It-tagħrif li ġej, fuq is-sengħa tal-barbier, jew tal-parrukkier, ġbartu bis-saħħa ta’ Mikiel Saliba, raġel dħuli u minn tagħna li fi żmienu kien armat bil-ħanut faċċata ta’ Triq Diċembru 13, il-Marsa. Meta kellimtu jien, nhar is-Sibt 20 ta’ Marzu, 2010, Mikiel kien jgħodd disgħa u tmenin sena.  Kitba

Kitba ta’ Ġużi Gatt. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara, Vol 9, Nru 3 (2010).

“Fi żmieni”, qalli Mikiel, “is-sengħa kont tiritha jew titgħallimha m’għand min hu diġa’ tas-sengħa.  Missieri fetaħ dal-ħanut li qegħdin fih fl-1900, u jien, meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel, kont immur fil-ħanut nagħtih daqqa t’id.  Tant kont għadni żgħir li dak iż-żmien kien hawn kaxxi tal-ħalib ngħidulhom tat-Toby, u jien kont nitla’ fuq waħda minnhom biex inlaħħaq mal-klijenti.  Missieri kien iqabbadni, daqqa nissapna bis-sapun il-leħja ta’ xi ħadd,  daqqa jagħtini naqta’ biċċa xagħar, imbagħad naqta’ biċċ’oħra, imbagħad nagħmel xi barbetti, u nibqgħu sejrin hekk sakemm jien inkun drajt is-sengħa kollha”.

Mikiel insista miegħi li hu kien “parrukkier”.  “Barbier” hu dak li jqaxxar il-leħja.  Parrukkier hu dak li jaqta’ xagħar.  Tkellimna fuq il-kelma “titqarweż”.  Qalli li ħafna nies, l-aktar fl-irħula, kienu jitqarwżu, jiġifieri jaqtgħu xagħarhom qasir mad-dawra kollha, bil-makkinetta Nr. 1 jew Nr. 2.  Kien hemm min, anke dak iż-żmien, qalli Mikiel, li kien iqaxxar xagħru QARABASILI,  “u kien ikollna biċċa xogħol iebsa għax konna nqaxxruhielu bil-MUS”.  Imma biż-żmien, l-aktar fl-ibliet, in-nies kienu jridu jaqtgħu xagħarhom BL-ISTIL.  Kienu jgħidulek aqtagħhieli LA INGLIŻA.  Din kienet l-aktar qatgħa xagħar komuni: qasira minn kullimkien, konna ngħidulha “bħal tal-Mużew”, imma bil-ĠUMMIENA, jew troffa xagħar quddiem.  Oħrajn kienu jriduha L’AMERIKANA: minn fuq qasir, u fil-ġenb xejn, kważi mqaxxar għal kollox.  Imbagħad kien hemm qatgħa xagħar LA TALJANA.  Din kienet tkun aktar eleganti, bil-maxta, bil-ferq, bil-barbetti, bil-Brylcream, u hekk”.

Fl-irħula, in-nies kienu aktar jużaw il-kelma XUXA.  Kienu jgħidu “xuxtek”, mhux “xagħarek”.

L-GĦODDA

Ejja nibdew bit-tqaxxir tal-leħja. “Il-leħja kienet titqaxxar bil-MUS, u għall-mus kellna l-MEJLAQ biex insinnuh fuqu; imma kellna wkoll il-FERLA jew FERLIJA.  Il-ferla kienet biċċa mill-qalba tax-xitla li wkoll tissejjaħ “ferla” (Ferula communis) li kienet tinqata’ u titfassal fiċ-ċatt, tindilek bi dlik apposta li konna nsejħulu PASTA, qisha ċikkulata, u tintuża biex ngħaddu l-mus fuqha biex jinsann.  Il-ferla kienet tiekol ferm inqas mill-mejlaq, allura kienet tintuża aktar spiss; kuljum.  Barra minn hekk, imdendla mal-ħajt, il-barbier kien ikollu il-ĠILDA (bl-Ingliż jgħidula stropp).  Billi x-xifer tal-mus jitgħawweġ għax ikun fin ħafna, biex nerġgħu niddrittawh f’postu konna ngħadduh fuq il-ġilda, li tkun ċatta u mqabbda mal-ħajt”.

Mejlaq, Mus u Ġilda

“Jien niftakar żmien” qalli Mikiel, “li lanqas sapun tal-leħja, jew pinzell tal-leħja ma kien hawn.  Kellna bħal fliskatur żgħir tax-xaqquf, li kien ikollu żewġ faldi, waħda minn fejn iżżommu, u l-oħra magħmula nofs tond, biex ikun jista’ jiddaħħal mal-għonq taħt geddum il-klijent. L-ilma jkun fin-nofs, u fil-ġenb ikun hemm post fejn  tqiegħed biċċa sapuna.  Kont ixxarrab idek fl-ilma, togħrok is-sapuna mas-swaba’ tal-id, u tissapna, b’idek, is-sapun ma’ wiċċ il-klijent.  M’għandniex xi ngħidu, trid tagħmel il-misħun, ħalli l-klijent ma jħossx l-ilma kiesaħ.”

Friskatur tat-tqaxxir tal-leħja

Il-barbier jibda jqaxxar il-leħja bil-mus.  Quddiemu jkollu l-WIDNA TAL-LEĦJA – bħal rota żgħira tal-lastiku, imqiegħda fuq stand tan-nickel, u fuq il-widna jkun hemm biċċa karta.  Il-barbier iqaxxar il-leħja, u jimsaħ ir-ragħwa tas-sapun minn mal-mus fuq il-karta li tkun fuq il-widna.  Meta jlesti, il-karta titneħħa u tintrema bir-ragħwa b’kollox.  Wara li jqaxxar il-leħja bil-mus, il-barbier ried ilaħlaħ il-wiċċ, jixxuttah bix-xugaman, u jxappap it-terra bil-MOPPA.  Il-moppa kienet bħal mopp żgħir li jintbill ġo kontenitur tan-nickel mimli bit-terra, u mbagħad jingħadda fuq wiċċ il-klijent.  Aktar tard, tas-Sanita’ iddeċieda li jżomm l-użu tal-moppa, peress li din kienet tintmess ma’ wiċċ kulħadd – u daħlet minflokha il-POMPA tat-terra, li kienet itajjar it-terra permezz ta’ minfaħ żgħir li l-barbier kien jagħfas b’idu”.

Flixkun tan-nickel biex tbexxex l-ilma fuq ras il-klijenti.

“Lil dawk li kienu jiffavoruk b’xi tips, kont tagħmlilhom ftit ĦALLvinegar di tualette – ma’ wiċċhom  L-oħrajn li ma kinux iħallsu, kien ikollhom jikkuntentaw bi ftit PERMANGONAT, minn dak il-vjola, mħallat mal-ilma, bħala diżinfettant.”  “Niftakar ukoll”, qalli Mikiel  “għamla ta’ ġebla, jew ħaffiefa, li konna nsejħulha ALLUME (allume di Rocca, alum block).  Konna nxarrbuha fl-ilma, u ngħadduha mal-wiċċ bħala diżinfettant, u biex twaqqaf id-demm minn xi qatgħa żgħira li setgħet saret bil-mus tal-leħja.”  Interessanti li Mikiel, u barbiera oħra antiki li tkellimt magħhom, kienu jafu l-isem bil-Malti għal din l-allume – XEBB IL-ĠMIEL – isem li jagħtih anke Vassalli fid-dizzjunarju tiegħu.  Kemm dil-kelma kienu jafuha mill-ħajja ta’ kuljum, u mhux minn xi dizzjunarju, joħroġ mill-fatt li wħud minnhom kienu konvinti li l-isem kien “xebb il-ġmied” –  għax hekk kienu jafuh.   Biex inkunu għidna kollox, l-isem sewwa x’aktarx li hu XEBB L-IĠBIEL.  Bil-Malti, “alum” hu “xebb”.

“Kien hawn min ma kienx iqaxxar il-leħja, imma kien iħalli d-DAQNA (sħiħa); jew iħalli daqna “bħal ta’ Neruni” – jiġifieri jqaxxar taħt imnieħru biss; oħrajn kienu jqaxxru l-leħja imma jħallu l-mustaċċi – Il-mustaċċi ġieli kienu jkunu twal ħafna u fit-tarf jindilku biċ-ĊIROTT –  dlik apposta biex it-trufijiet ikunu jistgħu jimbarmu għat-tond; jew kien hawn min ikollu mustaċċi żgħar u jħalli DUBBIEĦA – pinzell żgħir ta’ xagħar taħt ix-xoffa t’isfel”.  Ħafna nies li tkellimt magħhom kienu jafu dil-kelma bħala “dubbiena”, imma Mikiel qalha fil-verżjoni t-tajba: “dubbieħa”.

U l-barbetti? “In-nies li kienu fis-servizzi ma setgħux iħallu barbetti twal, allura kienu jħalluhom qosra.  Imma ħaddieħor ma kienx ikollu dil-problema.  Dawk in-nies li llum nafuhom bħala “regettiera”, imma li fi żmieni kienu jissejħu “reguttara”, kellhom ħabta jħallu l-barbetti twal ħafna, biex jintagħrfu.  Kont tara wieħed bil-barbetti twal ħafna kont tgħidlu: “Int reguttar?” u kien jgħidlek “Iva!”

Il-barbier ta’ dari kien ikollu wkoll ħafna kaxxarezzi – bħal garżelli żgħar – li fihom ċerti klijenti kien ikollhom il-mus,  l-imqass, il-moxt, u x-xugaman tagħhom u, aktar tard, pinzell tal-leħja wkoll.  Dan kollu biex ma wiċċhom jew ma’ xuxthom ma jintmess xejn li jkun mess ma’ ħaddieħor.  Jiġifieri ara x’biċċa xogħol kellu l-barbier” qalli Mikiel, “U dan kollu għal sold u nofs jekk iqaxxar il-leħja, jew tliet karnijiet jekk bil-qatgħa xagħar ukoll.”

Hawnhekk staqsejt lil Mikiel jekk qattx sema’ b’dik iċ-ċagħka li jingħad li kienet tiddaħħal f’ħalq il-klijent biex il-barbier ikun jista’ jqaxxarlu l-leħja.  Mikeil qalli li kien sema’ bil-biċċa, imma ma seta’ qatt jemminha.  “Ejja ngħidu hekk,” qalli Mikiel, “f’dal-ħanut qatt ma daħlet.  U ma naf l-ebda barbier li kien jagħmel ħaġa bħal din.”

IL-QATGĦA XAGĦAR

Għal qtugħ ix-xagħar, l-għodda kienet: L-IMQASS TAD-DENB, MOXT irqiq tal-għadam, il-MAKKINETTA TAL-MOLLA, No. 0, 1 u 2, pompa tat-terra, il-PJUMMIN – pinzell li nfarfru bih, MERA żghira biex lill-klijent turih in-naha ta’ wara.  XKUPILJA għat-tfarfir. Flixkun tan-nickel mimli bl-ilma biex tbixx fuq ras il-klijent qabel il-maxta.

L-għodda kienet tinxtara l-aktar minn għand Frank’s, tal-Belt, u mhux il-barbiera u l-parrukkiera biss kienu jixtruha.  Ħafna nies kienu jqaxxru l-leħja d-dar, u kien ikollhom l-imwies tagħhom.  Meta l-mus ma jibqax jaqta’, kienu jmorru bih għand il-barbier biex isinnulhom. Ġie li l-barbier kien jiġbor l-imwies u l-imqassijiet li kienu joħdulu n-nies u jagħtihom lil xi ħadd tas-sengħa u li jkun magħruf li jsinn tajjeb.  Fost dawn jissemmew ċertu wieħed “Il-Ħoxx” minn Ħal Qormi, u ieħor jgħidulu “Ġuże’ Ċiċra” (ara l-artiklu Il-Parrukkier, fl-Imnara Nru. 11, 1988).

AFFARIJIET OĦRA FIR-RAS

“Meta kien jiġi biex jaqta’ x-xagħar” qalli Mikiel, “il-barbier kien isib ħafna affarijiet oħra fir-ras ta’ wħud mill-klijenti, mhux xuxa biss.  Minbarra l-briegħed u l-baqq mal-ħwejjeġ, xi nies kien ikollhom il-qamel u s-subien f’rashom”.  Dawn suppost li kellu jieħu ħsiebhom il-klijent stess, imma l-barbier ġie li kien mitlub biex jieħu ħsieb xi affarijiet aktar problematiċi minn hekk – ngħidu aħna – il-ĦŻIEŻ (ringworm).

Għall-ħżież il-barbier kien jaqsam ħarruba nejja, ħadra, mit-tul tagħha, u jagħfasha fuq il-ħżieża.  U l-ħżieża kienet tmur.

“Id-DUDA ma kinetx daqshekk faċli biex teħles minnha.  Għad-duda kien hawn il-IODEX (ingwent).  Konna nidilku minnu fuq il-ferita u nistennew u naraw.  Jekk ma jweġibx u l-ġerħa ma tfiqx, konna nagħmlu l-ACTU TAL-ĦALL u l-klijenti tghidx kemm kienu jgħajtu – ghax dak jaħraq. Imma aħraq illum, aħraq għada…meta konna nittawlu u naraw bħal xagħar isfar fin rieġa’ tiela’ minn mal-qurriegħa konna ngħidu: “Kollox sew!  Fejjaqniha!”

“In-nies kien jbatu minn ħafna FELUL.  Ma kinux jafu l-felul biex jiġi – minn kien jgħid bl-inkwiet; min kien jgħid bil-ħmieġ; imma jiġi biex jiġi, xi wħud kienu jsaqsu lill-parrukkier jekk jafx jagħmel xi ħaġa biex ineħħihom”.

“Ġie li smajt min jgħid li biex tneħħi l-felul trid tidlek il-lgħab tal-bebbux, imma ma nafx – qatt ma ppruvajtha dik.  Għall-felul ġie li konna nużaw minn dak l-aċtu li jdewbu d-deheb bih.  Konna naħarqulhom il-felula bih.”

IX-XAGĦAR TAN-NISA

Mikiel hu tal-fehma li n-nisa Maltin ta’ dari, speċjalment dawk tal-irħula, kienu sempliċement iħallu xagħarhom jitwal, u ma kinux joħorġu jaqtgħuh barra d-dar.  Kienu jagħmlu xi toppu, jew jagħmlu malju u jdawruh ma’ rashom b’ċertu gost.  Il-ħwienet għal qtugħ ix-xagħar tan-nisa kienu biss lejn l-ibliet, l-aktar il-Belt u Tas-Sliema.  Meta mara kienet taqta’ xagħarha, ma kinitx ħaġa kbira li ssib lil xi ħadd jgħajjarha “Xantusa”.  Ix-Xantusi kienu dawk in-nisa kantanti li kien ikun hemm f’ċerti ħwienet il-Belt.  Ftit ftit, l-aktar minn wara l-Gwerra ‘l hawn, xi nisa tgħallmu jaqtgħu ix-xagħar, u kienu jilqgħu għandhom nisa oħra fil-privatezza ta’ darhom.  In-nisa tar-raħal kienu jkunu jafu li “t-talija taqta’ xagħar”, u kienu jmorru għandha.  Imma fl-ibliet, Mikiel jiftakar li l-aktar moda komuni kienet li n-nisa jaqtgħu xagħarhom La Bebe, stil li jixbaħ lil dak ta’ Lisa Minelli.  Stil ieħor kien jissejjah Shinger.  Mis-snin ħamsin ‘il hawn, id-dinja mbidlet, u daż-żmien in-nisa jonfqu flejjes kbar biex jaqtgħu u jsebbħu xagħarhom.

Biex ikollna daqsxejn ta’ perspettiva fuq l-affarijiet irridu nsemmu l-fatt li l-BRILLANTINA dehret għall-ewwel darba fid-dinja fl-Exposition Universelle li saret f’Pariġi fl-1900.  Kien ħoloqha il-Franċiż Eduard Pinaud.  Il-BRYLCREAM inħoloq minn ditta f’Birmingham, l-Ingilterra, u ħareġ l-ewwel darba fl-1928.

Minbarra l-Brylcream u l-Brillantina Linetti, Mikiel jiftakar lista qasira ta’ prodotti tal-fwieħa u dlik fuq ix-xagħar li kienu jidhru f’Malta ta’ qabel il-Gwerra: Cussons, Adam & Eve, Yardley, Pompea.  “Kienet komuni wkoll dik li konna ngħidulha “Fwieħa tal-Vjoli” qalli Mikiel.

Mikiel kien tal-fehma li l-Maltin kienu jitgħallmu s-sengħa tal-parrukkier minn xi Taljan li jkun armat f’Malta; x’aktarx il-Belt.  L-ewwel jidħlu lavranti miegħu mbagħad jitilqu u jiftħu għal rashom.  Il-ħabib tiegħi Steve Borg qalli li minn tiftix li għamel hu jidher li l-awtoritajiet Ingliżi kienu disposti li jagħtu l-permess li xi Taljan biex jiġi jaħdem Malta l-aktar jekk ikun xi DULĊIER jew PARRUKKIER, għax kienu jħossu ċertu nuqqas ta’ nies bħal dawn.  Mikiel jiftakar lit-Taljan li kellu ħanut il-Belt bl-isem ta’ MEROLA. “Dan Merola għallem ħafna nies li mbagħad fetħu għal rashom.  Niftakar ukoll lill-Malti Guzeppi Fenech.  Barbier ieħor magħruf, fi Strada Mezzo Di, kien Amante.  Kien hemm ukoll Karmenu minn-naħa ta’ tal-Karmnu, l-Belt.”

KWALITAJIET TA’ XAGĦAR

Staqsejt lill Mikiel fuq l-ismijiet ta’ kwalitajiet ta’ xagħar differenti: “Meta x-xagħar ikun lixx ħafna konna nsejħulu MOGĦŻI, jekk ikun nnukklat irqiq ngħidulu xaghar IMFELFEL (frizzly hair), jekk ikollu ħafna mewġ insejħulu MĠIEGĦED (wavy), jekk ikollu ftit aktar nokkli jkun INNUKKLAT.  Hawn xagħar ISWED, hawn xagħar ISFAR jew BJOND, hawn xagħar QASTNI – jiġifieri minn lewn il-qastan: kannella skur, u hawn xagħar AĦMAR ukoll.  M’għandniex xi ngħidu, hawn xagħar GRIŻ u xagħar ABJAD.”

Ma’ dan nistgħu inżidu li x-xagħar jista’ jkun ĦAFIF (thin) jew FOLT (thick),  Jista’ jkun MIĠBUD jew IMDENDEL, MIMXUT jew IMĦABBELXOTT jew ŻEJTNI.  Meta x-xagħar ikun mħabbel b’mod li meta tomxtu ssib li jkun kollu għoqiedi nsejħulu xagħar IMSEBBEL.  Xagħar IMQANFED ikun bħal tal-qanfud – forsi magħmul hekk apposta bil-ġell!  U llum jista’ jkun ukoll ISSETTJAT, għalkemm jekk ma toqgħodx attent tista’ ssib li minħabba l-blower għandek ħafna xagħar MAĦRUQ.

Agius De Soldanis, fil-ktieb tiegħu Damma tal Kliem Kartaginis mscerred fel fomm tal Maltin u Ghaucin, 1750, kien ta t-tifsira tal-kelma FELFULA.  Qal li din kienet żewġ beżbużiet innukklati rqiq li n-nisa kienu jħallu mdendlin fuq ġbinhom.  Qal, imma, li dil-ħaġa kienet issir “qabel żmienu”.

BARBIER U ĦAJJAT

Hu fatt magħruf li dari, l-aktar fl-irħula u f’Għawdex, il-barbier/parrukkier ma kienx ikollu xogħol biżżejjed biex jaqla’ x’jiekol u jitma’ l-familja bit-tqaxxir tal-leħja u qtugħ ix-xagħar biss.  Il-barbier tar-raħal kien jagħmel xogħol ieħor fl-istess ħanut.  L-aktar ħaġa komuni kienet li l-barbier ikun ukoll ħajjat.  Piju Borg, ir-Regettier bil-ħanut tal-antikitajiet fi Pjazza Savina, r-Rabat t’Għawdex, qalli li Għawdex dari kien hemm barbier li kien jagħmel wkoll iċ-ċumbini tal-bizzilla fuq it-torn, ieħor kien ipitter xi veduti, u ieħor li saħansitra kien jagħmel il-kitarri tal-għana.

ĦINIJIET

Fl-Imnara Nru. 11, 1988, deher artiklu fuq “il-Parrukkier”, miktub minn Ġużi Buontempo fuq noti li kien ħa minn għand Willie Debono, parrukkier il-Gżira.  Fih kien intqal li “Dari l-parrukkier kien jiftaħ fis-sitta ta’ filgħodu u jagħlaq fid-disgħa ta’ fil-għaxija, mit-Tnejn sal-Ġimgħa.  Is-Sibt kien bla ħin, għax ġie li kien idum sas-siegħa ta’ filgħodu, u l-Ħadd ġie li kien joqgħod sas-sitta ta’ filgħaxija.  Dan kien fis-snin tletin, iżda wara ġiet liġi fejn mit-Tnejn sal-Ġimgħa jiftaħ mis-7. a.m sas-7 p.m., u s-Sibt sat-tmienja ta’ filgħaxija, u l-Ħadd sa nofsinhar.  Wara spiċċaw il-Ħdud.”

ĦŻIEŻ, FELUL, U DUDA

Mikiel Saliba għamilli distinzjoni bejn ĦŻIEŻA u DUDA.  Il-ħżieża hi dik li bl-Ingliż jgħidulha ringworm – infezzjoni li tiġi minn ċerti fungi li jgħixu minn fuq il-ġilda, tal-bnedmin jew tal-annimali domestiċi.  Il-fungi li jikkawżaw din l-infezzjoni jistgħu jaqbdu max-xagħar tan-nies, jew mas-suf tal-bhejjem bħall-klieb u l-qtates ukoll.  Dari l-ħżieża kienet ferm aktar komuni mill-lum, u minbarra t-tidwija bil-miżwed aħdar tal-ħarrub, maqsum minn-nofs u magħfus fuq il-ħżieża, l-antiki kienu  wkoll jisħqu xi ħanżir l-art bejn is-swaba’ ta’ idhom, u jidilku kollox fuq il-ħżieża.  Fil-folklor jissemma xi żejt li ġo fih kienu jitfgħu baħbuħa ħajja (cowrie), jidilku l-ħżieża biż-żejt u jgħidu:

Ħzież, ħżieża,

Mur għand ommok il-moqżieża, 

Nirqik, u nerġa’ nirqik,

Sa naqtagħlek l-għeruq li fik.

Il-ħżieża tista’ titlaghlek f’kull parti ta’ ġismek, imma meta l-ħżieża tkun fix-xagħar tar-ras, in-nies minn dejjem kienu jħossu li din tkun iktar iebsa biex tfejjaqha.  Tawha anke isem ieħor – kienu jgħidu li dak li jkun għandu d-DUDA f’rasu (tinea capitis), u kienu jaqgħu għall-ingwent u l-jodju li kien ikollu l-ispiżjar.

L-ARBLU TAL-PARRAKKIER

Mikiel Saliba jgħid li dari, l-barbier u l-parrukkier kien ikollhom xi sinjal, imwaħħal x’imkien mal-ħajt, biex  min ikun għaddej mit-triq jinduna bil-ħanut. Mhux kulħadd kien ikollu tabella bl-isem imwaħħla fuq il-bieb u, hekk jew hekk, mhux kulħadd kien jaf jaqra.  Fi żmien l-Ingliżi, s-simbolu uffiċċjali tal-barbier kien arblu miżbugħ aħmar b’żigarella bajda mdawra miegħu (jew bil-kontra).  Mikiel qalli li dan kien jissimbolizza “d-demm u l-faxxa”.  Imma ħafna drabi l-barbier/parrukkier kull ma kien ikollu mwaħħal mal-ħajt kien ikun ħadida ħierġa ‘l barra u magħha kien idendel xugaman.  Dan kien biżżejjed biex in-nies tinduna li hemmhekk hemm barbier.