Il-mitħna hi għodda maħluqa mill-bniedem biex titħan. It-tħin tal-qamħ, tax-xgħir, u tagħam ieħor ta’ din ix-xorta ilu jsir sa mill-qedem, u għalina l-Maltin, l-għamil tal-ħobż – ħobżna ta’ kuljum – kien u għadu parti minn ħajjitna.
Kitba ta’ George Cilia. Dan l-Artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru. 37, 2013.
Dari l-bidwi Malti jien jaħsad il-qamħ bil-minġel, jorbtu qatgħet qatgħet, iġorru għal fuq il-qiegħa, jifirxu fuqha, u jidirsu billi jġiegħel il-bhejjem tiegħu iduru fuqu u jisħquh b’saqajhom, sakemm is-sbula titfarrak u l-qamħ jingħażel mit-tiben u l-karfa. Il-bidwi kien iderri bil-midra u jlewwaħ bil-luħ sakemm fuq il-qiegħa jibqa’ biss il-qamħ li tant tħabat biex akkwista.
Il-qamħ kien jittieħed għand tal-mitħna, u t-taħħan kien iqiegħdu bejn żewġ ġebliet kbar u tqal, u waqt li dawn iduru, l-qamħ jintaħan u jsir dqid, smid, u nuħħala.
Mal-mixja taż-żmien dan ix-xogħol beda jsir minn makkinarju li għall-bidu kien jitħaddem minn bhima, bħal xi bagħal, żiemel, jew anke xi ħmar, li jkun marbut f’xi remissa b’għajnejh mgħammdin, idur u miegħu idawwar il-ġebla tal-mitħna. Il-prinċipju hu bħal dak tas-sienja, imma l-makkinarju jkun apposta biex il-mitħna titħan, u s-sienja ttella’ l-ilma. Mitħna bħal din tissejjaħ Mitħna tal-Miexi. Ġie żmien meta t-teknoġija tal-bniedem ħolqot imtieħen li jaħdmu b’raddiena li ddur minn qlugħ imbuttati mir-riħ. Il-mitħna bdiet tissejjaħ Mitħna tar-Riħ, u kienet aqwa minn bhima ghax fir-rħ ma tgħejja qatt. Tistrieħ biss meta r-riħ jieqaf.
It-taħħan tar-raħal, fl-interess tiegħu, josserva r-riħ, u meta jkun riħ tajjeb isejjaħ lin-nies biex jiġu bil-qamħ tagħhom, billi jdoqq il-Bronja – qoxra ta’ bebbuxu kbir tal-baħar, b’tarf imtaqqab biex il-qoxra tiġi qisha trumbetta. Ġieli kien imur it-taħħan stess, idur bil-ħmar, jiġbor l-iskejjer u ċ-ċrienen mimlija qamħ minn għan in-nies, u jerġa’ jroddilhom id-dqiq, is-smid, u n-nuħħala wara li jitħallas ta’ xogħlu.
Mitħna tar-riħ. Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg
Dari, kważi kull familja kienet tagħġen l-għaġina għall-ħobż hi stess, u l-familji tal-bdiewa kienu jużaw il-qamħ li kabbru fl-għelieqi tagħhom. Il-mitħna u t-taħħan kienu indispensabbli, u f’Malta hawn xhieda ta’ mtieħen tal-miexi sa minn ferm qabel il-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’pajjiżna.
X’aktarx li l-imtieħen tar-riħ daħħluhom f’Malta il-Kavallieri. Ħafna inċiżjonijiet li juru xeni tal-Assedju l-Kbir tal-1565, bħal dawk ta’ Nicolo Melli u Antonio Lefreri, juru mitħna, u xi kultant anke tnejn, wara s-swar tal-Forti San Mikiel fl-Isla. Il-Kavallieri kienu ħadu l-kontroll ta’ ħafna mit-tmexxija tal-pajjiż f’idejhom, imma fi żmienhom, il-Maltin kienu baqgħu jieħdu ħsieb l-importazzjoni tal-qamħ, importazzjoni li qabel ma ġew huma kienet ilha għal żmien twil f’idejn il-Ġemgħa, jew l-Universita’, tal-Imdina. Minbarra dak li jitkabbar hawn mill-bdiewa tagħna, l-qamħ kien jiġi mpurtat minn Sqallija, forsi wkoll anke mitħun u lest, kemm jintagħġen u jsir ħobż. Il-Kavallieri bnew ukoll il-fosos tal-qamħ , l-ewwel fil-Birgu u f’Sant’Iermu, il-Belt, u fi żmien il-ħakma Ingliża nbnew dawk tal-Furjana. L-aktar li ħadem fil-qasam tal-imtieħen tar-riħ kien il-Gran Mastru Nicolas Cotoner. Fit-22 ta’ Settembru, 1674, il-Kunsill tal-Ordni kien awtorizza lill-Fundazzjoni Cotoner biex tibda x-xogħol fuq imtieħen tar-riħ f’Bormla, Ħaż-Żebbuġ, u l-Furjana. Biż-żmien dawn l-imtieħen kont issibhom f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex.
Dari l-bdiewa kienu jidirsu il-qamħ fuq il-qiegħa; jagħrblu l-qamħ midrus biex inaddfuh mill-karfa u, ftit ftit matul is-sena, jieħdu l-qamħ għand tal-mitħna biex jitħanhulhom fi dqiq, smida, u nuħħala. Id-dqiq jagħġnuh biex jagħmluh ħobż, u tal-forn kien jaħmihulhom; is-smida għal xi qagħaq u ħlewwiet oħra; u n-nuħħala għat-tiġieġ. Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg.
lill-Fundazzjoni Cotoner biex tibda x-xogħol fuq imtieħen tar-riħ f’Bormla, Ħaż-Żebbuġ, u l-Furjana. Biż-żmien dawn l-imtieħen kont issibhom f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex.
Kemm il-mitħna tal-miexi kif ukoll dik tar-riħ baqgħu jitħaddmu f’Malta sa ma faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-gwerra, bit-theddida tal-ġuħ, it-tħin tal-qamħ ittieħed kollu f’idejn il-Gvern, u wara l-gwerra l-imtieħen il-qodma ma reġgħux irxuxtaw. Posthom ittieħed minn makkinarju modern jaħdem bl-elettriku. Issa qegħdin naħsbu biex bħal kieku narmaw xi waħda minnhom bħala attrazzjoni għat-turiżmu.
Nixtieq nagħlaq b’poeżija qasira tal-mejjet poeta u avukat Anton Buttigieg, ex-President ta’ Malta Repubblika Indipendenti:
QUDDIEM KWADRU TA’ MITĦNA
Mulejja
Bħal taħħan twajjeb
dawwarni dejjem
għar-riħ tal-grazzja tiegħek
ħalli nitħan il-qamħ
u nrejjaq lill-fqar
u ‘l kull min hu bil-ġuħ.
Żejjinni, Mulejja
bis-sura tal-mitħna twajba:
Salib bejn l-art u s-sema.
(C) George Cilia