Wasalna fil-ħmistax-il silta ta’ din is-sensiela li fiha qed naqbdu, wieħed wieħed,  mal-karattri tal-fantasija li jeżistu mistoħbija fl-ilsien Malti u niġbru kulma nafu fuqhom, filwaqt li noħolqu stampa tagħhom ħalli nagħrfu karattru minn ieħor.  Nittamaw ħafna li dawn l-istampi, jiġifieri l-ikonografija li qed nippruvaw noħolqu, jiġu aċċettati mill-poplu Malti, u li l-għalliema u l-kittieba jużawhom u jinvestu t-talenti tagħhom fihom biex il-fenominu jikber u tkompli tistagħna l-kultura Maltija.  Tajjeb li nerġgħu ngħidu ukoll li jekk hemm min iħoss li l-istampi, jew l-ikonografija li qegħdin ninbuttaw aħna mhix tajba biżżejjed, nittamaw li talanqas il-kitba tliehem lil ħaddieħor biex jagħmel xi ħaġa aħjar milli għamilna aħna.  Nixtiequ li, x’aktarx għall-ewwel darba fil-kultura tagħna, nagħtu d-dettalji li hemm bżonn biex ħafna mill-karattri tal-fantasija li hemm moħbija fis-subkonxju tagħna jingħataw sura li tingħaraf. 

Min irid jaqra x’għidna fuq il-karattri li ktibna fuqhom qabel, jista’ jsib dan it-tagħrif HAWN.  Din id-darba jmiss li nitkellmu fuq:

IS-SERP TAS-SEBA’ RJUS

Fil-ktieb tal-Apokalissi, kapitlu 12, vers 3, hemm miktub hekk:

Imbagħad deher sinjal ieħor fis-sema: dragun kbir, aħmar nar, b’seba’ rjus u għaxar qrun u seba’ kuruni fuq irjusu.[1]

Serp b’seba’ rjus ilu magħruf sa mill-bidunett fil-Mitoloġija tal-Lvant Nofsani.[2]  Għall-bidu, l-istejjer tal-allat kienu jgħaddu minn missier għall-iben bil-fomm.  Meta, wara eluf ta’ snin, l-istejjer inkitbu u bdew jagħmlu xi ftit sens għalina li qed ngħixu sekli wara, insibu li s-Serp tas-Seba’ Rjus kien jissimbolizza l-qawwa tal-baħar – li meta jkun irrabjat tistħajlu se jibla’ l-art u jkisser kollox; kien serp li l-Kbir tal-allat ikollu bilfors joħodha miegħu u joqtlu jekk ried li s-sliem isaltan fuq wiċċ l-art.[3]  U għalkemm il-ħajja ta’ fuq l-art kienet taħt it-treġija tal-Kbir tal-allat, is-saltna ta’ taħt l-art baqgħat dejjem f’idejn is-Serp tas-Seba’ Rjus, u kien hu li jgħasses id-dħul għaliha.  Is-saltna ta’ taħt l-art kienet il-post fejn, fost l-oħrajn, imorru l-mejtin, u biex jibqgħu deħlin ‘il ġewwa kien ikollhom jgħaddu mill-bieb mgħasses mis-serp.[4] X’aktarx li anke l-Imlejka – minn hemm kellha tgħaddi meta marret tfittex lill-maħbub tagħha li kien insteraq mill-Mewt u ttieħed fid-dinja ta’ taħt.  Biex issibu kellha tgħaddi minn seba’ bibien.

Il-fatt li l-Kbir tal-allat kien ħadha kontra s-serp ta’ ħafna rjus u rebaħlu, tafu anke l-Bibbja.  Fit-Testment il-Qadim, Salm 74, versi 13 u 14 hemm miktub hekk fuq Jaħwe:

Int fraqt b’qawwietek il-baħar u sħaqt irjus id-dragun tal-ilma.  Int farrakt l-irjus tal-Levjatan u tajtu b’ikel lill-klieb il-baħar.

Il-Kangħanin lis-Serp tas-Seba’ Rjus kienu jsibuh bl-isem ta’ Lotan; il-Bibbja tafu bl-isem ta’ Levjatan.

Mhux għaġeb li s-Serp tas-Seba’ Rjus daħal ukoll fil-ħrejjef ta’ missirijietna – li huma werrieta tal-wirt kbir tal-kultura Semitika.  U mhux għaġeb li s-Serp tas-Seba’ Rjus, jew is-Serpentin, jew id-Dragun, ikollu dejjem x’jaqsam mal-ilma, u mad-dinja ta’ taħt.  Waħda mill-ħrejjef tagħna saħansitra ssejjaħ lis-serp L-GĦAĠEB TAL-ILMA.[5]  Meta Pietru l-Lagrimanti qatel lid-DRAGUN DRAGANTI, bint is-sultan qaltlu biex ifittex jaħarqu “għax inkella jinxteħet fil-ħawt tal-ilma tal-ħajja u jerġa’ jsir ħaj.[6]  U forsi tistaqsu: bint is-sultan kif kienet spiċċat f’idejn id-Dragun Draganti?  Kien ħadha hemm raġel riekeb fuq żiemel mogħl’hawn, raġel liebes sabiħ u bi snienu tad-deheb.  Bint is-Sultan marret miegħu kontra qalbha.  Ir-raġel bi snienu tad-deheb niżżilha minn bokkaport li kien jinfed ma’ taraġ twil. Fit-tarf ta’ dan it-taraġ kien hemm bieb tal-ħadid, imma r-raġel bi snienu tad-deheb ma nkedd xejn u fetaħ il-bieb b’daqqa waħda t’idu, għadda mill-bieb, mexa ma’ bint is-sultan tul mogħdija twila, twila, sakemm sab bieb ieħor – u fetħu wkoll.  Ma taqtgħux kemm kien hemm bibien x’jiftaħ?  Iva, sewwa ħsibtu.  Kien hemm sebgħa.[7] 

Biex issib lis-Serp tas-Seba’ Rjus trid dejjem tinżel fil-fond ħafna fil-ġewwieni tal-art.  Meta t-tlett itfal tas-sultan marru jfittxu s-Serp tas-Seba’ Rjus li kien ta’ kull sena jisraq it-tuffieħu tad-deheb li kienet tikber fuq siġra li s-sultan kellu fil-ġnien, dawn it-tlett itfal subien kellhom jinżlu fil-ħofra tas-serp – u dil-ħofra, skont il-ħrafa, kienet “kbira wisq”.[8]  L-ewwel ma żżattat biex jinżel fil-ħofra kien it-tifel il-kbir, u warajh it-tifel il-fustani.  Is-sultan rabat qanpiena ma’ ħabel twil u qal lill-uliedu li huma u neżlin, jekk riedu li jtawlulhom il-ħabel kellhom idoqqu l-qanpiena tliet darbiet, jekk riedu li jieqfu fejn huma kellhom idoqquha darbtejn, u jekk riedu jerġgħu jitilgħu ‘l fuq idoqquha darba.  Imma l-ħofra tant kienet fonda, mudlama, u tal-biża’ li t-tfal ma damux ma daqqew il-panpiena biex jerġgħu itellgħuhom ‘il fuq kemm jista’ jkun malajr.  Kif spiss jiġri fil-ħrejjef, kien it-tifel iż-żgħir li kellu l-ħila jinżel s’isfel nett, u spiċċa biex qatel lis-Serp tas-Sebgħa Rjus billi qatgħalu rjusu b’sejf imsaddad.

 F’Malta għandna mill-inqas post wieħed fejn hemm dagħbien kbir taħt l-art u li jibqa’ nieżel sa taħt il-baħar.  Dan il-post jissejjaħ Ħarq il-Ħammiem, u qiegħed in-naħa ta’ fuq tar-ramla ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan. Ħammiem, bil-Malti tfisser banju – hekk kienu jissejħu dawk il-banjijiet pubbliċi li kienu tant komuni fi żmien il-qedem u għadhom komuni fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani.  Qrib ħafna tal-Belt tal-Imdina hemm Għajn il-Ħammiem, fejn dari kien hemm banju pubbliku, u l-istess f’Għawdex, fejn hemm Għajn il-Ħammimiet fit-triq li tagħti għall-Belt t’Għawdex – iċ-Ċittadella.  Meta l-Maltin kienu għadhom jafu jitkellmu sewwa bil-Malti, kien jgħidu li l-ilma tax-xita “jħarraq” il-blat tul il-miġriet (imġar) minn fejn jgħaddi.  Il-kelma “Ħarq” (mhux ħalq) tingħad għal dawk il-postijiet fejn il-blat ikun tħarraq mill-ilmijiet li ġrew bis-saħħa minn fuqu matul is-sekli.  Il-ħarq, jiġifieri l-gandott jew il-ħondoq li jittiekel bil-miġra tal-ilma jista’ jkun fuq wiċċ l-art.  Imma jista’ jkun taħt l-art – bħal fil-każ ta’ Ħarq il-Ħammiem.  F’dan il-post insibu dagħbien kbir taħt l-art, magħmul minn żewġ għerien enormi, wieħed taħt l-ieħor.  L-għar ta’ taħt qiegħed mgħarraq taħt l-ilma.  L-ilma tiegħu hu xi ftit ħelu fil-wiċċ, imma jsir iktar salmastru int u togħdos ‘l isfel, u fl-aħħar isir ilma baħar.[9]  Matul iż-żmien, il-post qrib Ħarq il-Ħammiem ingħata l-isem “id-DRAGUNARA”.

Lil Patri Manwel Magri kienu qalulu hekk fuq id-Dragunara:

“…jgħidulna li hemma kienu jisimgħu ħsejjes ta’ ħut kbir jitqagħwex u jgħajjat; bħalma jaħsbu li hemm hekk ukoll fid-Dragunara tal-Marfa.  Fil-waħda u l-oħra l-ilma jinbaram ġewwa l-għerien u għalhekk in-nies tal-baħar ma tħobbx tersaq lejhom.”[10]  

Mela hemm Dragunara oħra fil-Marfa.  F’Sardinja wkoll hemm Dragunara: Il Cala Dragunara di Alghero.[11]

Min jaf jekk kienx minn Ħarq il-Ħammiem li bin is-sultan niżel ‘l isfel, u dejjem iktar ‘l isfel, biex jaħbat għas-Serp tas-Seba’ Rjus li kien qed jisraq it-tuffieħ ta’ missieru u jgħattnu u jeqirdu darba għal dejjem?  Jekk inhu hekk, tagħmel sewwa n-nies tal-baħar jekk ma tersaqx ‘l hemm.

Biex inpenġu s-Serp tas-Seba’ Rjus qagħdna għal kollox fuq l-istatwetta li għamlilna l-artist bravu Richard Bartolo.  John Spiteri Gingell ġibed xi ritratti tal-istatwetta u ħoloq dawn ix-xbihat grafiċi minnha, li qegħdin nuruhomlkom hawn taħt.

(C) Ġużi Gatt

REFERENZI

[1] Bibbja Saydon, l-Apokalissi 12.3, Malta, 1977, paġna 771.

[2] https://en.wikipedia.org/wiki/Seven-headed_serpent

[3] https://en.wikipedia.org/wiki/Ba%C5%A1mu

[4] White, Gavin, Babylonian Star-LoreSolaria Publications, 2008, paġna 30.

[5] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, paġni 48-51.

[6] Ibid. Paġna 69.

[7] Ibid. Paġna 59.

[8] Ibid. Paġna 10.

[9] https://www.mepa.org.mt/cave

[10] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, paġna 300

[11] https://it.wikipedia.org/wiki/Grotta_della_Dragunara