, iċ-ċerimonja għandha isem: TBAĦĦIR.  Biex tirqi lil xi ħadd trid tbaħħru.  Tista’ tbaħħar anke lil xi dar, jew garaxx, jew karozza, ħalli l-Għajn ma tkunx tista’ għaliha.

IT-TBAĦĦIR ismu miegħu.  Biex tbaħħar trid il-BĦUR – jiġifieri l-inċens.  Il-bħur l-aħjar isir billi taħraq ftit weraq taż-żebbuġ, u l-aħjar weraq hu dak li jitqassam fil-knejjes nhar Ħadd il-Palm.  Biex il-weraq taż-żebbuġ jaqbad iktar malajr, tista’ żżid miegħu xi biċċtejn xama’ tal-Gandlora – jiġifieri dik li titbierek u titqassam mill-Kappillani fit-2 ta’ Frar.  Titfa’ kollox ġo xi taġen jew kazzola, u wara li tkebbes u tqabbad il-weraq taż-żebbuġ, tifga n-nar billi tgħatti l-kazzola b’għatu li jagħlaq sewwa.  In-nar jintefa’, imma t-taħlita tibqa’ ddaħħan.  Dak id-duħħan ikun il-bħur li għandek bżonn.  Jekk tkun se tbaħħar id-dar, li għandek tagħmel hu li ddur mad-dar kollha, tidħol f’kull kamra u f’kull rokna u tgħid KLIEM IR-RIQI.  Jew jekk tkun se tbaħħar lil xi ħadd, dur dawra madwaru minn fuq s’isfel, bil-kazzola ddaħħan, ħalli l-bħur idur miegħu u jiksih sew.

 KLIEM IR-RIQI jista’ jkun xi ħaġa sempliċi bħal:

San Barnabaw

Jekk hawn xi ferħa jew xi għajn ħażina

tmur minn hawn.

Imma dari kellhom kliem ferm isbaħ.  Ngħidu aħna ċerta waħda jisimha Lieni, jew Luna, il-mara ta’ Pietru Perianu minn Birkirkara kienet qalet lill-Inkwiżitur dan il-kliem:

Għajn kaħla, għajn xehba, u għajn kollija

Jiena nerħiha

U naqta’ l-għejun minn fuqha

Li kienu mija.

U oħra:

Ħamsu u Ħmejsa

Fuħaġġar u mimejsa

Dhejba misruġa

U minn għajnu tkun għajnu maħruġa.[17]

 

L-aħjar jum biex tbaħħar hu nhar ta’ Ħamis, f’dak il-ħin li l-qniepen ikunu qed idoqqu dik il-mota magħrufa bħala “Tal-Ħamis”.  Jew tista’ tistenna li jasal Sibt il-Għid.  Fil-lejl ta’ qabel jisbaħ il-Ħadd, tisma’ il-qniepen tal-knejjes jibdew idoqq l-Glorja. Il-qniepen idoqqu, u inti iddur bit-taġen u tgħid il-kliem.  Jekk tkun qed tbaħħar id-dar, qis li tbaħħar isfel u fuq, u ddur kull rokna, inkluż taħt is-sodod.  Qis ukoll li qabel tibda tbaħħar, tiftaħ il-bieb tal-bejt u l-bieb ta’ barra, ħalli jekk tkun daħlet xi ħaġa ta’ barra minn hawn fid-dar, din tkun tista’ toħroġ tiġri mingħajr ma tagħmel ħsara, biex ma tmurx tifqagħlek il-bieb jew l-antiporta bil-fixla biex toħroġ!

Jekk taħseb li fid-dar jista’ jidħol xi ħadd li jgħajjen, li għandek tagħmel hu li tqiegħed BOMBLU mimli bl-ilma x’imkien fejn ikun jista’ jitfa’ għajnejh fuqu kull min jidħollok mill-għatba ‘l ġewwa.  Għajnejh imorru fuq il-bomblu u l-għajn ħażina teħel hemm!  Jgħidu li l-iskultur magħruf Mastru Salvu Psaila, minn Bormla, kien imqabbad jagħmel l-istatwa ta’ Santa Liena ta’ Birkirkara.  L-istatwa ħarġitlu kapolavur mill-isbaħ, u biex ma jgħajnuhielux, poġġiela ħdejn saqajha bomblu b’wiċċ ta’ maskarun impenġi fuqu – ħalli l-għajn ħażina jiblagħha l-bomblu![18]  Jekk m’għandekx bomblu, tista’ tqiegħed qoffa mimlija bajd fuq xi mejda.  Jekk minn żmien għal żmien issib xi bajda mifsuda, dak ikun sinjal li daħallek fid-dar xi ħadd li jgħajjen!

Biex ma jitgħajnux dari n-nies kienu jilbsu madwar għonqhom ħannieqa u magħha kienu jdendlu qoxra ta’ bebbuxu tal-baħar li bil-Malti jissejjaħ BAĦBUĦA.  Magħha tista’ żżid ukoll xi qrun żgħir magħmul “ mill-ħaġar mieles misjub ħdejn il-baħar”.[19]

Is-sajjieda għadhom sal-lum jonqxu għajn fuq il-mustaċċ tal-luzzijiet tagħhom; waħda fuq kull naħa.  Il-bdiewa, u n-nies tal-irħula, spiss kienu jqiegħdu qrun kbir ta’ baqra jew barri, x’imkien fil-għoli fejn jidher – għax il-qrun ibiegħed l-Għajn.

Il-Qrun ibiegħed il-Għajn.  Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg

Ikun jonqos biss li npenġu saħħar jew saħħara biex nuru kif ikunu.  Is-sħaħar x’aktarx li bħall-qtates, għandhom sebat erwieħ, u għandhom il-ħila jgħixu iktar minn ħajja waħda.  Hawn min jgħid li jgħixu mijiet ta’ snin.  Għalhekk fil-biċċa l-kbira jpenġuhom bħala nisa u rġiel xjuħ ħafna.  U aktar nisa milli rġiel.  In-nisa, fil-biċċa l-kbira, jgħixu aktar mill-irġiel, u dari kienu n-nisa xjuħ li l-aktar li kienu jiġu mixlija li kienu sħaħar.  Meta l-Maltin kienu għadhom jafu jitkellmu l-Malti sewwa, kellhom kelma għal mara xiħa ħafna: GĦAĠUŻA.   L-Għaġuża hi mara xiħa għakka, mgħawġa ganċ, imma ma tridx tmut, għax għandha sebat erwieħ, u għax iktar ma tikber iktar titgħallem.  Lit-tfal ta’ dari kienu jgħidulhom storja fuq l-Għaġuża.  Fl-ewwel ta’ Jannar, jiġiferi fl-ewwel tas-sena f’nofsinhar, lit-tfal kienu jibgħatuhom jiġru lejn il-knisja tar-raħal, biex jaraw in-nies “jitfgħu l-Għaġuża minn fuq il-kampnar għal isfel”.  F’Għawdex donnu li din il-ħaġa kienet issir darba nhar ta’ Ħamis f’nofs ir-Randan.[20]  Mill-banda l-oħra, fil-Birgu l-Għaġuża kienet tintefa’ minn fuq il-kampnar tal-knisja tal-Lunzjata waqt id-daqq tal-Glorja f’Sibt il-Għid, sbiħ il-Ħadd.  F’artiklu li deher fl-Imnara tal-2017 hemm miktub hekk: “Minn fuq il-kampnar tal-knisja kien jintefa’ għal isfel trajbu mgeżwer f’libsa qadima u mqattgħa.  It-trajbu kien jissejjaħ l-Għaġuża”.[21]  Jien ngħid li ċerimonja bħal din kienet aktar tagħmel sens fi tmiem is-sena l-qadima u l-bidu tal-ġdida.  Il-bniedem iħoss li f’dan iż-żmien għandu jaqleb il-folja u jibda mill-ġdid – jarmi u jeħles mill-qadim, u jħares bit-tama lejn dak li għadu ġej. L-Għaġuża saħħara li taqla’ l-inkwiet kienet tintrema ‘l barra, biex is-sena tibda b’wiċċ il-ġid.

Imma hemm storja ferm iktar iddettaljata fuq waħda Għaġuża li kienet ukoll Saħħara.  Għal darb’oħra jkollna noqgħodu fuq dak li qalilna Ġorġ Pisani fil-ktieb tiegħu Mill-Gżiratal-Ħolm, li fih Pisani tana ħafna stejjer minn Għawdex.  Waħda minnhom kienet il-ħrafa ta’ Infetaħ! Ingħalaq! Jew l-Għaġuża Saħħara.[22]  Din l-Għaġuża kienet tgħix fir-raħal tal-Munxar, Għawdex.  Issa f’dak ir-raħal kien hemm aktar minn għaġuża waħda, imma din tal-ħrafa kienet tingħażel mill-oħrajn u tissejjaħ Saħħara għax kienet kapaċi tqabbad in-nar bla ma tuża ż-żnied, tbassar fejn wieħed għandu jħaffer biex isib l-ilma, taqra l-ġejjieni u x-xorti, u tfejjaq in-nies billi tisqihom xorb li tagħmel hi mit-togħlija ta’ xitla li tissejjaħ WIDNET L-GĦOMOR, jew Xeħt il-Għomor (bl-Ingliż ġie li jgħidulha comfrey).  L-Għaġuża kienet iżżomm id-dorga mimlija b’dan l-ilma tal-ħajja f’toqba fil-blat li hemm fil-wied tax-Xlendi, qrib il-Munxar.  Jekk tgħaddi minn quddiem din it-toqba int u tiela’ mix-Xlendi għar-Rabat, taraha qed tinfetaħ, imma jekk tħares lejha int u nieżel mir-Rabat għax-Xlendi taraha qed tingħalaq.  It-tobba t’Għawdex għeru għal dix-xiħa li kienet tfejjaq lin-nies, u serqulha d-dorga minn idha, imma meta telqu jiġru biha, waqgħu għal wiċċhom, inkisritilhom, u tilfu kollox.  Meta rat hekk l-Għaġuża ssuppervjat u għebet għal kollox minn Għawdex.  Magħha għebet ukoll il-ħaxixa li kienet tagħti l-fejqan: Widnet l-Għomor.

Mela naqblu li s-Saħħar u s-Saħħara huma t-tnejn xjuħ.  Ġorġ Pisani jgħid li waħda minnhom kienet “qsajra, faqmija, u b’għajnha l-leminija kemmxejn magħluqa”[23].   Tagħmel ħafna sens.

Il-kitba ta’ Ġorġ Pisani wkoll hi bżonjuża ħafna biex noħolqu l-ikonografija li għandna bżonn.  Kellu jkun Ġorġ Pisani biex sirna nafu bi ħrafa li kienet tingħad fl-Għarb, Għawdex, dwar mara xiħa, jew għaġuża oħra, li kien jisimha ŻULEJMA. Din il-mara kienet meqjusa minn kulħadd bħala Saħħara, u għandha kienu jmorru dawk li xtaqu jkunu jafu l-ġejjieni tagħhom.  Pisani jgħidilna li lil Żulejma n-nies tal-Għarb kienu jafuha aktar b’laqamha milli b’isimha.  Laqamha kien: L-IMĦALLA.  L-imħalla hi waħda mill-għodod li dari kienu jintużaw fix-xogħol tal-insiġ tad-drapp fuq in-newl.  L-Imħalla hi pariġġ l-Imkebba, waħda tintuża biex tħoll il-ħajt li jkun se jintuża għall-insiġ, u l-oħra tintuża biex tkebbu – tkebbeb il-ħajt fuq il-mekkuk.  Żulejma kienet iddawwar l-imħalla f’idha u filwaqt li l-ħajt jinħall minn mal-imħalla u jitkebbeb fuq l-Imkebba, kienet tgħid hekk:

Imħalla, Ja mħalla,

Bassarli minn kmieni

Il-ġid jew id-deni

Mistur fil-ġejjieni.[24]

Żulejma kienet tifli sew x’qed jagħmel il-ħajt hu u jinħall u bħal titnebbaħ minnu u tbassar il-ġejjieni u x-xorti ta’ dawk li jmorru għandha u jistaqsuha.  Ma jkun ġara xejn kieku kellna niftakru dan l-isem, u s-saħħara tagħna nkunu nafuha bħala Żulejma, bħalma nafu li s-saħħar Ingliż jismu Merlin.

 

Lill-Ġganta penġejniha tagħżel is-suf fuq biċċa għodda li tissejjaħ “magħżel”. Il-Ġganti għandhom ukoll ħallieġa – biċċa għodda oħra marbutamal-insiġ. Lis-saħħara nistgħu inpenġuha tħoll il-ħajt imkebbeb fuq L-IMĦALLA, u ddawru mal-IMKEBBA.  Ma ninsewx li ħdejn saqajha għandu jkollha kannestru bi tliet kobob tas-suf ġo fih – waħda ħamra, l-oħra ħadra, u l-oħra kaħla.  L-Imħalla, l-Imkebba u t-Tliet kobob tas-suf humas-simboli tagħha. Tkun liebsa sidrija, maktur imdawwar ma’ rasha, geżwira mdawra mad-dublett, u fardal, kollox ta’ lewn skur, x’aktarx iswed.

Jiġifieri nistgħu npenġuha xi ħaġa hekk:

Tpenġija tal-artist bravu Eric Leone.  Saħħara liebsa l-iswed, bl-imħalla f’id waħda, u bl-imkebba fuq in-naħa l-oħra.  Ħdejn saqajha kannestru bi tliet kobob ta’ lwien differenti.


Trid toqgħod attent, għax xi kull tant is-saħħara jkollha xi wiċċ innoċenti bħal dan!


Suġġeriment ta’ John Spiteri Gingell ta’ kif tkun is-saħħara.

Xbieha tas-saħħara maħluqa minn ritratt tal-istatwetta li għamlilna Richard Bartolo

Aktar ritratti tal-istatwetta tas-saħħara ta’ Richard Bartolo

Biex ma jitgħajnux dari n-nies kienu jilbsu madwar għonqhom ħannieqa u magħha kienu jdendlu qoxra ta’ bebbuxu tal-baħar li bil-Malti jissejjaħ BAĦBUĦA.  Magħha tista’ żżid ukoll xi qrun żgħir magħmul “mill-ħaġar mieles misjub ħdejn il-baħar”.

TAJJEB IMMA LIS-SAĦĦAR KIF SE NPENĠUH?

Mela lis-saħħara sibna tarf ta’ kif inpenġuha.  Imma lis-Saħħar kif se npenġuh?  Din ħabbtitna ftit għax fil-letteratura Maltija ftit hemm dettalji tiegħu.  Biex tgħaxxaqha, aħna issa influwenzati wisq mill-istampi ta’ ħaddieħor u bħalma ġejna ndottrinati li s-saħħara ttir fuq xkupa, daqshekk ieħor ġejna indottrinati li s-saħħar ikun liebes bħal Merlin tad-dinja Anglo-Sassona.  Ejja nerġgħu ngħiduha ħalli forsi xi darba tidħol f’rasna: Is-saħħara Maltija ma ttirx fuq xkupa, imma ttir fuq l-Imniefaħ; u s-simboli tagħha huma l-Imħalla u l-Imkebba li kienu jintużaw fl-insiġ, u tliet kobob tas-suf, ħamra, ħadra, u kaħla. U s-saħħar x’simboli għandu? Ippruvajna nagħmluh liebes ilbies tradizzjonali Malti; imma meta libbisnih hekk – ma kkonvinċiniex.  Inħossu li s-saħħar hu marbut wisq mad-dinja tal-Orjent u din minn dejjem kellha kuntatti kbar mal-kultura tagħna.  Allura iddeċidejna hekk:

Is-Saħħar ikun qargħi għal kollox, bil-qargħa tleqq u xagħar xejn, imma l-qargħa tkun moħbija taħt turbant li jkollu mleflef ma’ rasu, allura inti din il-qargħa ma tarahiex sakemm ma ttajjarlux it-turbant.  F’ħalqu jkollu dejjem pipa minn dawk tal-qasba twila.  Id-daqna li jkollu tkun twila wkoll u tkun dejjem bajda karti, bajda lift.  Ikun liebes kaftan, li qisu kabozza imma bla barnus, imżejjen u mberfel bis-simboli tas-seħer,  u terħa wiesgħa u kkuluritta u bil-frenża ma’ qaddu, li tissejjaħ ukoll buxakka.  Ikollu qalziet bil-qliezi wiesa’ li jissejjaħ sarwal.  Is-saħħar iħobb ixidd żarbun tal-ġild magħmul għand l-aqwa skarpan, għax il-qorq ma’ jistax għalih.  Jiġifieri jkun xi ħaġa hekk:

Xbieha tas-saħħar u s-saħħara maħluqa mir-ritratti tal-istatwetti ta’ Richard Bartolo.  Jekk is-saħħara Maltija jisimha ŻULEJMA, is-saħħar Malti x’jismu?  Insemmuh: BEDUD.  Żulejma u Bedud.

Ritratti tal-istatwetta tas-saħħar ta’ Richard Bartolo meħudin minn angoli differenti

IT-TERMINOLOĠIJA TAD-DINJA TAL-FANTASIJA U TAS-SEĦER

Irridu jew ma rridux, l-ilsien Malti jkollu ta’ kuljum iħabbat wiċċu mal-ilsien Ingliż.  Hi diżgrazzja kbira għall-kultura tagħna li ħafna Maltin ikunu jafu l-kelma bl-Ingliż, u jridu joqgħodu jistaqsu l-istess kelma kif tingħad bil-Malti.  Jekk il-Malti jidra jaħseb bl-Ingliż, l-ilsien Malti joħroġ tellief.  Biex titkellem il-Malti, trid taħseb bil-Malti, u jekk tagħmel hekk issib li hu l-Ingliż li jkollu jfittex biex isib il-kelma Ingliża għall-kelma Maltija – u ħafna drabi ma jsibhiex.  Ngħidu aħna l-Ingliż m’għandux kelma waħda għall-verb “tgħajjen”.  Trid tgħid “to cast the evil eye”.   Jekk il-lista nagħmluha bl-Ingliż, nerġgħu naqgħu fl-iżball li l-Ħares ngħidulu “ghost”, waqtilli “ghost” hu fatat jew ruħ.  Fl-Ingliż m’hemmx terminu preċiż li jiddeskrivi sewwa l-Ħares tagħna.  Il-Ħares suppost li hu karattru tal-fantasija li jidħol x’imkien u lilek ma jkunx iridek hemm.  Jew ikollu teżor u ma jridx jagħtihulek.  Dan mhux ir-ruħ ta’ xi ħadd li miet u, ngħidu aħna, ruħu baqgħet tidher.  Il-Ħares jista’ jidher bħala serp, jew kelb, u l-erwieħ ma jagħmlux affarijiet bħal dawn.  X’kelma tuża bl-Ingliż għall-Ħares? “Guardian”? “Guardian” tista’ tfisser xi nofs tużżana affarijiet oħra. “Guardian Spirit” tista’ tinftiehem li tirreferi għall-Anġlu Kustodu. Hu minħabba li m’hemmx terminu eżatt fl-Ingliż li l-kelma Ħares qed titlef it-tifsira t-tajba tagħha fil-Malti.  Dan mhux sew.  Din hi għarukaża kbira.  Il-kelma “talisman” hi użata fl-Ingliż imma ġejja mill-Għarbi.  Il-kelma “amulet” jużaha l-Ingliż ukoll, imma ġejja mill-Latin.  Jekk l-Ingliż għandu dritt juża dawn il-kelmiet, daqshekk ieħor għandu l-Malti.  Il-lingwi huma sbieħ u importanti għall-kultura tal-bniedem, għax dak li tista’ tgħid f’lingwa, ħafna drabi ma tistgħax tgħidu eżatt fl-oħra.  Bl-Ingliż jgħidu Lost in translation.  Mela biex tikteb tajjeb bil-Malti, trid taħseb bil-Malti, mhux taħseb bl-Ingliż u tipprova tittraduċi għall-Malti.  B’danakollu, minħabba l-ħakma li sar għandu l-Ingliż fuqna, ikollna nagħmlu din il-lista:

                                                                                                

Malti Ingliż
Saħħar Wizard jew Sorcerer
Saħħara Witch jew Sorceress
Seħer/Sħarijiet Witchcraft jew Sorcery
Issaħħar (jew aħjar, tisħer) To bewitch
Iċċantar To enchant
Tgħajjen To cast the Evil Eye
Magħmul Spell
Tagħmel Magħmul To cast a Spell
Tirqi/Riqi/Kliem ir-Riqi Incantation
Qari/Taqra x-xorti Divination
Sinjal Omen
Teħbir (bil-mejtin) Necromancy
Għarraf Medium jew Diviner
Mewwi/Mewwija Haunted (Fuq din nitkellmu aktar tard.)
Ruħ jew Fatat Ghost
Spettru Spector
Risq Good Luck
Fell Bad Luck
Amulet Amulet
Talisman Talisman
Maġija Magic
Illużjonista (Magu) Magician

 

Ingliż Malti 
Amulet Amulet
Bad Luck Fell
Cast a Spell Tagħmel magħmul
Charm Amulet
Conjurer Bużullottist
Demon Xitan 
Diviner Jaqra x-xorti
Enchanter Iċantar
Evil Eye Għajn
Ghost Ruħ jew Fatat
Ghoul  Għul
Good Luck Risq
Incantation Riqi
Necromancy Teħbir bil-Mejtin
Necromancer Għarraf       
Magician Illużjonista
Medium Għarraf
Omen Sinjal
Portent Sinjal
Sorcerer Saħħar
Sorceress Saħħara
Sorcery Seħer jew Sħarijiet
Spell Magħmul
Spector Spettru
Spirit Spirtu jew Ruħ
Spook Babaw
Spooky Tat-tkexkix
Talisman Talisman
Wizard Saħħar
Witch Saħħara
Witchcraft Sħarijiet jew Seħer

 

(C) Ġużi Gatt

 

REFERENZI

[1]Guże Cassar Pullicino, Stejjer ta’ Niesna, Dipertiment tal-Informazzjoni, Malta, 1967, Paġna  11

[2]Ibid.

[3]Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, 182-196

[4]Guże Cassar Pullicino, Folktales of Malta and Gozo, Malta University Publishers Ltd., 2000, Paġna  179

[5]Ibid, paġni 87-96.

[6]https://en.wikipedia.org/wiki/Open_Sesame_(phrase)

[7]Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, 259-271

[8]Cassar, Carmel, Society, Culture, and Identity in Early Modern Malta, Malta, Mireva Publications, 2000, paġna 177

[9]Ara t-teżi tal-MA ta’ Olvin Vella: L-Għejun tal-Istorja tal-Malti, mil-bidu sa Vassalli, 2006, il-Fakulta tal-Arti, paġna 38

[10]Ibid, paġni 38-39.  Il-mastika (jew Arabic Gum) u l-gum Ammoniac, it-tnejn jafu n-nisel tagħhom lill-arbuxell magħruf bħala Pistacia Lentiscus:

https://en.wikipedia.org/wiki/Mastic_(plant_resin)

https://en.wikipedia.org/wiki/Pistacia_lentiscus

[11] Ara t-teżi tal-MA ta’ Olvin Vella: L-Għejun tal-Istorja tal-Malti, mil-bidu sa Vassalli, 2006, il-Fakulta tal-Arti, paġna 40

[12 ]Zarb, Tarcisio, Folklore of an Island, Malta, PEG, 1998 paġni 100-110.

[13] Ibid, paġna 108.

[14] Mifsud, Stephan D., The Maltese Bestiary, Malta, Merlin Publishers Ltd., 2014, paġna 73, u ara wkoll il-Ħrejjef ta’ Patri Magri, paġna 172.

[15] Zarb, Tarcisio, Folklore of an Island, Malta, PEG, 1998 paġna107.

[16 ] Attard, Anton F., Mid-Dinja tals-Seħer u l-Folklor, Għawdex, 2002, paġna nru. 3

[17] Cassar, Carmel, Daughters of Eve, Malta Mireva Publications, 2002, paġni 130-131.

[18] Dougall, Angelo, Il-Bomblu u l-Għajn Ħażina, L-Imnara Nru. 19, Vol. 5, Nru. 2, 1995, paġni 46-47.

[19] Pisani Ġorġ, Għawdex Joħlom fil-Leġġendi, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 1980, paġna 70.

[20] Attard, Anton F., Mid-Dinja tals-Seħer u l-Folklor, Għawdex, 2002, paġna nru. 75

[21] Attard, Anton, Drawwiet f’Jum l-Irxoxt fil-Birgu ta’ Dari, L-Imnara Nru 40, BDL, 2017

[22] Pisani Ġorġ, Mill-Gżira tal-Ħolm, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, Malta, 1995, Paġni 15-30

[23] Ibid, paġna 144

[24] Pisani, Ġorġ, Mill-Gżira tal-Ħolm, Stamperija Indipendenza, Malta, 1995, paġna 312.