F’April tal-2010, ħadt l-inizzjattiva biex nippubblika ktejjeb li jimmarka l-ewwel ċentinarju mit-twelid ta’ Ġużeppi Camilleri li fiż-żmien kien ħaddan l-Ordni tal-Franġiskani Minuri, magħrufa bħala ‘Ta’ Ġieżu’, u ħa l-isem ta’ Patri Alfons Marija.  Patri Alfons jew, kif kienu jgħidulu hawn ir-raħal ‘l-Patri ta’ Sika (għal ommu!)’, kien irnexxa sew fil-kisbiet akkademiċi tiegħu, u kien għalliem tat-Teoloġija u l-Iskrittura fl-Istituti tal-Fraġiskani u lettur fil-Griek Bibbliku u l-Ebrajk fl-Universita’ ta’ Malta.

Kitba ta’ Toni Calleja. Dan l-artiklu oriġinarjament deher f’darbtejn, L-Imnara Nru 34 u 35.

Patri Alfons miet nhar is-16 t’Awwissu, 1994, fil-għomor ta’ 84 sena.   Ftit huma dawk li jafu li sa xi ftit snin qabel mewtu kien beda jikteb il-memorji tiegħu minn mindu beda l-ħajja reliġjuża.  Dawn il-memorji llum jinsabu mħarsa fl-arkivju tal-Provinċja Franġiskana Maltija fil-Kunvent tal-Belt Valletta.  Ma jistax jonqos li l-Għasri jissemma ħafna fil-kitba ta’ Patri Alfons u xtaqt naqsam xi siltiet mill-kitba tiegħu magħkom:

IX-XOGĦOL TAR-RABA’ U T-TROBBIJA TAL-BHEJJEM

Għall-Għasrin, xogħol wieħed biss kien hemm: ix-xogħol tar-raba’; xogħol iebes mill-iżjed u li jirrendi ftit.  Ix-xogħol kollu ta’ xhur sħaħ kien jispiċċa fuq l-andar, u meta jinġabar ta’ fuq l-andar, kienu jibdew jiksru bit-talja (1) biex ilestu l-għalqa għall-ewwel xita.  Tmur tikser taħt xemx taqli ta’ Awwissu ma kenitx xi ċajta.  Biex jiksru dak ir-raba’ niexef qoxqox kien ikollhom jitkissru huma qabel.  La kienu għadhom ħolmu b’xi moħriet jaħdem bid-diżel u lanqas bil-magna tad-dris; sewwa għall-ħrit u sewwa għad-dris xi ħmar jew xi bagħal.  F’Ġunju kienu jlestu l-qiegħa; iballtuha tajjeb bir-romblu (tal-ġebel) u jħalluha tagħqad u tinxef sewwa , u xħin jaħsdu jġorru kollox għal fuqha u jibnu ħalla ħalla (2) madwara.  X’ħin jaraw li t-temp se jiffavurihom jaqsmu (jisserraw fuq il-minġla) l-qatet min-nofs; naħa waħda għall-qasbija u n-naħa l-oħra (n-naħa tas-sbula) jferrxuha fuq il-qiegħa u bid-dris jagħmluha tiben; u għad-dris il-povru ħmar b’għajnejh imgħammda biex ma jistordix u erħilu jdur u jdur siegħa wara l-oħra għal ġranet sħaħ; ġimgħat sħaħ biex tiġbor dak li jkollok: xgħir, qamħ, ċikkarda, ġulbiena, ful, u kif ukoll żerriegħa tas-silla.  Għalina t-tfal l-andar kien l-għors tagħna; anki bil-lejl, konna nieħdu liżar tax-xkejjer, nitkebbu fih minħabba n-nemus, u norqdu hemm fuq it-tiben.

L-Andar

Illum nista’ nifhem aħjar kemm kienet tassew ħajja iebsa għal min kien jinħtieġlu jaqla’ x’jiekol mir-raba’; b’dak biss ma setgħu qatt iwasslu u għalhekk kienu jgħinu ruħhom bit-trobbija tal-annimali.  Nagħaġ, mogħoż, tiġieġ u fniek kien ikollu kulħadd; x’uħud kienu jrabbu wkoll il-majjali jew xi baqra.  Għadni niftakar tajjeb meta darba tad-dar biegħu nagħġa u xħin ftehmu, il-kumpratur ħareġ mill-kartiera tal-flus karta ta’ lira.  Qabżet ommi u qaltlu: “mela int dik il-karta sejjer tagħtini; dik ma rridhiex; jew lira veru jew xejn”.  U hu qalilha: “Ma ġara xejn oħti, ħa lira tad-deheb, dawk xorta waħda jiswew”.  Mur ibdilha llum lira tad-deheb u tara hux xorta jiswew’ imma dakinhar hekk kienu tabilħaqq!

In-nagħaġ kienu t-turment tiegħi; kull nhar ta’ Sibt, u f’kull holiday kien ikolli mmur bihom lejn ta’ Ġurdan jew is-Sagħtrija.  Aktarx ma kienx ikolli qalb immur imma ‘l ommi ma kontx nissogra ngħidilha le; biss kont nitlobha tibgħat miegħi anke lil oħti Peppa (wara Suor Filomena O.P. tad-Dumnikani: 1912 – 1982).  Mela din ftit qabel ma mietet (nhar is-6 ta’ Novembru, 1982), meta konna weħidna f’waħda mis-swali tal-Isptar San Luqa, qaltli: “Tiftakar ħi meta konna mmorru bin-ngħaġ ta’ Ġurdan?  Int kont tħallini waħdi biex tmur tilgħab mat-tfal, jew tarahom jonsbu, u xħin kont insib ruħi waħdi f’dak is-skiet, f’dik il-ħemda, dik il-paċi, b’dak il-baħar ikħal u sabiħ quddiemi, kont inħoss hena kbira f’qalbi u kont insib ruħi nitkellem ma’ Alla.   Ma kontx għadni naf xi tfisser meditazzjoni, imma dħalt soru, u fin-novizzjat għallmuna kif għandna nagħmluha, ftakart li jien il-meditazzjoni kont bdejt nagħmilha waħdi fuq ta’ Ġurdan”.  U spiċċat id-diskors b’din l-espressjoni: “Kemm ġie li ħassejtni magħquda ma’ Alla, hemm, fuq dik il-muntanja”.

Fanal ta’ Ġurdan

Dan id-diskors tagħha tant impressonani, li wara li mietet, qbadt il-vapur, ġejt Għawdex u tlajt fuq ta’ Ġurdan; ridt nagħmel nofs ta’ nhar waħdi hemm fuq biex forsi nħoss dik il-paċi u dik l-għaqda ma’ Alla li kienet ħasset oħti xi ħamsa u sittin sena ilu, meta kien għad għandha xi tlettax-il sena.  Ma ddispjaċinix għax f’dak is-skiet u f’dik il-ħemda, sibt lil oħti u sibt lil Alla.

Niftakar darba xħin mort lura ħdejha biex ngħidilha niġbru n-nagħaġ u mmorru lura lejn id-dar, sibtha ferħana se ttir, imma għal raġuni oħra; għadda in-Naħrik (Ġużepp Sultana: 1874-1956) li kien hemm fuq jonsob għall-gamiem, u xħin ra dit-tifla weħidha, kwieta kwieta, ħass għaliha, qabad gamiema milli kellu fil-gabjun u tahielha.  Xħin wasalna d-dar, ommi qaltilha: “dik għax ħadthielu miskin lin-Naħrik?”; u b’dik il-kelma telfitilha l-gost kollu.

La kellna n-ngħaġ kellna wkoll il-ħalib għal filgħodu mal-kafe, u kellna biex nieklu s-sena kollha għax ġbejniet moxxi jew tal-bżar ma kienu jonqsu qatt.  Għadni nħobbhom u niġġennen għalihom sallum.  Mal-ġbejniet, l-ikel tagħna kien ikun l-aktar bl-imluħa: tonn, inċova, aringi, u żebbuġ kont issibilna dejjem meta tiftaħ il-kexxun tal-mejda.  Mur oħlom bil-fridge dakinhar!  Il-laħam, meta noqtlu xi fenek jew meta nġibu xi daqsxejn mir-Rabat nhar ta’ Ħadd.  Naf li kienu jħobbu jixtru ħafna l-mazzit u s-sonża tal-majjal li kienu jagħmluha fil-melħ u nieklu minnha l-ġimgħa kollha.

Anki tiġieġ kien ikollu kulħadd, u dawn kienu jservu biex bil-bajd tagħhom, in-nisa kienu jagħmlu n-nefqa, għax flus f’idejhom ma kienx ikollhom.  Min jaf in-nanna Modesta kemm bagħtitni ngħarrex minn fuq il-bejt  biex ngħidilha jekk il-flotta Ingliża tidhirx dieħla.  Meta kienet tidħol il-flotta, il-bajd kien jogħla xi sold (E0.01) it-tużżana; għalihom anke dak is-sold iżjed kien flus.  U kemm kienu jiġu xerrejja jħabbtu l-bieb biex jistaqsu għandniex bajd, tiġieġ jew fniek għall-bejgħ.  Imma l-bajd kienu aktar jerfgħuh għal xħin jiġi l-Kwakk (Wiġi Zammit: 1864-1943).  Il-Kwakk, bniedem kwiet, tqatta’ u tiekol minnu; ma kienx jaf x’inhi malizzja.  Kull filgħaxija kien idur ir-raħal kollu, mgħobbi xkejjer u bxiekel, ibiegħ dak li n-nies kienu jenħtieġu għall-ħajja: sal-pitrolju u l-ġarra taż-żejt kien iġorr miegħu.  Iż-żejt kien ibiegħu bil-qasba, il-kbira jew iż-żgħira, b’erba’ taqtiriet ġewwa fiha; anke l-qasba l-kbira kienet żgħira, aħseb u ara ż-żgħira.  In-nies kienu aktarx iħallsuh bil-bajd tat-tiġieġ għax flus ma kienx ikollhom.  Dan il-povru Kwakk sakemm jasal id-dar billejl kien ikisser nofsu, u l-Kwakka (Karmena Zammit xebba Busuttil: 1881-1939) erħilha tagħjat u tirreċta għax dik ma kienet xejn tat-tip tiegħu.  Filgħaxija kienu jiftħu d-daqsxejn ta’ ħanut li kellhom (quddiem in-niċċa tal-Lunzjata), u xi erbat irġiel jinġabru hemm jieħdu xi tazza nbid.

Nagħaġ u mogħoż u annimali oħra ma kinux jinżammu fuq ikel bilanċjat u artifiċjali bħal-lum; kienu jinqdew biss b’dak li jiġbru mir-raba’: tiben u silla, ful u żerriegħa tal-qoton, u fi żmien l-ingliża laqqat kemm tiflaħ; ma kontx tara ħlief nisa għaddejjin bl-ixkejjer fuq rashom u rġiel jgħabbu fuq xi karettun.  Minn kif tilħaq is-silla konna nerħulhom jirgħu fiha, u aħna nieklu l-imgħaseb, u malajr kienet terġa’ ttella’, biss kienet tibqa’ qasira, imma xorta tinxef u tinqata’.  Għat-tiġieġ kien hemm it-tagħsida tan-nuħħala, u l-qaraboċċ; u l-fniek jgħixu jiġru fil-bitħa u fl-imqawel, ilaqqtu minn dak li jħallu l-oħrajn.

Prodott ieħor kien il-kemmun (3), imma kellu ħajja qasira.  Fil-bidu ġab il-flus u kulħadd intefa’ fuqu; wara xi ftit staġuni ma ġewx għalih iżjed u baqa’ ma’ wiċċhom.  Il-produzzjoni tiegħu għebet għal kollox.  Anqas it-tadam ma kien jixxettel; ta’ Għakrex (ta’ Magro) kienu għadhom ma ħolmux bil-magna tal-kunserva (4).  Il-progress ma laħaqniex  meta kont għadni hemm l-Għasri.  Għasir tal-għeneb kien isir, imma dan ukoll b’mezzi primittivi, mhux bħal-lum.  Kienu jitfgħu l-għeneb ġewwa vaski (5) kbar u jidħlu jgħaffġu fuqu b’saqajhom.  Ġie li rajthom ix-xatt għand ta’ Coleiro meta kont immur maz-zijiet nieħu l-għeneb għandhom.

Naħseb li l-itjeb prodott ta’ tfuliti kien il-bettiħ (6) tal-ispag li konna nniżżlu minn ta’ Ġurdan.  Anki d-dulliegħ kien iħabbatha miegħu.  Dik benna!  Dik tjubija!  Ikolli ngħid li bl-użu tad-demel artifiċjali (minjura tan-nitrat) dik il-benna hekk ħelwa llum spiċċatlu l-bettiħ ta’ dawk l-inħawi.  Minn ta’ Ġurdan iz-zijiet kienu jniżżlu tagħbijiet sħaħ ta’ bettiħ u dulliegħ.  Darba niżżlu dulliegħa ta’ kobor eċċezzjonali u n-nanna Modesta qaltli: “Pepp, għax ma tmurx biha l-Wirja ta’ Santa Marija; xi premju tieħu żgur”.  Il-proposta għoġbitni; mort sibt lill-Koxxu jiġi miegħi; għabbejniha fuq il-karettun tagħhom u tlaqna lejn ir-Rabat bid-dulliegħa tiżfen skont iż-żegliga tal-karettun.  Kelli mitt sena li tisbaħ Santa Marija biex immur il-Mall nara xi premju messni; naħseb li kont minn tal-ewwel li għaddejt ir-rixtellu dakinhar filgħodu kif fetħu.  Dort daqsxejn min-naħa għall-oħra sakemm sibt id-dulliegħa, imma premju magħha ma kienx hemm.  Naħseb li wassalniha kollha mġelġla b’dak iż-żeglig kollu tal-karettun u xħin rawha nofsha mħassra, warrbuha.  Kont miftiehem mal-Koxxu li l-premju naqsmuh bejnietna u bqajna b’xiber imnieħer.

IL-KAĊĊA, IS-SAJD, U L-INSIB

U kemm kienet tgħaddi kaċċa dak iż-żmien; speċjalment is-summien  kien jitla’ qtajja’ qtajja’.  Min kien ikollu kelb tajjeb kien jaqbad kemm irid.  Waqt il-passa kulħadd għaddej bil-ħorġa mimlija.  U xi kwantitajiet ta’ merilli kien ikun hemm lejn Wied il-Għasri!  Dak għana meta tibda toqrob lejn il-wied!  Darba rabbejt wieħed, imma fl-aħħar ‘l ommi dejjaqtha għax iħammeġ wisq, u ddeċidejt li nieħdu miegħi ir-Rabat u nara nsibx inbiegħu.  Għand min mort tagħni ħames xelini (E0.58); ħames xelini dak iż-żmien kienu flus; imma xħin ġejt biex noħorġu mill-gabjetta, dan il-merill jaħrabli u bqajt mingħajru u mingħajr flusu.

Fi żmieni anke ċ-ċawl kien għadu jeżisti fi kwantitajiet kbar, u ma kienx biss fuq ta’ Gelmus, imma ma’ kullimkien, u mans kemm jista’ jkun.  Anke l-kaċċa tal-fniek kienet popolari ħafna.  Għadni nara lil Marozz tax-Xnejni (Saliba: 1888-1953), il-Ħadd filgħodu xħin konna sejrin għall-quddies f’tal-Patroċinju, nieżel minn fuq ta’ Ġurdan bi tlett ifniek imdendlin miegħu; u kulħadd jifraħlu.  Anke lejn is-Sagħtrija kien ikun hemm, u darba n-nannu Mikiel (Saliba, tal-Biġiar jew tal-Bidott: 1849-1921) sab bejta, u ħadni miegħu  biex naqbduhom flimkien.  Dak ferħ dakinhar!  Tkun tfal tifraħ b’kollox.

Żmien il-kaċċa kien żgur l-isbaħ passatemp għad-dilettanti li ma kinux ftit; anke jekk dejjem bil-biża’ li sejrin jinqabdu minn xi puluzija.  Passatemp ieħor kien dak tas-sajd; ħafna drabi b’daqsxejn ta’ qasba u xi żewġ nassi, għax dgħajjes u frejgatini ma kellu ħadd.  Anqas il-kmamar li hemm illum f’Wied il-Għasri kien għadom ma nbnew.  Ftit ħafna kienu dawk li bħaz-zijiet kellhom l-imrejkba (il-konz) biex jitilquha għall-lampuki jew l-imsell.

Meta s-sħana tas-sajf kienet tagħfas sewwa, u x-xogħol fir-raba’ u fuq l-andar kien imajna, kienet tibda purċissjoni lejn Wied il-Għasri; kuljum għandek tara lil xi ħadd nieżel ‘l hemm; in-nisa biex jixxabtu mal-blat u jaraw kif se jinżlu sa isfel nett u l-irġiel jinxterdu fl-inħawi, iramplu bin-nassi għaċ-ċawl u l-voparella.  Fi żmieni, ċ-ċawl ta’ Wied il-Għasri kien imfittex ħafna għall-aljotta, u dawk li kienu jiġu bil-kannestru fuq rashom ibiegħu il-ħut, kienu jgħajtu bih: “Ta’ Wied il-Għasri ċ-ċawl…ta’ Wied il-Għasri ċ-ċawl”.

Anki z-zijiet tiegħi Toni u Karmnu kienu minn dawk id-dilettanti; jidhirli li kienu huma li bnew ġo Wied il-Għasri l-ewwel kamra meta akkwistaw daqsxejn ta’ luzzu.  Rari biex kont narahom neżlin u ma nitlobhomx immur magħhom; dik kienet tkun għalija kull darba festa ġdida.  Rikkreazzjonijiet oħrajn ma kellix; naf li kelli seħer għal hemm isfel.  Kulħadd kien isib xi sies jew xi rokna fejn idendel in-nassi, u fl-istess ħin bil-vlontin joqogħdu jistadu għal tal-qiegħ.  Kulħadd kien imur għal rasu, imma xħin isir nofsinhar kienu jinġabru gruppi gruppi flimkien biex dak li jkunu qabdu jixwuh fuq il-ġamar, u jikluh qishom familja waħda.  Bija kienu jinqdew biex immur niġbor il-ħuxlief, iż-żkuk, u r-redus in-niexef ukoll…u jien indur is-Sagħtrija taħt xemx taqli, imma ferħan u kuntent għax qiegħed Wied il-Għasri, u għax qbadna l-ħut x’nixwu.

X’kull ikla konna nagħmlu ġewwa dak l-għar tal-Ħdejdija!  Kemm kien post ħelu, sabiħ, kwiet, u frisk!  Hemm ġew is-sajf kont tinsieh għal kollox.  Xi dnub, fettlilhom jagħmlu dak it-taraġ li spiċċa biex qered l-għar tal-Ħdejdija!  Veru li konna nbatu biex ninżlu sa ġo fih, imma mbagħad il-paċi, l-hena, il-frisk li kien hemm, niżgurak li għadni nħosshom u għadhom f’qalbi.  Lili, z-zijiet kienu jitfgħuni fuq spallejhom u niżżluni mdendel magħhom, u niftakarni nagħlaq għajnejja jien u nieżel għax kont nibża’ nħares ‘l isfel.  Għadni narahom quddiemi dawk il-qabda rġiel imdawrin mal-ġamar, iqallbu l-ħut biex jinxtewa minn naħa u minn oħra.  Dak kien barbecue ħija!…dak il-ħut frisk jaqbeż fuq il-maġmar; xi waħda sabiħa kienu jagħtuha lil Dun Ġużepp ta’ Pawla; għadha tidwi f’widnejja l-kelma: “Din għalik Dun”; u wara ikla ħut iduru għall-ġbejniet tal-bżar, bil-basal u t-tadam, u jtemmu bid-dulliegħ u l-bettieħ tal-ispag minn Ta’ Ġurdan; dak li llum spiċċat il-benna tiegħu.  Xħin ma jifilħux jieklu iżjed jintefgħu żaqqhom ‘l fuq jistrieħu.  Dik għalija kienet tkun mhux l-ikbar festa, imma avveniment ġdid kull darba.  Għaddew tant snin minn dak iż-żmien, imma il-Ħdejdija baqgħet a soft spot f’qalbi.  Ħassejt għafsa kbira meta mort u ma sibthiex iżjed.

Fi tfuliti, sajjied prim kien Ġorg (Galea: 1864-1955) tal-Merkant.  Kien fih mitt gost tisimgħu jirrakkonta fuq l-imgħoddi; allavolja taf li qed iħarref; imma turihx li mhux qed temmnu għax ikollok xi tgħid miegħu.  Meta xjieħ sewwa u ma baqax jara tajjeb, ma tantx qabad ħut iżjed, imma xorta waħda kien jitkaxkar u jinżel sa hemm isfel, u xħin ħut ma jmissux, kien jibda jiġġieled mal-baħar u jobżoq għalih!

Sajjied ieħor tajjeb, speċjalment tal-kaħli, kien Żeppu (Saliba: 1870-1934) tal-Bdott.  Imma dak ħadd ma kien ikun jaf kemm qabad, għax li jaqbad jitlaq bih lejn ir-Rabat biex jagħmlu flus.  Żeppu tal-Bdott kellu don ieħor: kien jaf jagħmel il-fjuri artifiċjali ; forsi għad hemm x’imkien f’Għawdex, xi bukketti li għamel hu, għax dak iż-żmien kien imfittex.

Darba z-ziju Toni niżżilni miegħu wara nofsinhar biex imur jistad għall-imsell; morna Ras ir-Reqqa u beda jlewwaħ għalih bil-qasba.  Ħaġa tal-iskantament, ma kull tefgħa, ġejja waħda, u xi kultant anki tnejn.  Jien sirt kolli għajnejn għax ħaġa bħal dik ma kont rajtha qatt u anqas erġajt rajtha.  F’daqqa waħda l-imsell donnu għeb għal kollox u ma messitx iżjed waħda, (7) imma l-qabda kienet ġmielha u tgħidx kemm ħadet dik il-lejla n-nanna Modesta; kellha x’issajjar għal tmint ijiem.

Iz-zijiet, meta jibda jidlam kienu jmorru għall-kaħli, u billi jien kont norqod man-nanna, kont nibqa’ mqajjem sakem jiġu għax kont immut jekk ma narax kemm ħut kellhom ġewwa l-ġewlaq.  Qatt ma naf li ġew b’xejn; ftit jew wisq in-nanna kien ikollha dejjem x’issajjar meta jinżlu huma.  Il-ħut kien dejjem u għadu l-għaxqa tiegħi.

Wied Il-Għasri

IX-XOGĦOL TAN-NISAFIR-RABA’ U FID-DAR.

Jekk għall-irġiel ix-xogħol kien fir-raba’, għan-nisa kien aktarx fid-dar, imma anki għalihom ma kienx xi xogħol inqas iebes.  Xi daqqa t’id fir-raba’ kienu jagħtuha wkoll, speċjalment fi żmien il-ħsad, u meta kienu joħorġu jlaqqtu xkejjer kbar bil-ħaxixa ingliża.  Mal-faċendi tad-dar kienu jieħdu ħsieb l-annimali li kienu jrabbu; kien xogħol anki dak!  Imma l-ikbar xogħol għan-nisa ta’ dak iż-żmien kienet il-bizzilla.  Kien żmien meta l-bizzilla kienet iġġib il-belli flejjes, kif kienu jgħidu, u ma kienx baqa’ mara li ma taħdimhiex.  Kulħadd bit-trajbu (mħadda) quddiemu u jagħtu b’subgħajhom kollha u b’ħeffa tal-għaġeb.  Fejn kien jsibu xi roqgħa dell kienu jinġabru flimkien biex ma’ subgħajhom iħaddmu wkoll ilsienhom, imma xħin isir il-ħin jibdew ir-rużarju, bix-xogħol dejjem għaddej.

Kien hemm ċertu Toni Tal-Magna mir-Rabat li x-xogħol tiegħu kien dak li jagħmel id-disinji tal-bizzilla; in-nies wara l-bieb tiegħu f’dik it-triq dejqa ħdejn San Ġorġ ma kienu jaqtgħu qatt; ma nafx kinux disinji li jagħmel minn moħħu jew in-nisa stess jgħidulu kif iriduhom; imbagħad ipoġġuhom fuq it-trajbu biex ix-xogħol isir skont id-disinn li jkollhom.  Ħafna drabi pero’, dawn id-disinji kienu jagħtuhomlhom dawk stess li kienu jinnegozzjaw fil-bizzilla.  In-nies tal-Għasri kienu jaħdmu l-aktar ma’ Tal-Gaberr mill-Għarb, ma’ Tax-Xelina minn Ta’ Sannat, u ma’ Tax-Ximri minn-Nadur.  Anke z-ziju tiegħi, iz-ziju Ġanni (Tal-Għani, jew Taż-Żammit: 1889-1953), ħu missieri, għamel żmien jiġbor ix-xogħol tal-bizzilla u jmur bih Malta; niftakru jsemmu lil ċertu Mabbli li kien jinnegozja miegħu; Ġanni kien bniedem li għax-xogħol tar-raba’ ma kienx jinqala’ u sab mezz kif jgħin ruħu anki hu bil-bizzilla.  Ommi u ħuti wkoll kienu ħaddiema tajbin tal-bizzilla, u wrew x’jafu jagħmlu bil-kamżu (l-alba) sabiħ li ħejjewli għall-Ewwel Quddiesa tiegħi.  Għadu miżmum b’għożża sa llum fil-Kunvent tagħna tal-Imdina fejn ħallejtu meta tlaqt għal Ruma fl-1934, u jinqdew bih fil-festi.

Ma nafx x’kienet il-biċċa, imma ġara li ommi u ħuti telqu x-xogħol tal-bizzilla u ntefgħu fuq in-newl.  Kienu jinsġu kull xorta ta’ xogħol bl-istess materjal li n-nies kienu jġibulhom, jiġifieri suf tan-ngħaġ, u tajjar tal-qoton, abjad jew aħmar; kienu jiġu għandhom anki nies miż-Żebbuġ u mill-Għarb.  L-iżjed li kienu jinsġu kienu l-fradi tas-suf għax dawn kienu l-gvieret ta’ dak iż-żmien.  Kull farda daqsiex u l-briegħed jixxalaw fihom.  Kemm kien hemm briegħed fi tfuliti.

Kulħadd għonqu  aħmar bil-ħmieġ tagħhom!  It-trab li joqtolhom kien għadu ma nstabx; ħadd ma kellu l-kamra tal-banju, u ma naħsibx li kienu jiffittaw iżżejjed fl-indafa.  Dawk il-gvieret fis-sajf kienu jniżżluhom Wied il-Għasri biex jaħsluhom hemm.  Kienu jagħmlu soror kbar u jwaddbuhom minn hemm fuq għal isfel, u mbagħad jixxabtu huma u jinżlu mal-blat għax dak it-taraġ li hemm illum ma kienx għadu jeżisti.  Dak sar bis-saħħa ta’ Dun Ġużepp Galea Tal-Orjenti.   Meta sar Kappillan (fi Frar 1922) xi ħadd webblu biex jinżel sa Wied il-Għasri.  Kif ra n-nies jiddendlu ma’ dak il-blat baqa’ miblugħ.  Dakinhar stess għamel f’moħħu li jirrimedjalhom xi ħaġa. Bil-konoxxenzi li kellu hu u niesu – Tal-Orjenti dak iż-żmien kienu nies magħrufin sewwa  – milli jidher ma sabx diffikultajiet kbar għax ma damux wisq biex ġew il-ħaddiema tal-Gvern u għamlu dak it-taraġ li għadu hemm sa llum.  Kif kienu jagħmlu biex jinżlu, u kif kienu jitilgħu b’dawk il-ħwejjeġ li jkunu ħaslu, għadu għalija misteru sa llum, allavolja sakemm domt l-Għasri dak it-taraġ ma kienx jeżisti.  Bilfors konna drajna nixxabtu u ma konna nsibu xejn tqil.

Ix-xogħol tan-newl ta’ ommi u ħuti saru jafu bih anki Malta, u Mrs. Cecilia De Trafford, li kienet tiġi bint Lord Strickland, meta fettlilha tiftaħ ħanut bil-prodotti Maltin ħdejn id-Dwana, permezz ta’ Pawlu Portelli Tal-Lingi, talbithom  jibagħtulha xi xogħolijiet minn tagħhom.  Milli jidher, l-ordnijiet għalihom kibru, u Mrs. De Trafford offriet lil oħti Lonza biex tmur tinseġ għaliha biss, f’post li hejjitilha fuq is-sur ta’ Santa Barbara, il-Belt.

Din l-impriża ta’ Mrs. De Trafford tant irnexxiet li ddeċidiet li tiftaħ fabbrika tan-newl apposta, ir-Rabat, l-Imdina; ġabet ħafna nwiel mill-Ingilterra; impjegat ħafna tfajliet; laħaq li kellha tletin, erbgħin tfajla, u lil oħti Lonza għamlitha supervisor fuqhom.  Maż-żmien iddeċidiet li anki f’Għawdex tagħti rkaptu għal dan in-negozju u reġgħet inqdiet b’oħti u bagħtitha fejn kien hemm il-każin ta’ Strickland fit-Tokk, li kien bini tagħhom; imma f’Għawdex ix-xogħol ma tantx qabad u wara xi ftit tas-snin spiċċa fix-xejn u oħti reġgħet lura Malta.  Mrs. De Trafford ma nsiet qatt dak kollu li oħti Lonza kienet għamlet magħha.  Meta mardet kienet hi li ħadet ħsieb tibgħatha l-Ingilterra u meta mietet imxiet warajha ma’ tal-familja.  Kellu jkun in-newl li minħabba fih il-familja spiċċat mill-Għasri.  Meta Lonza baqgħet Malta (fl-1946) ġarret magħha lill-iżgħar fost ħuti: Rita (1926-…), u meta din iżżewġet Malta (lil Ċensu Muscat mir-Rabat t’Għawdex) ġabret magħha anki lil ommi.  It-tnejn l-oħra – waħda marret soru Dumnikana, u l-oħra (Marija: 1915-2003) spiċċat l-Awstralja, u ġewwa l-Għasri ma baqa’ minna ħadd.

Dan id-diskors bdejtu biex insemmi liema kien dak iż-żmien ix-xogħol tan-nisa.  Niftakarhom iballtu l-bjut, għax dawn kienu għadhom isiru bid-deffun.  L-irġiel itellgħu il-bini kollu, u lin-nisa jħallulhom il-bejt biex iballtuh; kienu gruppi ta’ nisa li jiġru minn raħal għall-ieħor fejn iqabbduhom; ma naħsibx li kien hemm minnhom mill-Għasri.  Wara l-bieb tad-dar tagħna (id-Dar tat-Tuta) kien hemm (deffuna) żewġ blatiet kbar, waħda forma ta’ romblu, biex bihom jintaħan id-deffun; kienu jiġu jinqdew bihom nies mill-Għasri u miż-Żebbuġ.  Naħseb li għadhom hemm sa llum.

U kellhom xogħol ieħor in-nisa dak iż-żmien: il-ġarr tal-ilma! Kienet problema serja wisq iżjed mil-lum. Illum forsi jiġri li tiftaħ il-vit u l-ilma ma jinżilx, imma dak iż-żmien anqas vitijiet ma kellna x’niftħu; kont trid tmur iġġibu minn fuq l-għajn, u għar-raħal kollu tal-Għasri ma kienx hemm ħlief waħda, in-naħa ta’ fuq, ħdejn il-ħanut Tal-Kwakk.  U tan-naħa t’isfel x’se jagħmlu?  Jinqdew b’xi bir ‘l hawn u ‘l hemm li jkun tajjeb għax-xorb; u meta l-bjar ma jimtlewx kien ikollhom iġewzu anki bl-ilma! Fl-aħħar, bit-tħabrik ta’ Dun Ġużepp Tal-Orjenti saret waħda anki hemm isfel; waħda minn dawk b’manilja kbira biex tippompja b’saħħtek kollha, jekk trid ittella’ l-ilma; poġġewha fil-post li konna ngħidulu Taħt l-Arkata, f’dik il-kantuniera”.

1. L-espressjoni ‘jiksru bit-talja’ huwa mod partikulari ta’ kif jinħadem ir-raba’ fl-eqqel tas-sajf; jiġifieri mod ta’ għażiq meta l-art tkun niexfa qoxqox. L-għażiq, jew il-ksir, kien isir bil-korxin jew bil-fiesa b’mod li l-art tinqala’ tub tub, li l-bidwi, kull waħda, jaqlibha warajh ta’ taħt fuq.

2. ‘Ħalla’ hija speċi ta’ munzell, imma flok kwadrata, kien ikollha forma rettangolari.

3. Il-kemmun beda jiġi mkabbar f’Għawdex fl-1913 (Id-Devot ta’ Marija ta’ Settembru, 1916, Nru. 9, p. 143)

4. Il-magna tat-tadam ta’ Għakrex, dakinhar bl-isem ta’ St. Mary, bdiet taħdem nhar il-Erbgħa, 28 ta’ Lulju, 1937 (Il-Berqa, 2 t’Awwissu, 1937, p. 11)

5. Hawnhekk Patri Alfons irid ifisser mastelli nofs bittija; bittija tal-injam isserrata minn nofsha.

6. Il-bħajra (bettieħ u dulliegħ) f’Għawdex bdiet tiġi mkabbra b’mod abbundanti madwar is-sena 1920.

7. Din il-kwalita’ ta’ sajd huwa teknikament magħruf bħala “sajd bil-fiena”. It-terminoloġija wżata mis-sajjieda tal-fiena hija “tlewwaħ għall-imsell”.  Fis-sajd tal-fiena ma jintużawx snanar, iżda minflok ikun hemm biċċa għerq ta’ barri li malli l-imsella tigdmu jew tmiss fuqu, snienha jeħlu fl-għerq b’mod li ma tkunx tista’ tinqala’.  Dan it-tip ta’ sajd isir biss fil-bikri meta l-imsell ikun għadu rqiq.  Meta jeħxien, l-imsell jistaduh bil-mitlaq jew bil-konz.  Fis-sajd bil-fiena, s-sajjied irid isib il-post addattat, voldieri fejn il-baħar ikun kemmxejn imċaqlaq.  Imbagħad irid jibda jagħlef sakemm jinġabar l-imsell.  Meta l-imsell jinġabar, tistenna ċ-ċafċifa u tlewwaħ fir-ragħwa.  Mal-messa trid tiġbed pront għax inkella l-imsella toqgħod titħabat biex teħles u tgerrrex lill-oħrajn.  L-istess bħas-sajd tal-kaħli, jekk ma tkunx ħafif (fost is-sajjieda, t-termnu użat huwa: “jekk ma tkunx ħalliel”)  taqbad waħda bi żball u tista’ żżarma.  Kif aċċenna Patri Fons, filli tkun iġġib waħda għal waħda, u tnejn tnejn ma kull tefgħa, imbagħad jaqta’ f’daqqa.  Imma dak mhux għax ma jibqax imiss, imma għax ikun kamp imsell u jkun inqabad kollu.