Id-dizzjunarju ta’ Aquilina jiddeskrivi l-kelma QUĊĊIJA hekk:

Ċerimonja li fiha jqiegħdu basket żgħir mimli qamħ, ġugarelli, u xi ċekċikiet oħra żgħar quddiem tarbija li tkun għadha kemm għalqet sena, u skont l-ewwel oġġett li t-tarbija taqbad f’idha, il-ġenituri jbassru l-karriera li t-tarbija tkun se taqbad meta tikber[1].

Kitba ta’ Ġużi Gatt. L-Artiklu oriġinali deher fl-Imnara Nru. 40, 2016.

Issa ilna ftit nafu li t-tifsira tal-kelma “Quċċija” mhux dejjem kienet tinftiehem kif fissirha Aquilina.  Mikiel Anton Vassalli, fid-dizzjunarju tiegħu li ħareġ għall-ħabta tal-1796, ta t-tifsira hekk:

Tisjir bis-smida komuni ħafna fostna[2].

Din it-tifsira turik li għal Vassalli, il-Quċċija ma kenitx iċ-ċerimonja li nafu llum, imma għalkemm tgħidlek li kienet xi ħaġa tal-ikel – tisjir – xorta ma tifhimx sewwa x’kienet.  F’kitba li ġiet ippubblika fl-1999, il-Professur Stanley Fiorini, fost ħafna tagħrif ieħor interessanti, ta t-tifsira tal-kelma cuchia kif sabha f’manuskritti medjevali li kien iltaqa’ magħhom matul l-istudji u r-riċerka tiegħu[3].  Skont il-Professur Fiorini, dil-kelma kienet tissemma f’ħafna testmenti, għax kienet parti mir-ritwal tal-funerali u r-rispett li jingħata lill-mejjet.  Fiorini jikkwota testment minnhom li fih jingħad li kienet ix-xewqa tat-testamentarju li fl-ewwel “vespri” jew lejla (nassumi l-ewwel lejla mill-funeral) “jingħataw żewġt itmien Quċċija lill-foqra, skont kif inhi d-drawwa, u dawn jingħataw fil-kappella ta’ Sant’Andija fir-raħal tal-Gudja, u f’dik ta’ San Ġorġ f’Ġebel Ciantar[4].  Jidher li din id-drawwa kienet għadha b’saħħitha ħafna f’Malta tal-Medju Evu, u jidher ukoll li l-Quċċija kienet xi tisjir li jingħata lill-foqra u jitqassam fil-knejjes mal-mewt ta’ xi ħadd b’sufraġju għal ruħu.  Żewġt itmien jiġu 12-il siegħ, li jiġu għoxrin kejla, jiġifieri ammont imdaqqas.

Fl-istess kitba tiegħu l-Professur Fiorini pprova jindaga meta kien dak iż-żmien li t-tifsira tal-kelma “quċċija” inbidlet għal dik li nafu llum. Jgħid li fil-kitba ta’ Domenico Magri li ġġib l-isem Hierolexicon, u li xxandret għall-ewwel darba fl-1677, il-kelma “Quċċija” kien għad għandha t-tifsira l-qadima, waqtilli fil-Mezzo Vocabolario, li ħareġ fl-1765, ingħatat it-tifsira l-ġdida[5].  Allura jidher li kien għall-aħħar nofs tas-seklu tmintax li l-kelma “Quċċija” ħadet it-tifsira li għandha llum – għalkemm dan ma jispjegax għala Mikiel Anton Vassalli, li ħareġ id-dizzjunarju tiegħu għall-ħabta tal-1795, kien għadu jaf it-tifsira l-qadima u qal li l-Quċċija kienet “tisjir bis-smid”.

De Soldanis, fid-dizzjunarju tiegħu li baqa’ għal ħafna żmien manuskritt mhux ippubblikat, imma li hu magħruf li tlesta għall-ħabta tal-1759, isemmi l-Quċċija wkoll: jgħid li kienet “qamħ mgħolli u mbierek” (grano del frumento bollito e benedetto)[6].  Imma fuq din il-kelma, De Soldanis kien qed jikkwota lill-Viżitatur Appostoliku l-Isqof Dussina, li kien ġie jagħmel żjara f’Malta fl-1575.  Dussina kien qal li f’xi knejjes Maltin, lejliet l-Għid tal-Erwieħ, xi wħud kienu jieħdu l-knisja “qamħ misjur, biż-żbib ġo fih, ġewż, u lewż f’għamla ta’ salib, iqassmuh fost dawk li jkun hemm ġol-knisja, jiekluh u jgħidu Missierna u Qaddisa għal ruħ il-mejtin”.  Ma ninsewx li dan kien x’kiteb Dussina fl-1575.  De Soldanis li, kif għidna, kiteb kważi mitejn sena wara l-miġja f’Malta ta’ Dussina, qal li fi żmienu (jiġifieri fi żmien De Soldanis) din id-drawwa ma kenitx għadha teżisti, għalkemm, kompla De Soldanis, it-tifkira tagħha għadha ma mititx għal kollox għax “xi nies tar-raħal (jew bdiewa) kien għad għandhom id-drawwa li jieħdu din it-tisjira fid-dar ta’ xi qraba tagħhom dakinhar li binhom jew binthom jagħlqu sena”.  Dil-ħaġa kienet issir darba biss, f’għeluq is-sena tat-tarbija, u De Soldanis jgħidilna li l-Maltin ta’ żmienu hekk kienu jifmuha l-kelma Kuċċija.[7]

Ma tkunx idea ħażina jekk fid-drawwa tal-Quċċija kif issir illum, jiġifieri f’għeluq l-ewwel sena tat-tarbija, terġa’ tidħol din ir-riċetta qadima, biex forsi nsalvaw ftit ieħor mill-wirt kulinara tagħna.  Kien għalhekk li fraħt ħafna meta Madam Verie Cassar, Maltija ta’ Tuneż li llum tgħix ġewwa Franza,bagħtitli ittra żgħira li fiha fissritli drawwa li kienet komuni fost il-Maltin ta’ Tuneż meta hi kienet għadha tgħix fosthom.  Ms. Varie Cassar qaltli hekk:

Il-Maltin, l-Isqallin, u xi ftit Griegi ġew fit-Tuneżija aktar minn 50 sena qabel il-Francizi (1881); It-Tuneżija kienet Ottomana; Il-bużnanniet tiegħi ġew fil-1826, u billi kienu Insara fost il-Misilmin, il-Maltin u l-Isqallin kienu joqgħodu miġburin flimkien fl-istess inħawi.  Kienu jżommu t-tradizzjonijiet tagħhom, per eżempju l-Maltin jitolbu lill-Madonna tal-Karmnu, u l-Isqallin jitolbu lill-Madonna tat-Trapani; fil-Għid, kien hemm il-figolli tal-Maltin u l-campanare tal-Isqallin, eċċ.  Xi drabi wieħed kien jieħu t-tradizzjoni tal-ieħor, u biż-żmien l-għarfien tan-nisel tat-tradizzjoni jintilef. Naħseb li hekk ġara bid-drawwa magħrufa bħala il-KUĊĊIJA.  Il-Maltin ta’ Tuneż ħadu d-devozzjoni lejn Santa Luċija minn għand l-Isqallin: mela l-Isqallin biss kellhom bżonn jiġu mħarsa mill-mard tal-għajnejn?  Il-Maltin, bħall-Isqallin, bdew isumu billi ma jiklux ħobż, u xi wħud ma kien jieklu lanqas bajd, imma bħall-Isqallin, għall-festa ta’ Santa Luċija kienu jieklu il-cuccia – il-kuċċija.

Fi żmieni f’Tuneż, jien kont qbadt lapes u niżżilt ir-riċetta ta’ kif konna nagħmlu din il-kuċċija:

Lejliet il-festa, konna nagħmlu l-qamħ fl-ilma biered, u nħalluh il-lejl kollu.

L-għada nsajruh fi ftit ilma biex ma jisirx soppa.

Meta jsir u jkun għadu sħun, inżidu z-zokkor, it-trab tal-kannella, żbib, u qastan misjur (mgħolli għalih waħdu, mhux flimkien mal-qamħ).  Ġieli konna nagħmlu l-qastan tal-bott.

Din it-taħlita konna nikluha fietla, bi ftit ħalib; kien hemm min iżid xi ftit ċiċri, jew iserviha biċ-ċikkulata.

Billi fir-referenzi li semmejna jissemma kemm il-qamħ (grano del frumento, grano cotto – De Soldanis), u s-smid (polenta – Vassalli), staqsejt lil Madam Verie x’riedet tfisser meta kitbet li fi żmienha kienu “jsajru l-qamħ”.  Aċċertatni li li riedet tgħid kien li kienu jgħallu ż-żerriegħa tal-qamħ, u mhux il-qamħ mitħun li jiġi dqiq, smid, jew smida.  Ma tkunx idea ħażina jekk terġa tissawwar riċetta mibnija fuq it-tagħrif li għadna kemm tajna, u dan l-ikel folkloristiku Malti jerġa’ jibda jiġi servut lill-ħaddara jew mistednin li jkunu fid-dar meta ssir il-Quċċija tat-trabi li reġgħet saret popolari fostna.

(c) Ġużi Gatt

[1] Aquilina, Joseph: P1163

[2] Lexicon p. 314

[3] Fiorini, Stanley, (1999), “Documented Etymology of Maltese” f’P. Xuereb (Ed.) Karissime Kotifride. P. 169-170

[4] Ibid

[5] Ibid

[6] Cassar-Pullicino, Guże, Anichi Cibi Maltesi, Melita Historica Vol. 3, No. 2, 1961, paġna 50-51

[7] Ibid