Li hawn iddokumentati fil-gżejjer Maltin.

Kitba ta’ Arnold Sciberras, Disinji ta’ Jeffrey u Romario Sciberras. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Vol 9(2008)1 Nru 32.

Kulħadd sema’ bl-insett li jgħidulu  “ħelikopter”. Il-maġġoranza tal–poplu Malti b’dak il-laqam jafu. Imma l-isem bil-Malti ta’ dawn il-ħlejjaq proprjament hu “Mazzarell” – jew għall-inqas hekk beda jidher iddokumentat fil-bidu tas-snin sebgħin. Issa meta tfittex fid-dizzjunarju Malti, il-kelma ‘mazzarell’ hija mfissra bħala tip ta’ musmar partikolari, u ma tirreferi għall-ebda insett. Il-laqam “ħelikopter” li ġie mogħti lil dan l-insett huwa marbut mal-moviment ta’ kif itir, u mal-għamla li għandu. Dawn iż-żewġ aspetti jagħmluh jixbaħ ħafna lill-ħelikopter – il-mekkanizmu li vvinta l-bniedem, u x’aktarx li b’dak il-laqam se nibqgħu niftakruh. Peress li huwa insett speċjalizzat biex jikkaċċja ħlejjaq oħra tad-daqs tiegħu jew iżgħar minnu, f’ċerti nħawi, fiż-żminijiet l-imgħoddija, kienu ukoll jirreferu għalih bħala “l-mewt”. L-anzjani tal-lum infurmawni li għall-inqas in-nanniet tagħhom hekk kienu jsibuh. Illum dan l-isem ma tantx għadek tisimgħu.  Mill-banda l-oħra, l-isem “Ċikku Ġwiebi”, li kien jintuża dari, u li kien iħabbatha mal-ieħor, għadu jingħad minn numru ta’ raħlin. Dan il-fattur jispikka fir-raħal ta’ Ħad-Dingli. Dan l-isem jixraqlu lil dan l-insett għax  qisu bħal xi ħaġa mitlufa, ifittex u jiġri minn ġibjun għall-ieħor.

Illum, madwar id-dinja jinstabu xi 5,500 speċi ta’ mazzarelli u damiġelli (bl-Ingliz; Dragonflies u Damselflies) li huma miġburin fi 30 familja. Fil-Gżejjer Maltin s’issa instabu 17-il speċi u bi ftit  iktar riċerka, n-numru ta’ speċijiet għandu mnejn ikompli jiżdied peress li qegħdin fuq gżira u ħafna minn dawn  l-insetti jpassu u hemm ċans li naraw oħrajn li ma konniex nafu bihom. Uħud minn dawn l-ispeċijiet huma residenti u jkattru b’mod regolari f’pajjiżna. L-ikbar speċi li żżur lil gżiritna imma hi ukoll f’pajjizna hija is-Sultan Prim A,imperator, li l-ftuħ ta’ ġwinħajha kapaċi jlaħħaq sa 10 centimetri, u bħala speċi għadha pjuttost komuni.

Bħala damiġella għandna żewġ speċi ddokumentati iżda waħda minnhom, li hi I,genei, hi residenti lokalment. Din tal-aħħar tinstab biss Malta u erba’ gżejjer oħra u tista’ tgħid li hija l-iżgħar speċi minn din l-ordni ta’ insetti primittivi ġo pajjiżna.  Il-ftuħ ta’ ġwinħajha mhux aktar minn 4 centimetri. Din tingħaraf faċilment għax meta tkun qiegħda wieqfa tagħlaq il-ġwienaħ bħall-farfett; filwaqt li l-mazzarelli iżommuhom dejjem miftuħin.

L-iskop ta’ din in-nota hu li jiġu reveduti l-ismijiet bil-Malti tal-ispeċi partikolari li ġew iddokumentati ġo pajjiżna filwaqt li jingħataw ismijiet ġodda lil dawk li għal xi raġuni jew oħra qatt ma kellhom isem Malti. Nistgħu ngħidu li meta xi ħadd mill-poplu komuni Malti jara wieħed minn dawn l-insetti, huwa jrreferi għalih bħala mazzarell in ġenerali u mhux bl-ispeċi tiegħu direttament – bħal ma jiġri fil-każ tal-għasafar. Għalhekk, inħasset il-ħtieġa li l-ispeċi jingħatalhom isem bil-Malti sabiex dawn jistgħu jiġu rreferuti b’mod korrett u anke meta jiġu biex jinkitbu, dawn ikunu korretti. Fil-passat ftit kien hawn kitba lokali fuq dawn l-insetti imma  riċentament l-istudju fuq dawn il ħlejjaq żdied. Dawn l-ismijiet ingħataw b’ċertu ħsieb u reqqa mill-awtur u kollegi tiegħu biex

  1. ikunu komdi biex jiġu nterpretati mill–pubbliku u,
  2. biex jispjegaw sa ċertu prinċipji l-ispeċi nfisha li ġiet imsemmija u b’hekk tkun tista’ ssir distinzjoni bejn speċi u oħra bil-lingwa lokali.

Il-lista

  L-isem xjentifiku        L-isem Ingliż      L-isem li kellu diġa ppublikat.

       

L-isem korrett li ngħata f’dan ix-xogħol.

 

  ZYGOPTERA      
  Calopterygidea      
1 Calopteryx virgo Beautiful Demoiselle   Damiġella Prima
  Coenagrionidae      
2 Ischnura genei Island Bluetail Damiġella Damiġella
  ANISOPTERA      
  Aeshnidae      
3 Aeshna mixta Blue-eyed Hawker   Sultan Rari
  Anax      
4 Anax ephippiger Vagrant Emperor Id-Dehbi (ma kienx ippublikat imma hekk jafuh iż–Żrieraq. Sultan Dehbi
5 Anax imperator Blue Emperor Mazzarell Sultan Sultan Prim
6 Anax parthenope Lesser Emperor   Sultan Sewdieni
  Crocothemis      
7 Crocothemis erythraea Broad Scarlet Mazzarell Skarlat Skarlat
  Orthetrum      
8 Orthetrum brunneum Southern Skimmer   Kaħlan Rari
9 Orthetrum cancellatum Black-Tailed Skimmer Mazzarell tal-istrixxi. Kaħlan tal-Faxx
10 Orthetrum coerulescens anseps Keeled Skimmer Mazzarell Kaħlan Żgħir
11 Orthetrum nitidinerve Yellow-veined Skimmer   Kaħlan tal-Vina Safra
12 Orthetrum trinacria Long Skimmer Mazzarell Mislut Kaħlan Prim
  Selysiothemis      
13 Selysiothemis nigra Black Pennant   Mazzarell Żgħir
  Sympetrum      
14 Sympetrum Fonscolombii Red-veined Darter Mazzarell Aħmar. Ħamrani
15 Sympetrum striolatum Common Darter   Ħamran Mitfi
  Trithemis      
16 Trithemis annulata Violet Dropwing Mazzarell Vjola Vjollett
17 Trithemis arteriosa Red-veined Dropwing   Ħamran Rari

Wasal iż-żmien li l-ismijiet preżenti  tal-ispeċi ta’ flora u fawna lokali u dawk li se jiġu msemmija jiġu kkonservati u jekk hemm bżonn immodifikati għall-bżonnijiet t’issa. Fil-ġejjieni, b’mod profesjonali, għandhom  jiġu reveduti minn grupp ta’ nies speċjalizzati fil-lingwa. Dak ikun l-ideal biex xi darba nġibu n-nomenklatura lokali fuq saqajha. Dan it–tim organizzat minn xi taqsima edukattiva għandu jkollu l-inkarigu li jistabilixxu l-ismijiet Maltin tal-ispeċi kollha ta’ flora u fawna. Għal kull fergħa ta’ studju dan it-tim jikkonsulta ma’ nies esperti fil-qasam rispettiv. Dawn jagħtu pariri fuq is-suġġett tagħhom u jipprovdu listi  tal-prima materja, inkluż ukoll lista ta’ letteratura fejn ismijiet eżistenti jkunu diġa’ ntużaw. Jagħtu wkoll is-suġġerimenti tagħhom imma d-deċiżjoni finali tkun dejjem ta’ dan it-tim prinċipali, għax għalkemm, per eżempju, l-entomologu jkun espert fl-insetti ma jfissirx li huwa espert tal-lingwa. Dik hija l-linja tal-lingwisti u tal-esperti tal-Malti, li probabbli jkunu wkoll għalliema b’esperjenza ta’ kif trendi l-lingwa faċli u kif twassalha lill-poplu.    Id-deċizjoni tagħhom tkun  finali  u  l-l-ismijiet li jiġu stabbiliti jsiru n-nomenklatura uffiċjali li trid tintuża’ minn kulħadd. Barra  minn Malta, fejn jibżgħu għall-lingwa, hekk isir,  u  dan huwa wieħed minn l-aħjar modi kif tikkonserva l-lingwa.  Forma lokali  ta’ dan it-tip li hija imsemmija hawn fuq u li nħoss li għandna nieħdu eżempju minnha saret biss fuq l-ornitoloġija (l-istudju tal-għasafar). Fil-bidu tas-snin sebgħin, is-socjeta’ ornitoloġika ta’ Malta (illum magħrufa bħala BirdLife Malta) ħasset il-ħtieġa li twaqqaf kumitat li ngħata l-inkarigu li jgħarbel u jistudja liema kien l-aktar isem  addattat għal kull speċi, biex fil-kitba ta’ din l-għaqda jintuża l-istess isem u ma jkunx hemm varjazzjonijiet li jkomplu jfixklu lil dak li jkun. Barra minn dan ħadu ħsieb li  jintgħażel l-aħjar isem ġdid għal dawk il-ħlejjaq li ma kellhomx, kif ukoll biex jibdlu xi wħud li kienu ambigwi u xejn addattati. S’intendi dan hu wieħed mil-iżjed friegħi ta’ studju li jinteressa l–maġġorranza tan-nies  u tan-naturalisti lokali; u meta tara l-livell ta’ tħarbit li għadha fih in-nomenklatura Maltija, dan hu l-aktar xogħol professjonali u ta’ eżempju ta’ kif għandu jitkompla ix-xogħol fuq din il-fergħa ta’ studju u friegħi oħra.

Ħajr.

L-awtur jixtieq jirringrazzja u jagħraf li l-ismijiet ta’ dawn l-ispeċi ngħataw  bl-għajnuna ta’ analizi magħmula minn Victor Falzon, li għandu esperjenza vasta fuq in-nomenklatura lokali u ta’ Godwin Degabriele. Ħajr ukoll lil Esther Schembri u lil Romario u Jeffrey Sciberras tal-għajnuna fit-tfittixija fuq dan is-suġġett. Grazzi wkoll lil Raycine Cassar tal-ilustrazjoni li qed takkumpanja lil dan ix- xogħol.

Referenzi.

SULTANA, J & FALZON V (Ed) (2002) Wildlife of the Maltese Islands, Birdlife Malta & Nature Trust, Malta 336pp.

BONETT, G & ATTARD, J (2005) The Maltese Countryside Vol. 2 PEG Publications.  392pp

EBEJER, M.J., DEGABRIELE, G. & SCIBERRAS, A. (2008) An Annotated Checklist of Odonata of the Maltese Islands, with evidence for recent influx of species Libellula 27 (1/2):133-145.

FALZON, V. (2007) 2 Mazzarelli Godda! Ħuttafa Nru 82. Birdlife Malta:2

SCIBERRAS, A.  (2007) Xi Ħaġa Fuq Ċikku Ġwiebi!. L-Orizzont  Marzu 14, pg 19.

SCIBERRAS, A.  (in prep.) Orthetrum nitidinerve in the Maltese Islands.

SCIBERRAS, A. & SAMMUT M. (2008 in print) On the occurrence of Caleopteryx Leach,1815 in the Maltese Islands. Central Mediterranean Naturalist 4(3)

SCIBERRAS, A., SCIBERRAS, J.   &MAGRO, D. (2007)  A Celebration of Dragonflies. The Malta Independent. 19 ta’ Novembru, pg.8-9.

TURNER, N. (2007) A new Discovery for the Maltese Islands. ‘The Maltese Herald’, 23 t’Ottubru: 13.

VALLETTA, A. (1949) A preliminary list of the Odonata of the Maltese Islands. The Entomologist 82: 85 – 87.

VALLETTA, A. (1957) Second contribution to the Odonata of the Maltese Islands. The Entomologist 90: 306 – 307.

Sultan Prim – Anax Imperator